Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Fiċ-ċinema din il-ġimgħa

Aqra iktar dwar il-films li tista' tara din il-ġimgħa fiċ-ċinema, kitba ta' Carmel Bonnici

Carmel Bonnici / 21 ta' Novembru 2016 14:32
Fantastic Beasts and Where to find them

Atturi Ewlenin: Eddie Redmayne; Katherine Waterstone; Dan Foggler; Samantha Morton; Ezra Miller; Colin Farrell.

Direttur: David Yates.

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 138 min 

Ċert: 12A

Id-dinja tas-seħer għadha tappella sewwa għal J.K. Rowling, il-ħallieqa tas-saħħar tfajjel Harry Potter. Wara seba' kotba ta' suċċess kbir u tmien films epiċi li ġibdu l-immaġinazzjoni ta' miljuni kbar minn madwar id-dinja fl-avventuri maġiċi ta' Potter u sħabu, issa 15-il sena wara, l-udjenzi se jerġgħu jiffaċċjaw aktar fantasiji b'‘Fantastic Beasts And Where To Find Them’. Ambjentat fl-1926, nofs dinja 'l bogħod, fi New York, xi ħaġa misterjuża qed tħalli ħerba sħiħa fit-triqat. Fl-eqqel ta' din it-tensjoni palpabbli, jasal Newt Scamander [Redmayne] fil-belt, żooloġista maġiku b'bagalja mimlija kreaturi perikolużi. Meta, b'aċċident, xi ftit minn dawn il-bestji ta' Newt jaħarbu f'belt diġà mifnija b'inkwiet kbir, ir-relazzjoni bejn is-sħaħar, il-profeti u nies oħra mingħajr poter se teħżien.  Għalhekk, Newt ikollu jingħaqad ma' Tina Goldstein [Waterstone], investigatriċi, ma' oħtha Queenie [Alison Sudol] u Jacob Kowalski [Fogler] tal-klikka sħaħar No-Maj biex jaqbdu lil dawn il-kreaturi qabel issir ħafna ħsara. Il-missjoni ta' dawn l-erba' se tlaqqagħhom ma' forzi oskuri u malinni, andament li jista' jispiċċa fi gwerra ħarxa. Minkejja li l-enfasi qiegħed fuq il-bestji maħrubin jiġġerrew fit-triqat, huma l-umani li jaġixxu l-aktar fil-qalba tal-istorja. Ta' min ikun jaf li l-ktieb ‘Fantastic Beasts And Where To Find Them’ kien wieħed mill-kotba ta' studju ta' Harry Potter fil-Hogwart School of Witchcraft and Wizardry.


The light between oceans

Atturi Ewlenin: Michael Fassbender; Alicia Vikander; Rachel Weisz; Bryan Brown; Jack Thompson

Direttur: Derek Cianfrance

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 133 min 

Ċert: 12A

In-novella ta' M. L. Stedman, ‘The Light Between Oceans’ ġiet ippubblikata fl-2012 u mill-ewwel affaxxinat bil-kbir lill-qarrejja. Dan il-ktieb bestseller, jaqbad bħal f'morsa, l-immaġinazzjoni fertili tal-qarrejja u jittrasportahom f'ambjent mistiku ta' sbuħija selvaġġa bi storja ta' mħabba, destin, qtigħ il-qalb u nuqqas uman tal-mument. Il-film kif dirett minn Derek Cianfrance, dak li tana l-meqjuz ‘The Place Beyond The Pines’ [2012], jesibixxi dawn l-ingredjenti kollha bi stil kważi epiku u lussuż, però b'xi waqtiet imġebbdin. Fl-1920, fl-Awstralja tal-Punent, wara li spiċċat l-Ewwel Gwerra Dinjija, Tom Sherbourne [Fassbender], fi stat ta' xokk, jirritorna lejn belt żgħira ħdejn il-kosta. Hu jixtieq biss li jgħix iżolat għalih waħdu u b'hekk jieħu x-xogħol ta' gwardjan li jieħu ħsieb fanal kbir tal-port [lighthouse] fuq gżira żgħira mhux abitata. Imma, meta jiltaqa' ma' Isabel Graysmark [Vikander], mara ħabrieka minn belt oħra qrib il-port, li tilfet żewġ ħutha subien fil-gwerra, l-attrazzjoni ta' bejniethom titkebbes.  Minkejja ħafna ostakli, huma jiżżewġu. Meta jippruvaw jiffurmaw familja, id-destin idur kontriehom u f'din id-disperazzjoni li jinsabu fiha huma jieħdu xi deċiżjonijiet mhux popolari meta l-baħar iwassal dgħajsa b'raġel mejjet u tarbija fiha. ‘The Light Between Oceans’ jiffoka fuq sigrieti li n-nies jostru f'xi relazzjoni u x'jiġri wara meta dawn jinkixfu. Primarjament, din il-produzzjoni li teċċella fil-fotografija ta' pajsaġġ iżola, qrib il-baħar, hi dramm morali bi ħjiel ta' soap-opera u final traġiku.                                                                                                                                                                                                                                            

Nocturnal Animals

Atturi Ewlenin: Amy Adams; Jake Gyllenhaal; Aaron Taylor-Johnson; Michael Shannon; Isla Fisher

Direttur: Tom Ford

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 117 min

Ċert: 15

‘Nocturnal Animals’ hu dramm kumpless, thriller romantiku, ġieli sentimentali wkoll, li ma jibżax jesplora l-bidliet psikoloġiċi u emozzjanti li jgħaddu minnhom xi ħlejjaq matul ħajjithom.  Id-direttur Tom Ford, jispjega li, "din hi ħrafa kawtela ta' kif aħna l-umani naġixxu fl-għażliet li nagħmlu u l-konsegwenzi li d-deċiżjonijiet tagħna jista' jkollhom wara." Din hija storja ta' lealtà, dedikazzjoni u mħabba b'fotografija spiss mill-qrib [close-ups]. Susan Morrow [Adams] qed tgħix ħajja privileġġjata ma' żewġha, Hutton [Armie Hammer], imma mhux sodisfatta. Hu sikwit ma jkunx id-dar minħabba n-negozju li għandu. Ġurnata waħda, tirċievi pakkett li fih novella jisimha ‘Nocturnal Animals’, miktuba minn Edward Sheffield [Gyllenhaal], eks żewġha li ilha ħafna ma jkollha tagħrif dwaru. Hi ssib nota biex taqra dan il-manuskritt u tikkuntattjah waqt li qed iżur il-belt fejn toqgħod. Waħedha bil-lejl, hi tibda taqra din l-istorja ta' vjolenza li tiggalvanizzaha. F'dan il-volum, hi tiftakar fil-mumenti romantiċi li kellha mal-awtur, kif ukoll, minkejja l-ħajja komda tagħha, tagħraf li din hi ħrafa ta' vendetta li se ġġagħalha tirrevedi l-għażliet li għamlet qabel, bit-tama li ssib dik l-imħabba li ħasbet li tilfet għal kollox. ‘Nocturnal Animals’ hu xogħol disturbanti u nkwetanti, però film artistiku li żgur jolqtok fejn l-aktar li tweġġa'. Jake Gyllenhaal fil-parti prominenti tan-novella hu meraviljuż, mhux inqas Michael Shannon bħala x-sheriff determinat li jappoġġja l-liġi akkost ta' kollox. Forsi dawn it-tnejn ikunu nnominati għall-Oscar!

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook