Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Merry Poppins fi triqitha għal pantomima

Intervista esklussiva mad-dama mqarba tal-Pantomima tal-MADC, Merry Poppins

1 ta' Diċembru 2014 14:32
Alan Montanaro fil-karattru ta' Merry Poppins
Issa li beda Diċembru u bdew jixirfu d-dekorazzjonijiet fid-djar Maltin, kulħadd beda jaħsiblu biex jaqta’ l-biljetti għal xi pantomima. Tradizzjoni li issa tmur id f’id mal-ħruġ u s-serati li jġibu magħhom dawn il-festi. ILLUM tkellmet mad-dama tal-pantomima tal-MADC Merry Poppins fejn staqsejniha ftit dwar ħajjitha u dwar x’se nistennew mill-pantomima ta’ din is-sena

Kelma waħda li tiddeskrivi lil Merry Poppins?

Supercalifragilisticexpialidocious

Xi tgħidilna dwar id-dama? X’inhu xogħolha?

Merry Poppins tiġi s-sekondu kuġina ta’ Mary Poppins. Impjegata bħala nanny imma b’differenza, però qed tittama li tirċievi xi pjaċir mill-Gvern bħal ngħidu aħna ta’ Willie Mangion jew Lou Bondi

Tina ftit sfond dwar il-ħajja passata tad-dama?

Hija daqsxejn ta’ misteru għax l-attenzjoni ħaditha kollha l-kuġina li hi ferm iktar famuża. Però qalu li kienet assistenta ta’ xi saħħar u tgħallmet xi ħaġa jew tnejn mingħandu...

F’liema żmien hija bbażata din il-pantomima?

Fiż-żmien meta n-nisa u l-irġiel ma kinux l-istess. L-irgiel kienu rġiel u n-nisa kienu puliti. Imma mhux jien. Mhux Merry. Dik dejjem kellha dik ix-xi ħaġa iktar. U mhux xi ħaġa żgħira biss.

 X’għandha din id-dama li ma kellhomx id-dami ta’ qabel?

Hi daqsxejn iktar tal-ġabra u ftit aktar diċenti minn dami ta’ qabel. Imma taf xi jgħidu fuq il-kwieti…

 X’inhi r-relazzjoni tad-dama ma’ Mikey u Jane?

Hi n-nanny tagħhom, imma fihom biċċa xogħol allura sserviha ta’ ġid li taf xi trikk tal-maġija biex iġġibhom f’posthom bi spoonful of sugar u xi xebgħa fuq il-patata.

Liem hu l-ikbar rivali tad-dama din is-sena?

M’hemmx rivali dis-sena. Merry għandha biċċa xogħol x’tagħmel u m’hemm ħadd u xejn li se jwaqqafha minn dan. 

X’se nistennew mill-gwardarobba tad-dama din is-sena? U mill-istili u l-kuluri tax-xagħar?

Il-maġġoranza tal-ilbiesi ta’ Merry huma coutoure tal-aqwa ditti. Waħdiet, jekk trid issejħilhom hekk. Uħud minnhom ġejjin dritt mill-Asja u oħrajn se jkollhom aktar passaperla mit-tiġieġ ta’ Franco Debono.

Id-dama għandha xi qawwa maġika?

Dażgur! Imma hi maġija tajba…

Kif sejrin il-preparamenti tal-pantomima issa li Diċembru qiegħed wara l-bieb?

Ninsabu fil-fażi tal-aħħar fejn nagħtu l-irtokki – jiġifieri l-parti l-aktar tedjanti tax-xow. Minn hawn ’il quddiem ikollna kollox b’ħafna enerġija, u ħafna gost. Ovvjament, se nadattaw ix-xeni skont dak li jiġri fil-pajjiż. Bħalissa, qed naħsbuha jekk indaħħlux xi xufier b’xi pistola, pereżempju.

X’għandhom jistennew l-udjenza ta’ din is-sena?

Din is-sena, l-iskript kien f’idejn Malcolm Galea li rebaħ bosta unuri… allura tad-daħk żgur. Hemm il-mużika, żfin, maġija, kulur, parteċipazzjoni tal-udjenza. Hemm l-elementi kollha li jagħmlu l-pantomima waħda speċjali. U, din is-sena… hemm jien!

X’qed tistenna d-dama mill-udjenza ta’ din is-sena?

Nistenna ħafna parteċipazzjoni, u ma jmorrux sal-kamra l-baxxa f’nofs ix-xeni. Nittama li jkun hemm xi żewġt irġiel qalb l-udjenza li jaqbduli xi ftit il-warrani waqt li nkun qed niżfen qalb l-udjenza.

Xi tgħidilna fuq din il-frażi - Mary, practically perfect in every way! Emphasis on the 'practically'?

Propjament, hi perfetta. Imma nużaw il-kelma ‘prattikament’ biex ma nintimidaw lil ħadd. 

X’effetti speċjali se nistennew?

Ma nistax ngħid. Dak mhux id-dipartiment tiegħi. 

F’idejn min hi l-mużika u xi stil ta’ mużika se nistennew?

Paul Abela huwa d-Direttur Mużikali, Roger Tirazona huwa l-kowċ tal-kant. Alison White hi l-koreografa… hemm tim sħiħ wara x-xow biex naċċertaw li min jiġi jieħu l-aħjar. 

Bħala konklużjoni għaddi messaġġ biex tħeġġeġ lill-qarrejja jattendu għall-pantomima?

Il-Pantomima tal-MADC dejjem tagħti dik ix-xi ħaġa iktar. Fi kliem għaref ta’ bużnanna partikolari, “Hi l-unika darba fejn ħames ġenerazzjonijiet jistgħu jiltaqgħu, għaliex jafu li hemm xi ħaġa għal kulħadd.

Il-Milied mingħajr il-pantomima tal-MADC, bħal pudina tal-Milied mingħajr iċ-ċirasa fil-wiċċ. Dejjem ħa jkun tajjeb, imma aħna nagħmluh aħjar.

 

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook