Ħames Minuti ma’ Dorian Cassar

Dorian Cassar - preżentatur tar-radju u t-televiżjoni u beda jaħdem fix-xandir fl-1997. Gradwat b’Masters fil-Mezzi tax-Xandir mill-Università ta’ Leicester l-Ingilterra. Għandu 33 sena u jgħix Raħal Ġdid. Il-passatemp tiegħu huwa s-safar u jixtieq li jżur l-Amerika Latina.

Meta twelidt?

Twelidt fit-18 ta’ Marzu 1981. 

X’tiftakar minn tfulitek?

Niftakar li qatt ma kont nilgħab bil-ġugarelli iżda dejjem nilgħab taparsi fil-klassi, fuq ir-radju jew fuq it-televiżjoni jew fil-knisja. Niftakar li minn età żgħira kont tgħallimt nuża l-kompjuter u noħloq il-programmi fuq l-Atari. Niftakar ukoll it-twelid t’oħti meta kelli tliet snin. Niftakar l-ewwel darba li dħalt l-iskola u anke kemm kont inbati bl-uġiegħ ta’ ras meta kont fil-primarja. Kelli tfulija sabiħa ħafna.

Qatt għamilt xi ġennata tat-tfulija? 

Ma niftakarx li qatt għamilt xi ġennata partikolari. Però niftakar li meta kont iżgħar, xir-raba’ sena tal-primarja, kont qiegħed nilgħab fil-bitħa tal-iskola u mort niġri biex nimbotta lil wieħed u kont waqqajtu u kien beda jibki ħafna. L-għada filgħodu beda jdur klassi klassi mal-Kap tal-Iskola biex isaqsi min kien kisirlu idu. Kont jien!

Kif bdejt fuq ir-radju?

Meta kont għadni tifel, minn dejjem niftakarni nirrekordja d-diski bil-cassette u wara kont taparsi noqgħod nintroduċi d-diska jien. L-istess kont nagħmel quddiem il-mera taparsi qiegħed fuq it-televiżjoni. Jiġifieri l-ħajra dejjem hemm kienet. Imma fil-fatt kien avviż żgħir li kont rajt fuq il-gazzetta ftit qabel bdejt nagħmel l-O’ Levels fl-1997. Dan l-avviż kien qed jistieden voluntiera biex jitħarrġu u jxandru fuq radju tal-komunità. Kont ċempilt, iltqajt ma’ min kien imexxi l-istazzjon iżda minħabba li kont qed nagħmel l-eżamijiet, kelli nistenna ftit xhur biex nibda. L-ewwel programm kien fuq Radju Kottoner, f’Lulju tal-istess sena. Miegħi kien hemm Patri Mark Montebello li kien urieni kif jaħdem l-apparat.

X’inhu dak li jsaħħrek fir-radju?

Inħoss li kelli ġibda lejn ir-radju minn dejjem. U maż-żmien, iktar ma sirt nafu, iktar saħħarni. Mindu bdejt naħdem fuq ir-radju ma tgħallimtx biss fuq id-diski u kif nagħmel programm. Imma tgħallimt ħafna iktar affarijiet li sawru l-personalità tiegħi. Iltqajt ma’ ħafna nies li kieku ma kienx għar-radju ma kontx niltaqa’ magħhom. U r-radju tani spazju nkun kreattiv u noħloq affarijiet jew sitwazzjonijiet fejn kull individwu jinterpretahom bil-mod tiegħu. Il-fatt li persuna ma tarax stampa, imma timmaġina stampa, issaħħarni dejjem.

Min hu l-idolu tiegħek?

Ma naħsibx li hemm persuna partikolari. Kulħadd għandu t-tajjeb tiegħu. Nipprova nħares lejn it-tajjeb li għandu kulħadd, anke l-inqas persuna li tista’ timmaġina li jista’ jkollu.

Liema ġeneru ta’ mużika togħġbok l-aktar?

Inħossni fortunat li fiż-żmien li għamilt nagħmel programmi u eventwalment immexxi Radju Kottoner, tgħallimt napprezza ġeneri ta’ mużika differenti. Minħabba li kont indoqq anke diski tas-sittinijiet, jekk hux iktar antiki minn hekk, u ħafna stili oħra, allura hemm diski minn kull perjodu u ġeneru li jogħġbuni. Bħalissa nieħu gost ħafna bil-mużika li ndoqq waqt il-Breakfast Show fuq 89.7 Bay.

