Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

X'hemm ġdid miċ-ċinemas lokali?

Segwi x'inhuma l-films li se joħroġu fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa

Carmel Bonnici / 28 t'Awwissu 2017 09:10
The Hitman’s Bodyguard

Atturi Ewlenin: Ryan Reynolds; Samuel L. Jackson; Gary Oldman; Salma Hayek; Elodie Young; Richard E, Grant

Direttur: Tom O'Connor

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 118 min

Ċert: 15

‘The Hitman's Bodyguard’ hu film ieħor mimli azzjoni inkredibbli qisha minn xi ktieb komik, però eżekwita bħal xi kummiedja sfrenata. L-isem tal-film hu daqsxejn ambigwu għax, fin-normal, wieħed li joqtol għall-flus [hitman] żgur li m'għandux bżonn ta' protezzjoni minn ħaddieħor [bodyguard].  Aġent speċjali li jindokra l-ħajja ta' nies prominenti, Michael Bryce [Reynolds], ikun imqabbad jgħasses b'mod strett il-persuna ta' Darius Kincaid [Jackson], wieħed mill-aktar mercenarji nfamin fid-dinja, biex mir-Renju Unit jieħdu biex jixhed fil-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja f'The Hague, l-Olanda. It-triq li se jaqbdu se tkun waħda ta' perikli kontinwi u imminenti.  Minkejja li huma għedewwa, se jkollhom jaħdmu id f'id meta jkunu attakkati f'ġirja sfrenata fil-kanali ta' Amsterdam, jew f'oħrajn fi triqat mimlijin traffiku, anki kontra x-xejra tat-traffiku, minn dittatur potenti mill-Ewropa tal-Lvant. ‘The Hitman's Bodyguard’ ixaqleb aktar lejn il-kummiedja qawwija li tirrendi x-xeni ta' azzjoni mhux daqshekk kompetenti. Fl-intriċċi li jinqalgħu, ir-rwoli tal-protagonisti kważi jinqalbu fejn, diversi drabi, jkun il-‘hitman’ li jsalva l-ħajja tal-’bodyguard’.  Jidher ovvju li Samuel L. Jackson, li jiddomina f'parti ta' wieħed b'arja żejda fuqu u dak kollu li jseħħ hu għalih xi ħaġa komuni, kellu xalata kbira jaġixxi hekk.

 

Everything, Everything

Atturi Ewlenin: Amanda Sternberg; Nick Robinson; Ana de la Reguera; Anika Noni Rose

Direttrici: Stella Meghie.

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 96 min

Ċert: 12A

Il-melodrammi romantiċi jew il-films ‘tal-maktur’ huma l-favoriti ta' sezzjoni mill-udjenza.  Reċentement, kellna ‘The Space Between Us’ dwar relazzjoni romantika delikata inter-spazjali u ‘The Fault In Our Stars’ li bħal ‘Love Story’ [1970] parti mill-koppja romantika hi marida serjament.  Ma' dawn u diversi oħrajn, issa nistgħu nżidu ‘Everything, Everything’, produzzjoni magħmula biex tqanqal is-sentimenti, kultant bla bżonn.  Maddy Whittier [Sternberg], tfajla grazzjuża ta' 18-il sena qabditha marda li minħabba fiha trid tibqa' dejjem imsakkra fid-dar pulita, nadifa u, fuq kollox, sterilizzata.  Li tmiss mal-arja ta' barra hi xi ħaġa ta' dannu kbir għaliha. Meta fil-post ta' ħdejha jasal Olly [Robinson], ġuvni dħuli, gustuż, b'xagħar twil, dawn it-tnejn jibdew jibagħtu messaġġi bil-mowbajl lil xulxin. In-ners li tieħu ħsiebha, Carla [de la Reguera] tikser l-ordni tad-dar u ddaħħal lil Olly ħdejn Maddy. L-attrazzjoni għal xulxin tant tikber li se tkun ħaġa impossibbli li jibqgħu separati. Tgħid tisfida lil ommha Pauline [Rose] u ma tagħtix kas tal-kontaminazzjoni tal-apert biex tiltaqa' mal-maħbub ta' qalbha? ‘Everything, Everything’ hu maħdum apposta biex jiġbed il-kordi tal-qalb u juri li l-ewwel imħabba tfarrak kull limiti.  Min iħobb sentimentaliżmu żejjed, dan hu l-film għalih.  Għallinqas, il-kanzunetti karaoke li jinstemgħu jgħollu xi ftit l-interess ta' dan ix-xogħol immirat strettament għaż-żgħażagħ.

 

Rough Night

Atturi Ewlenin: Scarlett Johannson; Kate McKinnon; Jillian Bell; Ilana Glazer; Zoe Kravitz; Demi Moore

Direttriċi: Lucia Aniello

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 101 min

Ċert: 15

Wara l-vjaġġ ta' erba' tfajliet fir-riċenti ‘Girls Trip’, erba' nisa żgħażagħ, li fl-2006 kienu flimkien f'kulleġġ Amerikan, għaxar snin wara lkoll jitħajru jmorru jiddevertu f'Miami, flimkien ma' ħabiba Awstraljana oħra, fejn waħda minnhom se tiżżewweġ f'‘Rough Night’. Naturalment, issa li reġgħu ngħaqdu flimkien u jsibu ruħhom liberi, huma se jispissjaw xi ftit b'riżultati mhux sbieħ. Meta jkunu fl-aqwa vena tagħhom, iżuru l-klabbs u anki jieħdu xi drogi biex ineħħu minn fuqhom il-mistħija u jaġixxu b'mod irrisponsabbli daqs xi tinagers, jinqala' nċident sfortunat fejn raġel li suppost hu ‘stripper’ jinqatel fl-appartament tagħhom. It-ton tal-film hawn jinbidel radikalment meta b'kull sforz possibbli jippruvaw jeħilsu mill-katavru li ma jridx jisparixxi. Wieħed mill-ewwel jaħseb fil-film ‘Weekend At Bernie's’ li kienet kummiedja sfrenata bla brejkijiet, jew f'‘The Trouble With Harry’, xogħol nofsu serju ta' Alfred Hitchcock. Però, il-premessa ewlenija ta' ‘Rough Night’ toqrob aktar lejn ‘The Hangover’, iżda ma tantx tersaq lejn il-limiti transgressivi ta' dan. Minkejja ċajt pjuttost vulgari, referenzi għas-sess, aġir farsesk meta dawn il-ħbieb ikunu fis-sakra u koppja ġar tagħhom moħħhom fil-libertinaġġ, din il-produzzjoni għandha l-parametri tagħha sa fejn tasal.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook