Xtaq isir patri, minflok sar wieħed mill-vuċijiet ta' Cable35

Kriz Haze - wieħed mill-vuċijiet, kif ukoll il-bass player tal-band Cable 35, li kisbet suċċess kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment. 

Kif bdiet il-ħajja mużikali tiegħek?

Minn meta kont żgħir xtaqt ndoqq xi tip ta’ instrument.  Oħti Marcelle ddoqq il-pjanu, u għalija kienet l-ikbar inspirazzjoni.  Qatt ma ħassejt li kont se nkun kapaċi li ndoqq xi instrument però. Imbagħad ta’ 17-il sena ltqajt ma’ Chris u Jeff (li eventwalment flimkien sirna l-Cable35) il-Junior College u minn hemm bdiet il-karriera mużikali tiegħi.

Immorru lura ftit lejn l-ewwel gig tiegħek.  Kif tiddeskrivih?

L-ewwel gig tiegħi kien fil-Junior College. Niftakar kont ili ndoqq xahar biss u li naf biċ-ċert kien li għażaqt.  

Kriz mużika biss?

Nipprova. Però jkolli nagħmel xogħlijiet oħra biex nkun iktar komdu.

L-iktar oġġett għal qalbek x’inhu?  

Ma tantx jien bniedem materjalistiku imma l-iktar affarijiet għal qalbi huma relatati ma’ muzika, jiġifieri il-bass amplifier u vinyl player u anke l-kollezzjoni tiegħi tal-vinyls

L-isbaħ esperjenza f’ħajtek x’kienet? 

Li qattajt 3 snin ngħix l-Ingilterra bħala mużiċist.  Hemm għamilt ħafna touring mal-band, u kien hemm li ħloqt il-proġett solo tiegħi.  

Mużiċist f’Malta – u l-istess mużiċist fl-Ingilterra. X’inhi d-differenza?

Bħala mużiċist tibqa’ l-istess – trid tikteb materjal ġdid, iddoqq quddiem udjenzi, kif ukoll tipprova tmexxi il-messaġġ tiegħek.  L-unika differenza hi fl-iskala tal-kobor tal pajjiż: aktar ma jkun kbir pajjiż, aktar toffri  opportunitajiet.

Meta kont żgħir ridt insir….

Qassis

Il-kuntentizza hija….

Li tagħmel dak li tixtieq qalbek u tkun b’saħħtek

Ma narawx preżenza qawwija fuq l-media socjali min-naħa tiegħek. X’taħseb dwarha?

Il-media socjali vera li hija għodda importanti llum il-ġurnata. Iġġib magħha vantaġġi kbar.  Nagħmel li nista’ biex nużaha għall-aġġornamenti, però għalija huwa iktar importanti li l-messaġġ jasal iktar billi ndoqq live u nżomm il-komunikazzjoni reali ma’ nies li vera jinteressahom

Il-politika għalik hija …. 

Korotta u ma tinteressahnix. 

Li kieku kellek tagħmel xi ħaga oħra f’ħajtek, kieku xi tkun? 

Naħseb nagħżel li nkun pilota. 

Pjanijiet ġodda għall-futur?

Bħalissa, flimkien mal-bqija tal-membri tal-Cable35, qed nirrekordjaw album ġdid. 

More in Hames Minuti