Il-belt siekta tieħu l-ħajja bil-Ballet ‘Romeo u Ġuljetta’

L-Imdina nhar il-Ġimgħa 24 ta' Lulju f'Misraħ l-Arċisqof

Misraħ l-Arċisqof fl-Imdina se jerġa jieħu l-ħajja nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Lulju hekk kif żeffiena solisti tal-Ballet tal-Istat tal-Bavarja fi Munich u t-Teatru Nazzjonali ta’ Praga se jkunu qed itellgħu l-Ballet ‘Romeo u Ġuljetta’. Il-kumpanija Malta Art Events – flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Imdina u bl-appoġg tal-kumpanija Frank Salt – se jtellgħu spettaklu tal-ballet famuż ta’ Prokofiev. Fl-1936, Sergei Prokofiev (1891 – 1953) ikkompona dak li kellu jkun l-iktar ballet famuż tiegħu. Il-verżjoni l-aktar popolari hija dik riveduta minnu stess fl-1940. Dan huwa wieħed mill-aktar ballet importanti tas-seklu 20 u li hu bbażat fuq il-kapovalur immortali ta’ William Shakespeare.

Kemm jekk fuq il-palk jew fuq il-liżar taċ-ċinema, din il-ġrajja traġika tibqa’ temozzjona l-udjenzi madwar id-dinja. Diversi koreografi famużi tellgħu din il-produzzjoni. Vincenzo Bellini u Charles Gounod kitbu opri fuqha u Pyotr Tchaikovsky użaha bħala l-bażi għall-waħda mill-iktar biċċiet famużi tiegħu. Reġisti ta’ fama internazzjonali bħal Franco Zeffirelli rebħu premijiet kbar bil-verżjoni ċinematografika tagħhom filwaqt li Leonard Bernstein uża din il-ġrajja f’verżjoni moderna meta kiteb il-musical ‘West Side Story’.

L-Imdina, il-belt kapitali l-qadima tagħna toffri xenografija unika għal serata spettakolari fil-miftuħ.  Il-Kunsill Lokali tal-Imdina – speċjalment is-Sindku Peter Sant Manduca – kien kruċjali sabiex jinstab il-post addatat għal din is-serata. Malta Art Events qed tkompli bit-tradizzjoni li nbdiet fl-2011 li twassal produzzjonijiet tal-ogħla kwalità f’dawk li huma mużika klassika u lirika, u kif ukoll ballet u mużika kontemporanja.

Dawk kollha li jħobbu l-ballet u li tinteressahom il-kultura m’għandhomx jitilfu dan l-avveniment. Il-biljetti huma disponibbli fuq www.ticketline.com.mt jew www.maltaartevents.com, bit-telefon fuq hotline 77017423 jew billi tintbagħat imejl lil maltaartevents@gmail.com. Il-prezzijiet jibdew minn €25 u hemm skont speċjali għal tfal taħt it-12-il sena u għall-anzjani. In-numru ta’ biljetti huwa wieħed limitat.

More in Arti