Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Ħames Minuti ma' Wayne Aquilina

Wayne Aquilina għandu 30 sena u joqgħod il-Kalkara u jaħdem bħala koordinatur tal-komunikazzjoni fi ħdan ONE. Apparti minn hekk hu wkoll produttur u preżentatur tal-programm Strada.

Jean Pierre Cassar / 28 ta' Jannar 2015 12:12
Wayne Aquilina. Ritratt - JJ Chircop
Kemm ilek fix-xena tal-mezzi tax-xandir?

Dħalt ONE f’Marzu tal-1999, jiġifieri se nagħlaq 16-il sena. Aktar minn nofs ħajti!

Kif bdejt?

Ix-xandir qisu beda jogħġobni meta kont is-sekondarja. Darba fost l-oħrajn, kont ċempilt ONE li dak iż-żmien kien għadu Super 1, u għedtilhom li nixtieq ninvolvi ruħi. Qaluli li kienet se ssir laqgħa tat-tim ‘qawsalla.’ Dan it-tim, kien grupp ta’ żgħażagħ li kien imexxi Ray Azzopardi għal dawk li jixtiequ jitgħallmu dwar produzzjonijiet tar-radju u televiżjoni. Attendejt u minn hemm qatt ma waqaft!

X’ħajrek biex tibda?

Meta kont is-sekondarja, xi ħbieb tiegħi mill-klassi kienu ntgħażlu biex jagħmlu programm fuq it-TV. Jien bħal donnu tħajjart u għalhekk fittixt l-opportunità.

Xi programmi kellek fil-passat?

L-ewwel programm tat-TV kien jismu Level 6, li kien programm ta’ tliet kwarti għaż-żgħażagħ. Imbagħad għamilt programm fis-sajf li kien jismu VIP TIME. Fl-2006 bdejt nippreżenta l-ewwel programm tal-ġurnata kuljum, ONE BREAKFAST, imbagħad komplejt bil-programm ta’ kuljum Tant Ieħor. Fl-2010, għamilt il-programm ta’ kull ġimgħa Appuntament u fis-sajf tal-2013 għamilt il-programm ta’ kuljum Kelma Bejn Tnejn. Minn Ottubru ’l hawn, bdejt Strada.

X’irwol għandu Strada f’ħajtek?

Jeħodli ammont ta’ ħin fil-ġimgħa. Kieku ma jeżistix Strada, kieku għandi ħafna aktar ħin liberu. Imma għandu rwol importanti, liema rwol jagħtini sodisfazzjon f’ħajti. Jien niddejjaq nagħmel xi ħaġa jekk ma tagħtiniex sodisfazzjon.

Kif ispirajt ruħek biex tibda Strada?

Jien tip ta’ persuna li jekk inkunu fi grupp ta’ nies, inħobb ngħid tiegħi u nagħti l-opinjoni tiegħi. Fl-istess ħin tolleranti ħafna għal dak li jgħid u jagħmel ħaddieħor. Għalhekk xtaqt li Strada joffri pjattaforma lil min jixtieq jiġi u jgħid l-opinjoni tiegħu. Nemmen li aktar ma tisma’ lil ħaddieħor, aktar tkun qed titgħallem inti. 

Min hu Wayne li ma jkunx quddiem il-kameras?

Bniedem sempliċi u komuni. Filwaqt li jien persuna soċjevoli, billi naħdem fuq it-TV, ma jfissirx li jien xi bniedem li nħobb nidher jew nimpressjona fejn inkun. Ma nqisx lili nnifsi popolari għax nagħmel programm, imma nqisni bniedem normali li nagħmel xogħli kif suppost.

Proġetti għall-futur fil-qasam tal-mezzi tax-xandir?

Diment li nibqa’ nieħu gost bħala xandar nittama li jibqa’ l-futur tiegħi. Ix-xandir għalija mhux xogħol imma stil ta’ ħajja li ngħix. Ix-xandir huwa kaxxa magħluqa u dak li qed tagħmel illum mhux bilfors tkun qed tagħmlu minn hawn u sena oħra. Eżempju jekk bħalissa qed nipproduċi u nippreżenta Strada, il-programm prinċipali tas-Sibt waranofsinhar fuq ONE, m’għandix garanzija li se nibqa’ nippreżenta s-Sibt waranofsinhar għal għomri. Ħafna drabi jiġu opportunitajiet u jiġu mumenti fejn titħajjar tagħmel affarijiet li lanqas biss tkun immaġinajthom!

Kemm hi importanti l-politika f’ħajtek?

Nagħti kas ta’ x’qed jiġri għaliex taffettwa l-ħajja ta’ kuljum. Ma niddejjaqx nitkellem dwarha, u nqis lili nnifsi bħala tolleranti ħafna għal min m’għandux l-istess opinjoni tiegħi. 

Kemm hi importanti r-reliġjon f’ħajtek?

Jien bniedem li niżen ċertu valuri u prinċipji. Aktar milli r-reliġjon, aktar inqis lil Alla importanti f’ħajti. M’iniex bniedem qaddis, imma nitkellem miegħu kuljum.

Kemm hi importanti l-moda f’ħajtek?

Nagħti kas x’nilbes u kif se nidher għaliex inħoss li huwa fl-obbligu tal-bniedem li jkun sew u jidher tajjeb. Nilbes dak li nkun komdu fih mhux għax bilfors huwa moda. M’iniex skjav tal-moda. Jekk xi ħaġa ma tixraqlix, mhux bilfors nilbisha għax hi moda, però mbagħad m’iniex xi wieħed antikwat li nilbes xi moda ta’ snin ilu! Ma tantx inħobb nesperimenta ħafna, iżda nimxi ma’ moda li f’għajnejja nħoss li nidher tajjeb!

Kemm tħobb il-Eurovision? U x’esperjenzi għandek tal-Eurovision barra minn Malta?

Inqis lili nnifsi li nħobb it-talent lokali. Ma nqisx lili nnifsi ffissat jew espert tal-Eurovision, iżda wieħed li nsegwih tant li ġieli mort barra minn Malta. Niftakar fl-2006 meta tela’ Fabrizio Faniello b’I Do u fl-2011 meta tela’ Glen b’One Life, kienu esperjenzi sbieħ!

Li kieku ma tagħmilx dan ix-xogħol x’timmaġinak tagħmel?

Bla dubju, ħaddiem soċjali. (social worker)

X’iferrħek fil-ħajja?

Il-mumenti li tgawdi l-frott ta’ dak li tkun ħdimt għalih!

X’idaħħkek?

Nies li bil-karattru tagħhom jallegrawk anke jekk ilissnu nofs ta’ kelma!

Xi tħobb f’pajjiżek?

Li biċ-ċokon tagħna, għandna kollox. Faċli wieħed igerger, iżda meta nsiefer hekk ngħid, ngħid li vera m’għandniex xi ngergru. Problemi għandna imma meta tqis kollox ngħixu komdi.

Jean Pierre Cassar gradwa mill-Università ta' Malta b'Baċellerat fil-Malti. Kompla l-istudju tiegħu fl-interpretar fejn kiseb iċ-ċertifikat biex ikun jista' jaħdem bħala interpretu fl-istituzzjonijiet Ewropej. Preżentament jokkupa l-kariga ta' Aġent Editur mal-ġurnal Illum.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook