Ħames Minuti ma' Amber

Xi jmiss għal Warrior wara l-Eurovision… 

Bla dubju ta’ xejn ikolli nistaqsik dwar il-Eurovision - kif taħseb li għenitek esperjenza hekk?

Din l-esperjenza għenitni nimmatura ħafna u ġegħlitni nħares lejn il-karriera minn perspettiva oħra. Dan għaliex issir tħobb iktar il-mużika, kif ukoll tagħti prezz lix-xogħol li jagħmel ħaddieħor sabiex jien dejjem nidher tajba u dawk it-tliet minuti jkunu eċċellenti. Kienet esperjenza li ma jien ħa ninsa qatt. Ħadt ħafna pjaċir u kont onorata li rrappreżentajt lil pajjiżi f’festival hekk kbir. Kienet il-ħolma ta’ ħajti.

X’għoġbok l-aktar dwar l-esperjenza?

Li għal ftit tiġi trattat ta’ artist u tiġi rispettat għal xogħlok. Issir taf kantanti oħrajn, kif ukoll kultura oħra. Imma naħseb l-iktar ħaġa li ħa nibqa’ niftakar u inżomm għal ħajti kollha huma dawk it-tliet minuti fuq il-palk.

X’taħseb li jmiss issa wara din l-esperjenza?

Il-Eurovision huwa pass ’il quddiem għall-karriera tiegħi. Minn hawn issa rrid inħares ’il quddiem u naspira għal affarijiet oħra fil-karriera tiegħi billi naħdem fuq xi materjal ġdid. 

Daqshekk Eurovision! Il-kant - kif beda kollox?

Jien kont dejjem nieħu sehem f’attività tal-iskola li jinvolvu kant. U dejjem kienu jgħiduli biex immur nitgħallem. Però l-prijorità tiegħi dejjem kienet l-isport. Infatti għamilt ħdax-il sena nitħarreġ il-judo b’mod professjonali. Dan sakemm kelli 16-il sena, u kelli nieqaf minħabba aċċident waqt logħba judo, minħabba li ma kiltx għal jumejn sħaħ. Għalhekk bqajt xorta nagħmel il-judo, imma mhux kompetittiv. Però ridt xi ħaġa li hi differenti għaliex meta tneħħi l-kompetizzjoni minn ċertu affarijiet ma jibqax sodisfazzjon. Allura ta’ 17-il sena ddeċidejt li mmur nieħu lezzjoni tal-vuċi. Hemmhekk qatt ma ħarist lura u nħossni sibt manna ġdida. 

X’tagħmel aktar fil-ħajja?

 Għadni studenta l-università fejn qed nistudja biex insir għalliema tal-primarja, u wasalt fit-tielet sena.

Il-kuntentizza x’inhi għalik? 

Li jkolli l-paċi f’qalbi u nkun imdawra b’nies li jħobbuni, jirrispettawk għal dak li int u jridulek il-ġid. 

Liem taħseb kienet l-isbaħ esperjenza għalik? 

Naħseb bla dubju huwa l-Eurovision ta’ din is-sena. 

Forsi l-aktar mument tad-daħk li tagħtek din il-karriera?

Iktar milli mumenti tad-daħk, mument li jniżluli tbissima. Bħal pereżempju praspar u ċajt li jien flimkien mat-tim tiegħi għamilna u għadna nagħmlu lil xulxin. Hemm ukoll esperjenzi li dakinhar jidher tal-mistħija imma meta tħares lura tidħaq. 

Tixtieq tmur tipprova xi opportunitajiet barra? Fejn?

Iva nixtieq ħafna. Naħseb l-iktar viċin hija l-Ewropa. Ix-xewqa hi li nimraħ hemm. 

L-akbar ħolma tiegħek?

L-akbar ħolma tiegħi hi li nkun kantanta rikonoxxuta mhux f’Malta biss. Naħseb hija x-xewqa ta’ kull kantant u mużiċist.

Is-safar għalik xi jfisser? Id-destinazzjoni li l-aktar tixtieq iżżur?

Huwa passatemp tiegħi li nsiefer. Inħobbu ħafna għaliex inkun nista’ nesplora kulturi oħra. L-iktar post li nixtieq inżur huwa bla dubju l-Amerika, speċjalment New York.

Il-familja u l-ħbieb - x’ifissru? 

Huma kollox għalija. Li kieku ma jkunx għall-appoġġ tagħhom, ħafna mill- affarijiet ma nkunx nista’ nagħmilhom.

More in Hames Minuti