Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Miċ-ċinema din il-ġimgħa

Aqra iktar dwar il-films li se jibdew jintwerew fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa

Carmel Bonnici / 5 ta' Diċembru 2016 11:54
Tom Hanks fil-parti tal-pilota Sully
Sully

Atturi Ewlenin: Tom Hanks; Aaron Eckhart; Laura Linney; Mike O'Malley; Jamie Sheridan

Direttur: Clint Eastwood

Maħruġ minn KRS Releasing

Ħin: 96 min

Ċert: 15

Avveniment tassew straordinarju ġara nhar il-15 ta' Jannar 2009, magħruf bħala ‘l-Miraklu fuq ix-Xmara Hudson’. Din l-istorja aktarx fil-preżent minsija, ġibdet l-għajn ta' Clint Eastwood li ddeċieda li jġibha għal fuq il-liżar il-kbir. Il-pilota veteran Chesley ‘Sully’ Sullenberger [Hanks] flimkien mal-ko-pilota Jeff Skiles [Eckhart] bilkemm laħqu taru mill-ajruport ta' LaGuardia, fi New York għal Charlotte, Carolina ta' Fuq li ma sabux quddiemhom qatta' wiżż li nġibbdu fiż-żewġ magna jets tal-ajruplan u għamlulhom ħsara rreparabbli. Sully, pilota tassew abbli u kapaċissimu għal deċiżjonijiet instantanji ra li l-aħjar triq hi li jniżżel l-ajruplan fl-ilmijiet inġazzati tax-xmara Hudson. B'hekk, salva l-ħajja ta' 155 ruħ, fejn lanqas biss ħadd ma korra, ukoll bl-intervent f'waqtu tal-gwardji tax-xatt ta' New York. Din il-manuvra inġenjuża ġiet imfaħħra minn kulħadd, speċjalment mill-passiġġieri stess li kellhom ħafna tifħir għall-kaptan. Sully sar l-eroj ta' ħafna minn dawk li raw it-televiżjoni jew qraw l-aħbarijiet. Ironikament, hu u Skiles ġew mitluba jixhdu quddiem bord ta' investigazzjoni fejn ir-reputazzjoni u l-karriera tagħhom kienet fil-periklu. L-screenplay ta' din il-produzzjoni hija meħuda mir-rakkont ta' kif seħħ dan l-avveniment minn Sully stess, ‘Highest Duty’. Is-sekwenzi tas-smigħ ta' dan il-każ ikopru parti sostanzjali ta' dan ix-xogħol fejn iż-żewġ qalbenin jgħaddu minn ruxxmata mistoqsijiet banali u żejda bit-tir li jkissru r-reputazzjoni tagħhom. Ix-xokk kbir li wara ħakem lil Sully li rreagixxa b'mod kalm, meqjus u dinjituż, jirrendilu ħolm ikrah li jfakkar fiċ-ċiklu ta' films tad-diżastri tas-snin sebgħin, l-aktar ‘Airport’ [1970]. B'xagħar folt abjad u mustaċċi qishom silġ, Tom Hanks jerġa' jagħti interpretazzjoni meraviljuża u kważi jixbah perfettament lil veru pilota Chesley Sullemberger.

 

A United Kingdom

Atturi Ewlenin: David Oyelowo; Rosamunde Pike; Jack Davenport; Tom Felton

Direttrici: Amma Asante.

Maħruġ minn KRS Releasing

Ħin: 111 min

Ċert: 15

 

Fl-1948 f'Londra, żwieġ bejn student iswed tal-liġi u skrivana bajda qajjem kriżi diplomatika twila.  ‘A United Kingdom’ li hu bbażat minn fuq avvenimenti veri iżda straordinarji għal żmienhom, hu melodramma romantika li tmiss il-qalb. Din il-produzzjoni pjuttost divertenti tikkombina tajjeb andament ta' solidarjetà flimkien ma' edukazzjoni storika. Fl-1947, Senetse Khama [Oyelowo], l-eredi tar-renju tribali ta' Bechuanaland, fl-Afrika t'Isfel, waqt li qed jistudja l-liġi f'Londra jiltaqa' ma' Ruth Williams [Pike], li taħdem f'uffiċċju. Bħal kalamita, it-tnejn li huma jinġibdu għall-xulxin, l-aktar meta hi taffaxxina ruħha bil-viżjoni tiegħu ta' dinja aħjar, Billi wara l-gwerra ħafna użanzi riġidi tradizzjonali bdew jinbidlu u bosta nies ħassewhom aktar liberi, waqt li anki l-Imperu Brittaniku beda juri sinjali ta' dgħufija, it-tnejn li huma ma sabuhiex tqila biex jiżżewġu. Huma sabu oppożizzjoni mhux biss mill-familji rispettivi tagħhom, imma anki mill-gvernijiet tal-Gran Brittanja u tas-Sud Afrika, pajjiż fejn daħlet riċenti l-liġi tal-apartheid. Minkejja pressjoni minn kull naħa, Seretse u Ruth baqgħu sodi u determinati lejn xulxin. Hi marret tgħix miegħu f'pajjiżu, taħdem man-nies tat-tribu tiegħu, anki meta hu ġie eżiljat f'Londra. F'kull laqgħa li kellu fiż-żewġ pajjiżi dejjem daħħal l-isem ta' martu fid-diskors tiegħu. Fl-aħħar, dan iż-żwieġ li kien ibbojkottjat kemm mill-Prim Ministru Ingliż u kemm mill-Isqof ta' Londra tant irnexxa u tant hi baqgħet tagħtih is-sostenn f'kollox, li l-veduti ta' kulħadd inbidlu għall-aħjar. Fl-1966 hu sar ir-Re tar-Repubblika ta' Botswana kif sar jismu pajjiżu, wieħed mill-aktar ta' prosperità fl-Afrika. Fl-aħħar, insiru nafu li t-tnejn li huma jinsabu midfuna f'qabar wieħed. ‘A United Kingdom’ hu film mimli diversi emozzjonijiet, kemm ta' ferħ u kemm ta' niket, b'mużika evokattiva u fotografija ta' lussu. Ħafna aħjar mis-soltu hi Rosamunde Pike speċjalment fis-sekwenzi tal-maktur.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook