Rokit: Rakkont distopiku li jpoġġina f’dimensjoni alternattiva ta’ spazju u ħin

Permezz ta’ Rokit Vella toħloq distopja f’Malta, fil-futur immaġinarju

Id-dinja li Loranne Vella jirnexxila toħloq f’Rokit, hija waħda surreali li però tirrifletti ċerta realtajiet kurrenti li diġà qed inħossu r-riperkussjonijiet tagħhom. Fost it-temi prinċipali li tittratta, fil-fatt, insibu dak tat-tisħin globali u t-tibdil negattiv fil-klima u l-ambjent li dan iġib miegħu. Hija timmaġina r-riżultati koroħ tal-konsegwenzi li dan il-fenomenu ambjentali jista’ jħalli fuq ġżiritna fil-ġejjieni. U allura, fir-rakkont tagħha, naraw immaġni ta’ Malta maħkuma kemm mill-ambjent kif wkoll mill-bniedem, jiġifieri fiżikament mill-għargħar u l-maltempati, u politikament minn kolonja Taljana.

Fi kliem ieħor, insibu Malta midruba kemm fiżikament kif ukoll spiritwalment. F’dan il-futur immaġinarju, il-Maltin tilfu kemm arthom fik ukoll l-identità tagħhom. Futur mhux daqstant differenti mill-passat.

Vella tiżviluppa t-temi prinċipali permezz ta’ numru ta’ karattri interessanti li eventwalment niltaqgħu magħhom tul ir-rakkont. Fl-ewwel parti tar-rakkont, li jseħħ prinċipalment fil-Kroazja, niltaqgħu maż-żewġ karattri prinċipali: Rika u n-neputi tagħha Petrel. U fl-isfond ta’ kollox hemm il-fotografija li nistgħu ngħidu huwa karattru ieħor prinċipali. Kemm Rika kif ukoll Petrel għandhom perċezzjoni tad-dinja ta’ madwarhom mill-lenti estetika tal-apparat fotografiku. Petrel wiret l-imħabba lejn il-fotografija proprju mingħand nanntu.

Huwa interessanti kif Vella tuża t-teoriji estetiċi dwar l-arti tal-fotografija biex tiżviluppa l-karattri tagħha u toħloq sitwazzjonijiet surreali li jistgħu jfakkru f’dawk tal-kittieb Ġappuniż magħruf Haruki Murakami.

It-tema tal-identità nazzjonali hija żviluppata b’mod ferm interessanti għaliex l-eroj ta’ dan ir-rakkont, il-fotografu Petrel, nistgħu ngħidu li huwa taħlita ta’ diversi nazzjonalitajiet. Huwa Malti, imma fl-istess ħin m’huwiex. Jitkellem bil-Malti, imma b’aċċent li m’huwiex Malti. Qatta tfulitu u żgħożitu jdur id-dinja ma’ Rika, però m’hemmx pajjiż li jista’ jsejjaħlu d-dar tiegħu, la l-Kroazja u tant ieħor Malta. Allura Petrel jirrapreżenta ċ-ċittadin tad-dinja. U billi huwa ċittadin tad-dinja, forsi għandu potenzjalità li min għandu identità nazzjonali ma jistax ikollu. Infatti, l-privileġju li jitla’ fuq ir-rokit u jivvjagga fl-ispazju infinit, Vella ttiħ lil Petrel u mhux lil Benjamin.

Niltaqgħu ma’ Benjamin fit-tielet parti tar-rakkont, Dnubiet il-Missier. Benjamin huwa iben Petrel. Ir-relazzjoni bejn il-missier u l-iben, però, m’hijiex xi waħda tajba. Eventwalment Benjamin – wara li jirnexxielu jegħleb il-ħafna biżgħat u inċertezzi tiegħu, iħalli d-dar ta’ missieru u jingħaqad mar-ribelli; dawk il-Maltin li ma rrassenjawx ruħhom għall-ħakma Taljana u li jridu jikkumbattu biex jirbħu lura pajjiżhom. Benjamin għandu l-funzjoni tal-eroj f’sens tradizzjonali, dak ta’ bniedem speċjali li permezz tal-ħiliet umani tiegħu jista’ jeħles il-poplu tiegħu mill-għadu.

Loranne Vella
Loranne Vella

Karattru ieħor interessanti u enigmatiku huwa dak ta’ Veronika, omm Benjamin. Permezz tal-karattru tagħha, Vella tkompli tiżviluppa t-tema dwar il-misteru tal-ħajja u l-mewt. Petrel jiltaqa’ ma’ Veronika meta jżur id-dar ta’ Rika f’Haż-Żebbuġ, dar li tant kien ilu jara fir-ritratti li Rika kienet ta’ spiss turiħ qabel ma mietet. Il-preżenza ta’ Veronika fid-dar tixbaħ dik ta’ xi fantażma. Veronika tappari u tgħib u tħalli l-fwieħa tal-misteru warajha. F’kapitolu surreali u enigmatiku għall-aħħar, Veronika timmultiplika ruħha, bħal mera tinkiser fl-elf biċċa. Il-kamra timtela’ ħafna Veroniki, ta’ etajiet differenti. F’Retroprospettivi – t-titolu tal-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont epiku – Vella terġa ddaħħalna f’din il-kamra. Hawnhekk nassistu għal mument meta l-Veronika l-aktar anzjana tkun wasslet fl-aħħar ta’ ħajjitha. Insiru wkoll nafu, però, li l-mewta tagħha hija ċċelebrata, mill-Veroniki l-oħra, f’ritwal li jirrepeti ruħu ad infinitum. F’dan ir-ritwal il-mortalità tal-anzjana Veronika tinħall fl-immortalità tal-Veroniki l-oħra, u għalhekk,

il-kunċett tal-mewt jintilef f’dak tal-ħajja u viċe versa; il-kunċett ta’ ċirkularità li kull bidu huwa tmiem u viċe versa.

Element ieħor interessanti f’Rokit huwa dak tal-użu ta’ żewġ narraturi differenti. Il-biċċa l-kbira tar-rakkont huwa rrakkontat minn narratur li jiżvela l-identità tiegħu biss lejn l-aħħar. Fl-istess ħin, Petrel ukoll għandu funzjoni ta’ narratur fl-ewwel parti tar-rakkont, fil-bidu ta’ kull kapitolu– u dan huwa indikat permezz tat-tipa bil-korsiv. Infatti, huwa permezz tat-tipa bil-korsiv li l-qarrej jidentifika li l-vuċi, fl-aħħar kapitolu, hija dik ta’ Petrel. Jiskopri li Petrel rikeb ir-rokit, u li fl-aħħar irnexxielu jitlaq minn Malta u jkompli l-vjaġġ personali tiegħu. Ir-rokit huwa simbolu b’saħħtu ta’ tama. Jista’ jitlaq fl-ispazju, u jista’ le, jista’ jibqa’ fuq l-art. It-tluq tar-rokit huwa għalhekk simbolu ta’ evoluzzjoni personali.

Permezz ta’ Rokit, Vella toħloq distopja f’Malta, fil-futur immaġinarju - spazju fejn tqajjem kwistjonijiet problematiċi li jġegħluna nirriflettu dwar il-kundizzjoni umana, jew x’aktarx diżumana tagħna. Għalkemm immaġinarja, infatti, d-distopja tirrifletti r-realtà tal-lum, il-problemi tal-lum u dak li qed naffaċċjaw. 

Barra minn hekk, il-plawżibilità tal-viżjoni futuristika tagħha hija bbażata fuq il-kunċett li l-istorja tirrepeti ruħha. Vella, b’hekk, tħeġġiġna naħsbu b’mod kritiku u kreattiv dwar min konna, min aħna u kif qegħdin ninbidlu. L-użu eċċessiv tat-telekomunikazzjoni u d-dipendenza tagħna fuqha, fl-aħħar mill-aħħar, jistgħu jifirduna minflok ma jgħaqqduna. Għandna, għalhekk, nirriflettu serjament dwar il-fatt li l-umanità tagħna tinsab fil-periklu u nirreaġixxu biex ma nitilfuhiex.

More in Hames Minuti