Vox Pop | Il-festa ta’ Kupidu... jew jeħtieġ jirranġa l-mira?

Bejn xi ikla romantika, ċikkulatini jew bukketti ta’ ward aħmar, bosta jirringrazzjaw lil Kupidu tal-mira stupenda li kellu meta laqat lilhom u lil maħbub/a tagħhom bil-vleġġa tal-imħabba...L-ILLUM tistaqsi lil diversi persuni x’għandhom ippjanat għal dan il-jum li jiċċelebra l-imħabba

Ftit wara l-festa ta’ San Pawl, il-kalendarju jimmarka l-festa tal-maħbubin, u fost il-ġenn ta’ dawk li nsew li ġejja din il-festa, issibhom f’paniku jippruvaw jaraw x’ħarġa jew ikla se jorganizzaw u x’rigal se jixtru lill-maħbub jew maħbuba tagħhom. Issib ukoll lil dawk li jkunu ilhom ġimgħat jekk mhux xhur jippjanaw din il-ġurnata sal-inqas dettall, u bejn xi picnic jew ikla romantika, kaxxa ċikkulatini, teddy bears u bukketti ta’ ward aħmar, jirringrazzjaw lil Kupidu tal-mira stupenda li kellu meta laqat lilhom u lil maħbub/a tagħhom bil-vleġġa tal-imħabba.

Vox Pop | Jum San Valentinu | Filmat ta' James Bianchi

Min-naħa l-oħra, ssib lil dawk li sena wara l-oħra jillatikaw ma’ Kupidu li hemm bżonn li jiffoka l-mira tiegħu aħjar, biex forsi wara ħafna, jirnexxielu jolqothom bil-vleġġa tiegħu tal-imħabba.

L-ILLUM marret fit-toroq tan-Naxxar tistaqsi lil diversi persuni x’għandhom ippjanat għal dan il-jum ta’ ċelebrazzjoni ta’ mħabba u xi jfisser għalihom dan il-jum.

 

Nicky Mifsud Bonnici – San Pawl tat-Tarġa

“Għalissa m’għandi l-ebda pjanijiet għal Jum San Valentinu. Jien persuna li nemmen li jekk irrid nuri lil persuna li nħobbha, se nagħmel dan kuljum, u mhux nistenna li tasal xi ġurnata speċjali.”

 

Marc Zammit Lupi – Swieqi

“M’għandi l-ebda pjanijiet għal San Valentinu. Naħseb li hija sempliċiment ġurnata kummerċjali li ġġiegħel lin-nies jonfqu l-flus, partikolarment għall-irġiel.”

 

Lloyd Dingli – Ħal Tarxien

“S’issa m’għandi l-ebda pjanijiet għall-ġurnata, imma naħseb li jinqala’ xi ħaġa sa dakinhar.”

 

Joseph Delia – Naxxar

“Dakinhar, naqbad u ngħid lill-mara, imxi mmorru nieklu xi mkien. Aħna ma nagħmlux għar-rigali. La tagħtini hi u lanqas nagħtiha jien.”

 

George Camilleri – Għargħur

“Nemmen li l-importanti hija l-imħabba, forsi tmur tiekol u tqatta’ iktar ħin mal-familja mis-soltu. Bħala rigali, ma tantx tagħmel differenza din il-ġurnata, għax dejjem nagħtu lil xulxin”

 

Edith Muscat – Naxxar

“Għandi ma nafx x’se nagħmel din is-sena, imma ma nagħtux rigali f’din il-ġurnata. Għalija din hi ġurnata normali, bħall-oħrajn. Xejn ġdid fiha.”

 

Tim Alden – Naxxar

“It-tfajla tiegħi tgħix il-Messiku allura s-sitwazzjoni hi daqsxejn diffiċli, però xorta waħda nixtieq nibgħat xi fjuri u teddy bear. Min-naħa l-oħra nixtieq li nirċievi xi ħaġa wkoll. Għalkemm it-tfajla tinsab ’il bogħod, ma tantx tagħmel differenza din il-ġurnata ”

 

Eileen Azzopardi – Mellieħa

“Se nkunu qed immorru nieklu xi mkien romantiku jien u r-raġel, u nkun qed nistennieha. Għalija, Jum San Valentinu hija ġurnata speċjali, imma nemmen ukoll li kull ġurnata għandha tkun speċjali.”

 

Marthese u John Farrugia – Tas-Sliema

“Aħna diġà bdejna niċċelebraw Jum San Valentinu għax il-ġimgħa li għaddiet qattajna tmiem il-ġimgħa niċċelebraw. Nhar it-Tlieta nkomplu niċċelebraw, u bħala rigali, dejjem nixtru xi ħaġa lil xulxin, forsi xi pjanta, għax dawk jogħġbuni. Hija ġurnata sabiħa li importanti li wieħed jiċċelebra l-imħabba. Aħna ilna 45 sena miżżewġin, u dejjem iċċelebrajnieh. Inħobbu niċċelebraw kollox, kemm jum San Valentinu, Birthdays, Anniversarji.”

More in Intervisti