Għal kull raġel hawn tliet nisa li jesperjenzaw ħsibijiet transesswali

"Dak p**** bil-pedigree, mhux kuntent bih innifsu, mara-raġel, jaqq dak naħseb raġel ta..."

Persuna minn kull 400 jesperjenzaw sentimenti transesswali
Persuna minn kull 400 jesperjenzaw sentimenti transesswali

“Ommi ma jaqq naħseb dak raġel ta!”, “Xi ksuħat u qżież illum il-ġurnata”, “Mhux kuntent bih innifsu”, “Dak mara-raġel”, "Dak p**** bil-pedigree!"

Ninsab ċert li dan id-diskors negattiv lejn individwi transesswali ġieli smajnih jew anke saħansitra għednih! Mela tlaqna!

Waħda mill-ewwel opportunitajiet u naħseb l-iżjed speċjali li kelli sa issa fis-sessoloġija, kienet madwar tliet snin ilu ġewwa Padova. Waqt it-taħriġ tiegħi fil-psikoloġija, kelli l-okkażjoni li nsegwi seba' individwi li kienu qegħdin jaħsbu bis-serjetà li jbiddlu s-sess tagħhom minn maskili
għal femminili, anke bil-kontra. Tajjeb li ngħidu li bejn wieħed u ieħor persuna minn kull 400 jesperjenzaw sentimenti transesswali qawwijin
(Wilson, 2005). Għal kull raġel (bijoloġikament) li jħoss ħsibijiet trans hawn tliet nisa (bijoloġikament) li jesperjenzaw dawn l-istess ħsibijiet (Task Force on Gender Identity and Gender Variance, 2008).

Nibda biex ngħid li l-proċess biex persuna tbiddel is-sess tagħha huwa pjuttost twil u delikat. F’ħafna pajjiżi, dan il-proċess huwa stipulat u
ggwidat mil-liġi. Mhux se nidħol f'dettalji legali għax mhuwiex dan l-iskop ta' dan l-artiklu, biss normalment, il-proċedura tibda minn 13-il xahar
qabel ma wieħed jagħmel il-kirurġija. L-eżamijiet tal-psikoloġija u tal-psikjatrija huma l-ewwel li jsiru, u wara dawn, sena oħra ta' psikoterapija. Il-psikoterapija ma tingħatax biex tbiddel il-ħsieb tal-persuna. Minflok, il-psikologu mħarreġ f'dan il-qasam tas-sessoloġija, jgħin lill-persuna biex tifhem l-implikazzjonijiet fiżjoloġiċi, soċjali u psiko-sessoloġiki ta' din il-bidla hekk drastika.
Marbut ma' dan, tajjeb li ngħidu li hija ta’ tbatija kbira għal persuna li tgħix maqbuda ġo ġisem li hija tħoss li mhux tagħha. Minħabba li huwa tant żmien diffiċli u ġieli anke ta’ trawma għall-persuna, il-psikologu jew is-sessologu se jaħdem ukoll biex jidentifika xi kundizzjonijiet li jistgħu
jkunu preżenti fil-persuna bħad-dipressjoni, l-abbuż mis-sustanzi u anke xi disturbi tal-personalità, u flimkien jaħdmu fuqhom. Bidla bħal din iġġib ukoll magħha tbatija finanzjarja u anke soċjali (allavolja l-ispiża tvarja minn individwu għall-ieħor, u minn pajjiż għall-ieħor, dan il-proċess jiswa bejn €25,000-€34,000. Iżjed minn hekk, xi nies transesswali spiss jgħidu li jħossuhom fuq il-periferija tal-komunità LGBT, aħseb u ara kemm huwa aktar ta’ tbatija biex nies trans joħorġu fil-beraħ għas-soċjetà.
Fost ir-raġunijiet komuni li jwasslu għal stigma lejn persuni trans huwa n-nuqqas ta’ għarfien dwar dawn l-individwi, kif ukoll il-fatt li ħafna
nies qatt ma saru jafu persuna trans u għaldaqstant qatt ma kienu esposti għar-realtà iebsa li dawn in-nies jgħixu ta’ kuljum.

Għal dawn ir-raġunijiet, ħassejt il-bżonn li nikteb dwar xi jfisser li persuna tkun trans, kif ukoll id-differenza, avolja mhux dejjem
ċara, bejn il-kliem transġender u transesswali.
Is-sess u l-ġeneru tal-persuna huma żewġ termini relatati biss, imma differenti fit-tifsira tagħhom. Is-sess bijoloġiku jirreferi għall-anatomija tal-persuna. Tipikament, xi ħadd li huwa bijoloġikament raġel ikollu pene u testikoli. Mill-banda l-oħra, xi ħadd li huwa bijoloġikament mara, ikollha vaġina u ovarji. Mill-banda l-oħra, il-ġeneru huwa ankrat iżjed fil-kultura u l-ambjent soċjali li fih ngħixu. Ħafna kulturi madwar id-dinja għandhom normi u attivitajiet soċjali li huma assoċjati man-nisa jew l-irġiel biss. Pereżempju pupi u make-up huma
relatati mal-bniet, filwaqt li karozzi u xi ballun huma aktar assoċjati mas-subien. Similarment, it-tfal jistgħu jkunu mrobbija b’ċertu mod u manjiera biex bħala adulti jieħdu rwoli speċifiċi, biex jaġixxu u jġibu ruħhom b'ċertu mod, jew anke biex jaspiraw għal xogħlijiet li huma kulturalment relatati mal-ġeneru tagħhom.

Id-darba li jmiss se niddiskutu t-transġender u t-transesswalità f'aktar dettall. Ukoll fil-futur qarib, inkluż ma' dan il-blog, se jkun hawn esperjenza ta' mara, li allavolja tħossha iżjed komda tilbes u tidentifika lilha nfisha mal-ġeneru maskili, għażlet li tagħmel ħafna modifiki fil-ġisem tagħha, imma għadha mhix ċerta jekk tagħmilx il-kirurġija tat-tibdil tas-sess. Niltaqgħu!

More in Blogs