Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

L-ewwel video f'Malta li ttieħed b'dan il-mod

Norbert Bondin għandu 21 sena u bħalissa jattendi St Martin’s Institute of Higher Education fejn qiegħed jagħmel degree fin-negozju. Hu kantant Malti li jħobb jesperimenta bi stili ġodda u għadu kif ħareġ id-diska Find A Way. 

Jean Pierre Cassar / 6 ta' Novembru 2014 09:27
Norbert Bondin
Tliet kelmiet li jiddeskrivuk... 

Dħuli, perfezzjonist u onest. 

Kemm ilek li bdejt tkanta?

Ili nħobb il-kant però ili nkanta għal dawn l-aħħar seba’ snin biss.

Minn fejn ġietek il-ħajra tal-kant? 

Skont ommi minn mindu kont tifel żgħir kont inkanta u naqbad xi ħaġa taparsi mikrofonu. Tgħidli li kont naqbad il-melodiji malajr ħafna u anke l-kliem, naħseb hija xi ħaġa li kienet ġo fija minn dejjem.

Xi tgħidilna dwar is-single tiegħek Find A Way?

Find A Way titkellem dwar li fil-ħajja m’għandek taqta’ qalbek qatt. Dejjem trid tħares b’mod pożittiv u ma tħalli lil ħadd iwaqqgħek. Għandha messaġġ ta’ motivazzjoni biex fil-ħajja tibqa’ għaddej u biex fl-aħħar mill-aħħar ikollok tbissima fuq wiċċek. 

Xi tgħidilna fuq il-video ta’ din id-diska?

Il-video ta’ Find a Way huwa l-ewwel video Malti li huwa meħud kollu f’daqqa. Peress li ddeċidejna li nużaw teknika ġdida kif tagħmel il-video mbagħad kien qabel li l-kanzunetta nsemmuha Find A Way. Il-video juri xeni differenti fejn fil-ħajja jkollok inżul u tlajja però trid dejjem issib mod kif tibqa’ għaddej.

Il-video meħud kollu f’daqqa, jiġifieri m’hemmx qtugħ ta’ xeni, kemm ħadilkom ħin biex irnexxielkom tagħmluh?

Hekk hu, fil-fatt dan kien esperiment li rnexxa ħafna. Peress li m’hemmx qtugħ ta’ xeni, jekk xi ħadd jieħu żball ridna nerġgħu nibdew mill-bidu nett. Għamilna iktar minn tnax-il siegħa. Kienet ġurnata u lejl twil però kien ta’ sodisfazzjon kbir għalija u għat-tim kollu. 

X’inhi l-ħolma tiegħek fil-qasam tal-kant?

Il-ħolma tiegħi hi li nkun kantant internazzjonali fejn inxerred il-mużika tiegħi kif ukoll nikkomunika mas-semmiegħa billi noħroġ kanzunetti li jkunu sentimentali.

Int ħadt kors f’Hollywood, u kellek l-opportunità taħdem ma’ Daniel u Natasha Bedingfield, kif tiddeskrivi din l-esperjenza?

Kemm qed iġġibli memorji! Kienet naħseb l-isbaħ esperjenza ta’ ħajti. Il-kors dam ġimagħtejn u kienu ġimagħtejn ta’ kant u mużika biss. Iltqajt ma’ ħafna artisti barranin li kienu hemm jitgħallmu bħali. Qatt ma stennejt li żewġ għalliema kienu se jkunu Daniel u Natasha Bedingfield. Kienet lezzjoni fejn tgħallimt ferm magħhom, tgħallimt li fil-karriera tal-mużika mhux il-kant biss importanti però ħafna affarijiet oħra li jista’ wkoll ma jidhrux.  

X’inhuma l-proġetti tiegħek għax-xitwa li ġejja?

Il-progetti tiegħi huma li nkompli noħroġ kanzunetti u forsi iktar ’il quddiem noħroġ album. 

Min huma l-ispirazzjonijiet tiegħek f’dan il-qasam?

Sam Smith għalija laqat il-musmar fuq rasu. Huwa artist inkredibbli li m’aħniex se nsibu ħafna bħalu. Jispirani ħafna li nkompli għaddej u nistinka iktar fil-kant. 

Diska favorita? 

Bħalissa l-kanzunetta ‘I’m not the only one’ ta’ Sam Smith.

X’idaħħkek? 

Ħafna affarijiet. Pereżempju xi video fuq Youtube jew xi daħka stramba.

X’jiffrustrak?

Il-gideb u min ma jkunx fil-ħin. 

X’ibikkik?

Xi mewta fil-familja. 

Il-biża’ tiegħek?

Il-mard. 

L-iktar darba li stħajt f’ħajtek?

Meta darba kont qiegħed inkanta ġo pjazza fuq palk fejn kien hemm attività kulturali Maltija u f’ħin minnhom waqt li qiegħed inkanta jintefa’ d-dawl!

Meta ma tkunx qed tkanta tkun qed…

Ġeneralment inkun għaddej b’xi xogħol ta’ studju tal-università. Barra minn hekk inħobb ħafna li noħroġ ma’ sħabi kif ukoll jekk ikolli ċans indoqq ftit il-pjanu. Minbarra l-kant inħobb insajjar ħafna u togħġobni ħafna l-arti. 

Jean Pierre Cassar gradwa mill-Università ta' Malta b'Baċellerat fil-Malti. Kompla l-istudju tiegħu fl-interpretar fejn kiseb iċ-ċertifikat biex ikun jista' jaħdem bħala interpretu fl-istituzzjonijiet Ewropej. Preżentament jokkupa l-kariga ta' Aġent Editur mal-ġurnal Illum.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook