Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Ħames Minuti ma' Chrysander Agius

Chrysander Agius hu l-marid immaġinarju f’kummiedja li ġġib l-istess isem u li tintemm illejla. Fost l-impenji tiegħu bejn radju, televixin u palk, irnexxielna neħdulu 5 minuti biex insiru nafu ftit aktar dwaru.

Christa Boffa / 31 ta' Mejju 2015 08:38
Chrysander Agius personaġġ li m’għandux bżonn introduzzjoni
Li kieku ma tagħmilx dak li qed tagħmel bħalissa f’ħajtek - x’tagħżel li tkun minflok? 

Nagħżel li nkun kok għax inħobb ħafna l-kċina jew xi gwida turistika.

X’differenza tara minn meta bdejt għal issa? 

Id-differenza hija l-esperjenza. Nista’ ngħid li tgħallimt minn ħafna żbalji, però fl-istess ħin il-gost u l-adrenalina għadhom hemm!

X’kienet l-aktar parti diffiċli li qatt kellek tirreċta? Għaliex sibtha daqshekk diffiċli?

Din li qed nagħmel fil-Marid Immaġinarju – li għandna l-aħħar produzzjoni tagħha llejla. Hija impjenjattiva mhux bħala karattru, iżda iktar bħala script. Għandha ħafna frażijiet qosra, timing, eċċ. Imma hi kummiedja b’kitba eċċezzjonali li wieħed m’għandux jitlef jekk għadu ma ġiex jarana.

U l-aktar waħda li ħadt gost tagħmel? X’kien?

Bla dubju ta’ xejn DANUSAN ta’ din is-sena. Kien intimu, jirrifletti dak li verament jien minn ġewwa u iġagħalni nirrelata sew mal-udjenza tiegħi.

Hemm xi parti partikolari li tixtieq tirreċta fil-futur?

Ma nafx! Min jaf? Jien għalija basta hemm sfida.

Xi ħaġa li mhux wisq nies jafu dwarek? 

Ħaġa li mhux wisq jafu probabli hija li jien riservat u mistħi.

Xi tħoss li kienet l-akbar kisba tiegħek?

Naħseb kull ġurnata tikseb rebħiet żgħar li kollha jagħmlu differenza tul ħajtek.

Is-safar - xi jfisser għalik? 

Uuuu… Ħajti! Jien naħdem ħafna u sakemm noqgħod hawn Malta ma nistrieħx. Ikolli bżonnha.

X’tagħmel meta jkollok (jekk ikollok!) ħin liberu?

Inħobb insiefer… jew inkella naqra, jew inkella immur dawra bir-rota! 

Ġurnata ideali? 

Inqum, u  nixgħel ir-radju! Inħobbu wisq! Imbagħad naħdem sa xil-5pm –  wara xi naqra eżerċizzju, imbagħad lejla mal-ħbieb jew anke sempliċement id-dar mal-mara u l-qattus! Anzi, tal-aħħar isbaħ, għax tant imxennaq minnha!

Il-ħbieb u l-familja xi jfissru għalik? 

Il-ħbieb ta’ veru huma l-familja tiegħi. Jiena fortunat għax għandi ħbieb ta’ veru! Min-naħa l-oħra l-familja mbagħad huma n-nies li forsi ma narax ta’ kuljum minħabba l-impenji kollha, imma li naf li huma l-iktar nies li jħobbuni mingħajr kundizzjonijiet!

Xi pjanijiet għall-futur? 

Hmmm… nixtieq naħdem fuq film! Nixtieq li nibda nikteb xogħol ftit iktar serju… u nixtieq li l-ewwel nispiċċa llum u mbagħad għada naraw!

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook