Riforma b’kuraġġ: l-IVF

Ir-riforma fil-liġi tal-IVF għandu jkollha l-għan li ttejjeb l-aċċess għat-trattament tal-fertilità.

 Fit-30 ta’ Lulju li għadda, il-Gvern ħabbar li qiegħed iħares biex jevalwa l-leġiżlazzjoni tal-IVF u dan anki fil-kuntest tar-riformi soċjali li seħħew matul dawn l-aħħar snin, kif ukoll ta’ sentenzi riċenti li għaddiet il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li semmihom il-Gvern stess. Il-Gvern ħabbar ukoll li ġie stabbilit Kumitat ta’ Ħidma Inter-Ministerjali biex jirrevedi l-IVF li hu magħmul minn professjonisti mill-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa, il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili u l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

Bħala parti mill-proċess ta’ reviżjoni, il-kumitat inter-ministerjali stieden lill-partijiet interessati kollha kif ukoll lill-pubbliku ġenerali biex jibagħtu l-kontribuzzjonijiet u s-suġġerimenti tagħhom bħala parti minn din l-evalwazzjoni tal-qafas legali tal-IVF.

Bħala NL - Nisa Laburisti, ridna nkunu fuq quddiem nett fil-proċess ta’ din ir-reviżjoni, mhux lanqas għaliex nemmnu li bħala organizzazzjoni li nirrappreżentaw nisa li ġejjin minn kull sfera tas-soċjetà, nagħrfu l-ħtiġijiet differenti li jeżitu fost in-nisa u anke l-irġiel fis-soċjetà Maltija. 

Aktar min hekk, ħassejna li aħna wkoll kellna nagħtu l-kontribut tagħna sabiex naraw li f’pajjiżna jkun hawn dibattitu wiesgħa u san biex meta l-Gvern jasal biex jilleġiżla, jagħmel dan wara li jkun ikkunsidra l-veduti kollha.

Inkunu spalla ma’ spalla ma’ dawk kollha li qegħdin isofru fis-silenzju f’dan id-dibattitu. Irridu nkunu ta’ appoġġ u ta’ kuraġġ

Nagħmilha ċara, bħala NL - Nisa Laburisti, filwaqt li nirrispettaw l-opinjoni ta’ kulħadd, għaliex nifhmu li dan huwa suġġett sensittiv u li jaf iqanqal kontroversji u emozzjonijiet u li għaldaqstant ser ikun hawn fehmiet differenti, qegħdin u rridu nkunu spalla ma’ spalla ma’ dawk kollha li qegħdin isofru fis-silenzju f’dan id-dibattitu. Irridu nkunu ta’ appoġġ u ta’ kuraġġ.

Aħna solidari ma’ dawk il-persuni li għaddew jew għaddejjin mill-proċess tal-IVF, propju għaliex nifhmu d-diffikultajiet kbar assoċjati ma’ trattament simili. Diffikultajiet mhux biss relatati ma’ aspetti soċjali jew finanzjarji, imma anki ta’ natura psikoloġika għaliex l-ewwel u qabel kollox, irridu nifhmu li l-persuni li jfittxu trattament tal-fertilità huma persuni li għalkemm ikunu jixtiequ t-tfal għal raġuni jew oħra jkunu sabu diffikultà sabiex jikkonċepixxu.

Nagħrfu wkoll li l-isfidi marbuta mal-fertilità mhumiex esklussivament tan-nisa biss, iżda huma tal-irġiel ukoll. Nagħrfu wkoll li anke rġiel jistgħu jkunu milquta minn din l-isfida, u għaldaqstant ridna li f’dan id-dibattitu dwar ir-riforma tal-ligi tal-IVF ninkludu lil kulħadd irrispettivament mill-ġeneru. 

Dan għamilnieh wara li tkellimna ma’ professjonisti fil-qasam, u wara li smajna wkoll minn bnadi differenti dwar minn xiex tgħaddi persuna jew koppja li tkun għaddejja minn trattament bħal dan u dwar kif il-liġi Maltija tista’ tittejjeb sabiex tnaqqas mid-diffikultajiet li għadhom jinsabu fil-qafas legali Malti.

Irridu nifhmu li l-persuni li jfittxu trattament tal-fertilità...jkunu jixtiequ t-tfal, imma għal raġuni jew oħra, jkunu sabu diffikultà biex jikkonċepixxu

Dan għamilnieh f’settur fejn il-protagonisti qed jgħixu fis-silenzju. Għamilna dan ukoll wara li rajna xi jsir f’pajjiżi oħra Ewropej.  

Ressaqna s-sottomissjonijiet tagħna lill-Kumitat Inter-Ministerjali u sussegwentement għamilna l-proposti tagħna pubbliċi, mhux għax ridna nidhru sbieħ jew biex xi ħadd jgħidilna prosit, iżda għaliex ridna li aħna wkoll inservu ta’ strument li jqajjem l-interess u jistimula d-diskussjoni u dan għaliex nemmnu li huwa biss permezz tad-diskussjoni li jistgħu jissawru l-aqwa proposti.

Nemmnu li f’dan il-qasam tista’ ssir ġustizzja, u li jintlaħaq bilanċ li permezz tiegħu jagħti ċans akbar lill-familji Maltin u Għawdxin li għandhom sfida ta’ fertilità.

Dan l-artiklu jkompli l-ġimgħa d-dieħla.

Claudette Abela Baldacchino hija President ta’ NL - Nisa Laburisti

More in Blogs