Ħames Minuti ma' Dyna

Make-up artist, bi stazzjon tagħha fuq YouTube fejn tagħti l-pariri lill-udjenza lokali u internazzjonali tagħha

Kif bdiet l-imħabba tiegħek għall-makeup?

Ma niftakarx eżatt, però niftakar kemm kont nistenna l-karnival għax dakinhar biss kien ikolli permess nagħmlu. Kienet tagħmiluli ommi imma għax ma kellix idea kif nagħmlu. Domt ħafna biex vera daħlet ix-xewqa li nesperimenta fih u li nipprova nitgħallem nagħmlu sewwa. Naħseb kelli sbatax-il sena meta bdejt vera nesperimenta - u vera bdejt nieħu gost nitgħallem, kont nirilassa u nieħu gost nagħmlu - imbagħad hemmhekk kont bdejt il-blog.

Kif imbagħad iddeċidejt li tiftaħ l-istazzjon tiegħek fuq YouTube?

Fuq Youtube kull persuna biex tikkummenta jew tagħmel kwalunkwe attività trid tiftaħ profil, u lili kienu jispirawni ħafna Youtubers li kienu jiffukaw fuq il-makeup u x-xagħar. Kienu jaffaxxinawni kemm kienu kapaċi, kemm kienu kunfidenti u kemm xtaqu jgħinu lil ħaddieħor u biex kont insegwi lilhom għamilt profil jien stess. Domt xi sentejn biex tħajjart nagħmel vidjo jiena wkoll. Meta ddecidejt kien diġà kelli blog u kont ili xi sena jew iktar jidhirli. Niftakar l-ewwel wieħed li ppostjajt kien review però vera ma kellix ħsieb warajh, ridt sempliċiment nipprova biex nara jekk inħossnix komda nagħmilha.

Fiex jikkonsisti li jkollok stazzjon hekk? Kif tippjana kollox, u kif tagħżel is-suġġetti tal-vidjos tiegħek?

L-istazzjon tagħmlu kif trid, taqsmu kif trid u timxi kif trid inti. Fih ħafna ħin u dedikazzjoni. Għalhekk importanti l-passjoni f’li tagħmel. Il- maġġoranza tal-vidjos huma relatati mal-makeup għax dik il-passjoni tiegħi, però għandi oħrajn fuq sbuħija ġenerali bħal xagħar, dwiefer u ħwejjeġ. Għandi wkoll vidjos li mhumiex relatati ma’ sbuħija. Huma opinjonijiet li xtaqt naqsam. Opinjonijiet relatati mal-ħajja, bil-ħsieb li jispiraw persuni oħra. Però l-maġġoranza huma fuq makeup. Ħafna jaħsbu li l-makeup huwa għoli u biex ikollok prodott tajjeb trid tonfoq sewwa, għalhekk riċenti ddeċidejt li nuri kemm hawn prodotti li huma affordabbli, li kważi ħadd ma jitkellem fuqhom. M’għandix skeda biex nipprova ma nneħħix il-passjoni tiegħi fuq dak li nitkellem fuqu u lanqas m’għandi pjanijiet fissi. Nieħu gost nara li qiegħda nieħu gost nagħmel li nagħmel, meta nimponi restrizzjonijiet fuqi nnifsi qisha tiġi xi ħaġa ta’ bilfors. Nieħu gost naqsam ideat u esperjenzi li nipprova, anke jekk ma jirnexxux, però għażilt li l-ħajja privata tiegħi nżommha privata. Fejn jidħlu ideat, ħafna drabi nispiċċa niktibhom fuq karti jew draft tal-mobile jew email biex ma ninsihomx, imbagħad insibhom ġimgħat wara jew anke xhur.

X’taħseb li huwa l-isbaħ ħaġa dwar ix-xogħol tiegħek? Xi tħoss li jtik sodisfazzjon?

Naħseb l-isbaħ ħaġa għal kull persuna b’passjoni għal xi ħaġa hija li jkollhom l-appoġġ, u dik vera naprezzaha. Barra li għandi l-għarus tiegħi jagħtini ħafna appoġġ f’dak li nagħmel, insib sodisfazzjon kbir li nirċievi appoġġ minn nies madwar id-dinja kollha, nies li qatt ma ltaqgħu miegħi, kumpaniji tal-makeup lokalment u barra minn Malta li jtuni l-appoġġ u joffruli opportunitajiet. Fl-aħħar mill-aħħar l-istazzjon mingħajr udjenza mhu xejn. Il-fatt li narah jikber kuljum vera timbuttani li nkompli nagħmel dak li nħobb.

Taħseb li l-kultura ta’ vloggers u YouTubers qed tidħol aktar f’Malta? Meta mqabbel ma’ pajjiżi barranin?

Ma naħsibx, le. Sfortunatament ħafna nies jaqtgħu qalbhom minħabba n-nies ta’ madwarhom. Meta bdejt jiena fuq Youtube hawn Malta ħadd ma kien joħlom li jagħmel vidjos fuq l-internet jitkellem fuq makeup. Kien hemm ħafna min ipprova jiddieħak bija għax qed nagħmel xi ħaġa mhux komuni. U meta xi ħadd jistaqsini fuq x’nagħmel, ħafna nies għadhom s’issa ma jifhmuhiex.

X’impatt taħseb li qed ikollha l-medja soċjali fuq is-soċjetà u ż-żgħażagħ illum il-ġurnata?

Ħafna, sfortunatament u fortunatament. Riċenti qrajt artiklu jgħid li l- internet u l-medja soċjali tat vuċi għall-injoranza, vuċi għall-bullies, u naqbel u nħoss li m’hawnx biżżejjed kontroll fuq il-medja soċjali. Ngħid fortunatament mill-banda l-oħra, għax hawn ħafna min juża l-istess mezzi għal intenzjonijiet tajba. U ngħid fortunatament ukoll, għax fetaħ ħafna opportunitajiet għal nies bħali fid-dinja tal-internet li qabel lanqas biss konna noħolmu bihom.

Hemm xi ħaġa li ddejqek mid-dinja ta’ Youtube?

L-anonimità. Kont nippreferi kieku fuq Youtube trid tuża ismek u kunjomok bħal Facebook. L-anonimità tagħti lok għal abbuż. Trid tkun lesta għal dawk il-mumenti, u kemm jista’ jkun ma tħallihomx jaffetwawk. 

Lura għall-makeup. Id-dehra kemm hi importanti għalik? Hija kollox?

Ħafna nies hekk jaħsbu fuqi! Ma ntihomx tort għax nahseb jekk ma jarawx il-vidjos tiegħi ma jkunux jafu kemm-il darba nidher bla makeup. Vera diffiċli tispjegaha, imma naħseb l-iktar mod li tagħmel sens għal ħafna hija bħalma hawn min jilbes ċertu lbies skont il-burdata, jiena nagħmel il-makeup skont il-burdata. Hija espressjoni tiegħi nnifsi. U meta npoġġi fuq is-siġġu tal-makeup dak il-ħin ikun il-mument tiegħi. Dak il-ħin iddedikat għalija biex inħossni ‘jien’, espressjoni ta’ kif qed inħossni dak il-ħin. Iktar mid-dehra, togħġobni ħafna l-kunfidenza f’ persuna. Però li persuna tieħu ħsieb id-dehra tagħha hi importanti ħafna naħseb, meta tieħu ħsieb id-dehra tiegħek u tħossok tajjeb bik innifsek normalment tkun ħafna iktar pożittiv.

Għandek xi parir lil min jixtieq jibda stazzjon tiegħu wkoll?

Iva! Tgħallem li mhux kull opinjoni li tingħatalek għandha intenzjoni tajba warajha. Hija esperjenza tal-ġenn, però ma tagħmilhiex għall-opportunitajiet li jiġu, tagħmilha għax vera togħġbok. Aqbad suġġett li vera għandek passjoni għalih, u ftakar li kulħadd beda mill-qiegħ. Taqtax qalbek u tintilifx fin-numri. Fl-aħħar mill-aħħar ħu gost u kun int! 

Segwi lil Dyna fuq makeupbydyna.com u bit.ly/dynamua 

More in Hames Minuti