Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Ħames Minuti ma' Lara Dimech

Lara Dimech għandha 19-il sena, attriċi mis-Swieqi u qiegħda tagħmel kors ta’ B. Ed fl-Università ta’ Malta. Lara hija wkoll kantanta u tagħmel il-parti ta’ Paula f’Katrina fuq TVM 

20 ta' Novembru 2014 12:52
Kemm ilek tirreċta? Minn fejn bdiet il-ħajra lejn ir-reċtar?

Ilni nirreċta għal dawn l-aħħar 14-il sena. Bdejt minn fuq il-palk tal-iskola meta kelli ħames snin u naħseb minn hemm baqa’ jikber l-interes għal palk u t-teatru. Dawn l-aħħar 4 snin kelli l-opportunità li nieħu sehem f żewġ produzzjonijiet Maltin fuq it-TV; D.R.E.A.M.S. u Katrina.

Xi tfisser għalik id-drama?

Għalija d-drama huwa mezz kif bl-immaġinazzjoni tidħol f’dinja oħra, tiltaqa’ ma nies u karattri ġodda u toħloq esperjenzi ġodda mhux biss bl-esperjenzi fuq il- palk/TV iżda wkoll bil-karattri li tinterpreta. Id-drama għenitni ħafna tul is-snin biex insib lili nnifsi, nibni personalità u għenitni nkun aktar kunfidenti.

Attriċi favorita? U għaliex?

Anne Hatheway, għaliex hija attriċi versatili ħafna u dejjem ammirajtha tul is-snin.

Int tkanta wkoll? Liem tippreferi miż-żewġ dixxiplini?

Din hija mistoqsija li jsaqsuhieli ħafna u dejjem ma nafx kif nirrispondi għaliex kemm il-kant u kemm id-drama huma affarijiet li nħobb nagħmel u jtuni sodisfazzjon. Ir-reċtar nħobbu għaliex permezz tiegħu tinterpreta karattri differenti li bihom tesperjenza esperjenzi li forsi qatt ma tkun immaġinajthom, filwaqt li l-kant u l-mużika jirriflettu lili nnifsi u l-istil tiegħi.

X’livell għandu d-drama fuq it-TV Malti?

Nemmen li tul is-snin it-TV Malti tjieb iżda xorta nħoss li għad hemm ħafna xi jsir. Fejn jidħol id-drama ftit li xejn hemm finanzi u għalhekk il-prodott huwa limitat. Ħafna nies jippruvaw iqabblu d-drama Maltija ma’ dik ta’ barra iżda dan ma jistax isir jekk fir-riżorsi u l-finanzi aħna limitati u għalhekk għad hemm differenza kbira bejn produzzjoni Maltija u dik ta’ barra. Iżda xorta waħda nammira ħafna produzzjonijiet Maltin li jemmnu f’atturi Maltin u li bil-limitazzjoni li għandna jipproduċu dawn id-drammi tant għal qalb il-Maltin.

X’futur għandu l-Malti fejn jidħol id-drama fuq it-TV?

Nemmen li l-Malti għandu futur fid-drama, l-istazzjonijiet Maltin jagħtu ċans lit- talent Malti u l-opportunitajiet qed jiżdiedu. 

Kif tiddeskrivi lil Paula fuq Katrina?

Meta l-kittieba ta’ Katrina qaluli li ha ninterpreta din il-parti u bdejt nirrevedi l-ewwel sripts mill-ewwel ħadt grazzja ma’ dan il-karattru. Lil Paula niddeskriviha bħala persuna ferriħija u pożittiva li għalkemm għaddiet minn dak li għaddiet fit-tfulija tagħha ma qatgħetx qalbha u kienet kapaċi tfendi għal rasha u tikkumbatti mal-ħajja.

X’hemm differenti u x’hemm l-istess bejnek u bejn Paula?

Naħseb kemm jien u kemm Paula indipendenti u nippruvaw naraw il-ħajja b’lenti pożittiva. Għandna karattru simili iżda għal grazzja t’Alla jiena trabbejt ġo familja b’għożża kbira, li jiena napprezza u nħobbha ħafna.

X’idaħħkek?

Xi praspura jew taħwida minn tiegħi.

X’jiffrustrak?

Meta tagħmel xi ħaġa mill-qalb u ma tiġix apprezzata. 

Ħolm għall-futur?

Il-ħolm tiegħi hu li nibqa’ nagħmel dak li nħobb. 

Pajjiż li jiddeskrivik… u għaliex?

Londra, il-mużika u l-moda.

Kulur favorit… u għaliex?

L-isfar... kulur li jiġbed l-għajn u vivaċi.

Bħala studenta universitarja temmen li l-edukazzjoni f’Malta tippreparak realment għad-dinja tax-xogħol?

Iktar ma jgħaddi ż-żmien naraw aktar l-importanza tal-edukazzjoni u fejn din tista’ twassalna. Però qed jiġri li qed nagħtu wisq importanza lis-suġġetti akkademiċi u nħoss li ma nagħtux importanza lejn il-prattika. Ħafna drabi qed jiġri li l-istudent jiġi mġiegħel jitgħallem bl-amment minflok jaħseb u jkun kreattiv hu, dan iwassal għal konsegwenzi fil-futur fil-qasam tax-xogħol.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook