Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

‘Carmen’ fil-qalba ta' Strada Stretta

Lista ta' avvenimenti għal Strada Stretta matul is-sena d-dieħla

Staff Reporter / 18 ta' Novembru 2016 13:46
L-opra ferm popolari Carmen ta’ Georges Bizet ser toħroġ mill-palk tat-teatru għall-qalba ta’ Strada Stretta fl-24 ta’ Novembru fit-8.30 pm.

Din l-opra famuża, li tittratta għemejjel instigati mill-għira u l-konsegwenzi tagħhom, qiegħda tiġi organizzata minn Strada Stretta Concept – waħda mil-linji tal-programm kulturali tal-Fondazzjoni Valletta 2018.

Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li “Strada Stretta Concept stabilixxa ruħu bħala parti integrali fir-riġenerazzjoni ta’ Strada Stretta. Il-programm varjat ta’ avvenimenti bi kwalità għolja wasal fi stadju interessanti ħafna. Ġaladarba minn Jannar li ġej Malta ser tospita l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea 2017, il-programm max-xhur ser isir iżid fl-intensità sa ma jwassalna sal-2018, meta l-Belt Valletta ser tara proġetti kulturali parteċipattivi tul is-sena kollha.”

Carmen ġiet adattata minn Giuseppe Schembri Bonaci li diparti tiegħu ser jieħu ħsieb ukoll id-direzzjoni u l-produzzjoni. Din ser tinkludi l-mużika u l-librett oriġinali tal-opra filwaqt li l-arranġamenti ġew adattati minn Gjorgji Cincievski. Barra dan, in-narrazzjoni ser issir minn grupp ta’ għannejja fil-lokal Splendid u anke barra.

Id-direttur artistiku ta’ Strada Stretta Concept Giuseppe Schembri Bonaci qal li “l-opra Carmen mxiet mit-teatru sat-triq u sabet postha fil-komunità. Inwegħdu lill-membri tal-udjenza esperjenza pjaċevoli li tippreżenta din l-opra fi sfond kontemporanju.”

Wara Carmen, l-avveniment li jmiss fi Strada Stretta ser ikun kunċert ta’ mużika barokka klassika fil-Loop Bar. Dan ser isir fl-1 ta’ Diċembru fit-8.30pm bħala parti mill-Malta International Organ Festival. Imbagħad, fid-19 ta’ Diċembru jkun imiss il-produzzjoni Li Bqajna, li tinkludi żfin, mużika oriġinali minn Mariella Cassar Cordina b’narrazzjoni u xogħol awdjo-viżiv mill-artista Carmen Aquilina.

Flimkien ma’ dawn tħabbru wkoll id-dettalji tal-avvenimenti li ser jittellgħu fit-triq kull ftit ġimgħat is-sena d-dieħla. Fost dawn għal Jannar hemm il-kunċert Bibized Bach f’Jannar li jinkorpora fużjoni ta’ perkussjoni, pjanu u elementi barokki. Wara dan issegwi lejla ddedikata lil Rużar Briffa b’kollaborazzjoni mal-Għaqda tal-Malti (l-Università) u L-Akkademja tal-Malti.

Avvenimenti oħrajn ippjanati għas-sena 2017 jinkludu traduzzjoni minn Giuseppe Schembri Bonaci ta’ Mistero Buffo ta’ Dario Fo bil-parteċipazzjoni tal-għannejja u Mario Pirovano; kunċert, film u simpożju ddedikat lill-awtur ta’ Clockwork Orange Anthony Burgess; esebizzjoni u lejla b’temi Etijopjani fi Strada Stretta; produzzjoni teatrali bl-isem Star of Strait Street dwar Christina Ratcliffe (kantanta u żeffiena ta’ ‘The Morning Star’) bil-parteċipazzjoni ta’ Polly March kif ukoll adattament ta’ Turandot ta’ Puccini.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook