Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

L-Iffissat t’Alla

Carlos Farrugia u Joseph Galea b'xogħol kontemporanju teatrali għal żmien l-Għid

29 ta' Marzu 2017 09:26
Kien sentejn ilu fl-2015 li Carlos Farrugia u Joseph Galea ħolmu li jippreżentaw xogħol teatrali kontemporanju li jista’ jittella’ għal żmien l-Għid. Għalkemm dan ix-xogħol ma jkollux rabta partikolari mal-ġrajja tal-Passjoni u huwa xogħol teatrali kontemporanju, is-suġġett tiegħu jkun ideali biex isir f’dawn iż-żminijiet. Din il-ħolma saret realtà meta fl-ewwel xogħol tagħhom, Galea u Farrugia ppreżentaw ġrajja li seħħet fl-aħħar tas-snin 70 fi Strada Stretta, kif kien jixhed l-istess isem tad-dramm ‘Kristu Fi Strada Stretta’ u r-rappreżentazzjoniet saru fi Splendid House fl-istess triq. Dan ix-xogħol kien suċċess u kien għalekk li l-amministrazzjoni ta’ Spazju Kreattiv, is-sena li għaddiet, issuġġerew lill- produtturi sabiex jippreżentaw xogħol teatrali simili fit-teatru tal-Kavallier ta’ San Ġakbu.

‘Passjoni Tad-Duluri’ kien l-isem tad-dramm li kien imfassal sabiex l-udjenza li tkun qed issegwih tirrealizza, ftit ftit, kemm passjonijiet jeżistu madwarna, u kemm passjonijiet iħabbtu wiċċhom magħhom nies komuni, kuljum. It-temi prinċipali kienu t-tbatija, il-ħtija u l-emozzjoni, ilkoll miġbura flimkien fid-diffikultajiet komuni li nisimgħu dwarhom u mmissu b’idejna kemm-il darba matul ħajjitna. Hekk kif għaddiet din il-produzzjomi li wkoll kellha s- suċċess mixtieq, beda x-xogħol fuq il-kitba ta’dramm ieħor li fil-fatt se jittella din is-sena fl-istess teatru.

L-isem magħżul huwa ‘L-Iffissat t’Alla. Għal darb’oħra, dan hu xogħol kontemporanju li jitratta ġrajja stramba ta’ relazzjoni bejn żewġt irġiel. Il-kitba u direzzjoni bħas-snin l-imgħoddija hija ta’ Joseph Galea u Carlos Farrugia, din is-sena b’għajnuna kbira mid-direttur veteran tat-teatru Carmel. S Aquilina. Farrugia u Galea se jinterpretaw ukoll il-karattri ewlenin flimkien ma’ erba’ atturi oħrajn, Maria Farrugia, Lucy Camenzuli, Rodianne Abela u Angela Buttigieg. Il-mużika bħas-sena li għaddiet ser tkun oriġinali kompożizzjoni ta’ Mark Spiteri Lucas. Kollox jindaqq live minn Spiteri Lucas innifsu fuq il-pjanu akkumpanjat mill-perkussjonista Stefan Tate. Id-disinn tad-dawl huwa ta’ Adrian Bartolo. Din il-produzzjoni għal darb’oħra qiegħda ssir b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Valletta 2018 u l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.

Id-dati tar-raprezentazzjonijiet huma 7,8,9,12 u 13 t’April fit-8pm u nhar il-Ġimgħa l-Kbira 14 t’April fl-10.30am ġewwa Spazju Kreattiv, Kavallier San Ġakbu l-Belt Valletta. Għal aktar informazzjoni u għall-biljetti wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku ta’ Spazju Kreattiv jew http://www.kreattivita.org/en/event/l-iffissat-talla/ Wieħed jista’ jċempel ukoll fuq in numru 99467410.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook