L-omertà li qed teqridna

L-Editorjal tal-ILLUM

L-inċident li seħħ din il-ġimgħa fejn Ungeriż ġie verbalment attakkat minn mara Maltija u wara mitfugħ mal-art minn xi membri tal-Korp tal-Pulizija fetaħ beraħ ferita reali li tħalliet u għadha qed titħalla tiekol minn ġewwa l-fibra morali ta’ pajjiżna. Dan il-ġurnal iħoss li dak li ġara fit-terminus tal-Belt kellu jixxokkja imma mhux li tant jissorprendi għaliex huwa parti minn ħsibijiet u mentalità li issa ilhom magħna għal snin u li dwarhom ftit li xejn sar.

Ħa nibdew mill-ewwel fatt. Ir-reazzjoni tal-Pulizija kienet waħda sproporzjonata. Li tara bniedem mitfugħ mal-art b’dak il-mod daqslikieku għamel l-akbar att kriminali u huwa l-aktar persuna malizzjuża fil-pajjiż la hija xi ħaġa sabiħa u lanqas dekoruża għall-Korp. Kellu bżonn kull min seraq il-miljuni mill-kaxxa ta’ Malta, tħanżer bi flus il-poplu u min għadu jitħanżer u jabbuża, mhux biss mis-sistema imma wkoll minn nies,  jingħata l-istess trattament. Ir-reazzjoni tal-membri fil-Korp, anke jekk ġustifikata skont il-liġi, tat lil dawk li kienu xhieda tal-inċident, anke fuq il-midja soċjali, l-idea li dan kien teatrin ta’ saħħa biex nintgħoġbu ma’ dawk li fl-isfond instemgħu jċapċpu.

Iżda jekk inħarsu lejn l-inċident f’iżolament u nieqfu hemm inkunu qed niżbaljaw, bħal ma nkunu qed niżbaljaw jekk nipprovaw nibdew xi forma ta’ gwerra kontra dawn il-membri tal-Korp partikolari biex nagħmluhom ħaruf tas-sagrifiċċju u biex taparsi l-awtoritajiet qed jagħmlu xi ħaġa. Il-vera marda u l-virus qerriedi li qed ikisser il-valuri li suppost inħaddnu bħala pajjiż imur ħafna ’l bogħod minn dan l-inċident, imur lil hinn minn kwalunkwe stqarrija ta’ solidarjetà jew apoloġija.

Dak li seħħ, kemm jekk l-attakk verbali jew ir-reazzjoni tal-Pulizija wara, huma sintomi ta’ soċjetà li waqfet tħares lejn persuna skont l-abbiltajiet tagħha, skont dak li kapaċi toffri, skont kemm kapaċi tħobb. Insejna li bniedem mhux biss fid-deher imma wkoll fil-qalb, mhux biss fil-wiċċ imma wkoll f’azzjonietu u mhux biss fil-kulur tal-ġilda imma fil-kulur tal-karattru. Qed ninsew li wara l-faċċata ta’ kull uman, anke jekk faċċata kerha, kapaċi ssib l-isbaħ persuna u l-aktar persuna li fiha tista’ tafda u li fuqha tista’ żżomm meta l-ħajja toffrilek l-imrar.

Minflok inqisu dan kollu, kif tistqarr il-Ministru Helena Dalli f’intervista li qed tidher illum fuq dan il-ġurnal, ħallejna l-biża’ tirkibna. Nibżgħu minn persuna, ma nkellmuhiex, noqogħdu ’l bogħod minnha, nistkerrhuha, inkissruha u nċapċpu meta jitfugħha wiċċha mat-trab. U dan għaliex? Għax għandha ġilda sewda. U ejjew inkunu onesti magħna nfusna, dan kollu qed jiġri għax persuna għandha ġilda sewda, għax ara xi mara bjonda jew xi oħra Bulgara, dik mhux nistkerrhuha. Lil din nidħqulha, inġibuha Malta, imbagħad inħallsuha l-karawett biex fl-aħħar tax-xahar immorru niftaħru bil-profitti li għamilna minn fuq daharha.

Imma dan il-ġurnal jagħraf ukoll illi dak iċ-ċittadin tat-triq ma jaħtix għalkollox hu. Ħafna drabi ssir kritika qawwija fil-midja kontra gruppi estremi tal-lemin, kontra gruppi fuq Facebook u kontra individwi li jagħmlu pubbliku l-fehma tagħhom imma ninsew ukoll lil dawk li qed jitimgħu r-razziżmu f’pajjiżna. Ninsew lil dak li jħaddem persuna Afrikana biex ma jagħtix overtajm lill-ħaddiem Malti, ninsew lil dawk li kif żvela dan il-ġurnal qed iħallsu lill-barranin biċ-ċiċri għad-detriment ta’ min irid jaħdem skont il-liġi u jingħata d-drittijiet kollha li huma tiegħu.

Ngħattu għajnejna għall-għexieren ta’ immigranti l-Marsa kuljum jistennew li jieqaf  vann u jtihom ġimgħa jew anke ġurnata xogħol għal ftit ewri. Taparsi ma nafux! Taparsi ma rajniex! Taparsi mhux qed nindunaw meta nsuqu minn Triq Aldo Moro li qed insuqu minn ġo nofs l-abbuż ippersonifikat. L-aqwa li wara li ngħajruh u ngħidulu biex imur lura pajjiżu, immorru fuq l-istess persuna sewda u nistednuh jiżbogħ il-kamra tas-sodda tad-dar għal xi €10. U dik l-€10 fejn qed tmur? Qed tmur f’ekonomija sewda li minnha mhux qed igawdi l-pajjiż u li qed toqtol il-prospetti tal-ħaddiem Malti jew anke barrani li jixtieq jaħdem f’Malta skont il-liġi. Imbagħad nistagħġbu għax ir-razziżmu qed jgħolli rasu. Mhux bilfors. Tmajnieh aħna r-razziżmu, bħalma titma’ kukkudrill bil-ġuħ li jibqa’ ġej għal aktar sakemm ma jsibx aktar ikel u jiekol lilek.

U Alla jbierek Ministru wieħed  li hu wieħed ma jgħaddix minn Triq Aldo Moro? Ħadd mill-Membri Parlamentari, Nazzjonalisti u Laburisti, ma jistaqsi meta jgħaddi mit-triq x’qed jagħmlu dawn jistennew fuq bankina? Iva possibli l-Membri Parlamentari tagħna huma kollha daqshekk boloh li jaħsbu li dawn qegħdin hemm għal xi diskursata?

Din hija l-vera marda li qed teqred il-fibra tal-pajjiż, l-omertà. Li ħadd ma jrid jitkellem dwar l-abbuż ta’ madwarna, li bħal dawk fil-parabbola tas-Sammaritan naraw lill-vittma, naqsmu t-triq u nibqgħu mexjin daqslikieku ma rajna xejn. U sadanittant il-biża’ tkompli tikber u l-inċidenti bħal dawk fit-terminus jibqgħu jsiru, anke jekk mhux taħt l-għajnejn tal-ġurnalist u f’Buġibba jibqgħu jsiru petizzjonijiet biex stabbiliment għal persuni suwed jagħlaq il-bibien.

Neħtieġu nedukaw u nedukaw u jekk illum se jibda jkollna kotba ta’ Peter and Peter apparti Peter and Jane, biex it-tfal jifhmu aħjar id-diversità sesswali mela allura hemm bżonn li nibdew nippublikaw kotba b’Peter minn Malta ma’ Jane miż-Żambja. Hemm bżonn inkattru l-mentalità li fid-diversità hemm is-sbuħija, li fil-varjetà hemm il-kreattività u li fit-tolleranza hemm saħħa li ma jista’ jegħlibha ħadd.

Sadanittant infakkru lin-nies  li kienu, huma jew se jkunu fil-poter f’dan il-pajjiż li l-istorja nkitbet minn dawk il-politiċi u mexxejja li kienu differenti, li kienu huma li ddiżintegraw l-indifferenza u l-mibgħeda, mhux li ddiżintegraw taħtha u li tkellmu meta l-akbar kanuni kienu f’wiċċhom lesti biex jisparaw. Għalhekk baqgħu eroj ta’ dejjem Martin Luther King, Nelson Mandela u Desmond Tutu, għalhekk l-istorja mhi se tinsiehom qatt.

More in Blogs