Temmen li l-mużika Maltija miexja ’l quddiem?

Iva u ħafna. U mhux il-mużika biss. Kien hemm qabża wkoll fil-kwalità tal-vidjos mużikali ta’ diski Maltin, il-kwalità tal-avvenimenti li jsiru f’Malta u anke s-serjetà ta’ studjos u producers. Perważ li ħafna mid-diski Maltin huma ferm aħjar minn dawk li jkunu fil-klassifiċi tal-Ingilterra u l-Amerika.

Apparti radju issa għandek ukoll programm televiżiv… 

L-ewwel darba li missejt mat-televiżjoni kien fil-programm Divided ftit tas-snin ilu fejn kont naqra l-mistoqsijiet u kont nagħmel feature qasir fil-programm. Wara kont mistieden biex inkun opinjonista residenti fi programm taż-żgħażagħ u fl-2011 bdejt nippreżenta programm ta’ diskussjoni fuq Favourite Channel u domt sas-sajf tal-2013 għaddej bil-programm Crossroads. F’Ottubru tas-sena li għaddiet ingħaqadt ma’ Clayton J fil-programm Fresh & Funky fuq One, programm li diġà kont ngħin fil-produzzjoni tiegħu minn qabel.

Tim favorit tal-futbol?

Ma nsegwix futbol però s-sena li għaddiet kelli ċ-ċans li mmur nara lil Manchester United jilagħbu darbtejn fl-Ingilterra ma’ missieri, li huwa supporter kbir tagħhom. Allura qisni għandi simpatija lejhom iktar minn timijiet oħra u nipprova nsegwihom ukoll. Però m’iniex xi persuna li se noqgħod nara logħba sħiħa. 

L-importanza tal-flus f’ħajtek?

Importanti ħafna però mhux prijorità. Li ngħix komdu biżżejjed. Hemm affarijiet oħra f’ħajti li jtuni sodisfazzjon iktar mill-flus. 

Il-post ta’ rilassament ideali għalik?

Meta nidħol id-dar nipprova nirrilassa kemm nista’. Inħobb nagħti daqqa t’id id-dar jew nqatta’ ftit ħin mal-pjanti. Tal-inqas nipprova nagħmel affarijiet differenti mix-xogħol, għalkemm mhux l-ewwel darba li l-iskrivanija tad-dar tiġi estensjoni tal-iskrivanija tax-xogħol!

Jekk taqbad ajruplan fejn tagħżel li tmur l-ewwel? 

Għalkemm insejt kemm-il darba mort, Londra dejjem taffaxxinani. U qisni drajt li mmur tal-inqas darba jew darbtejn fis-sena. Is-safar huwa wieħed mill-passatempi tiegħi u nixtieq ħafna li nżur pajjiżi differenti tal-Amerika Latina u jkolli ċans li nitħallat mar-residenti stess biex nitgħallem iktar fuq kulturi u tradizzjonijiet differenti. Ma nixtieqx li mmur fejn jeħduk il-gwidi u noqgħod fil-lukandi, imma mmur ngħix man-nies.

Qatt kont involut f’xi tip ta’ volontarjat?

Iva. L-avventura tiegħi fuq ir-radju bdiet ma’ Radju Kottoner, li kien immexxi minn għaqda non-governattiva u kulħadd kien jagħti l-kontribut tiegħu b’mod volontarju. Maż-żmien, apparti l-programmi fuq ir-radju, kont anke involut fil-kumitat li jmexxi l-istazzjon sa ma sirt maniġer tal-istazzjon ftit tas-snin wara. Tul is-snin li għamilt mal-fondazzjoni, bdejt ukoll nagħti l-kontribut tiegħi fil-bord tat-tmexxija u anke sirt wieħed mit-trustees tal-Fondazzjoni Daritama. Dejjem emmint li għalkemm tajt ħafna ħin għax-xogħol volontarju, ħadt ħafna ħafna lura mill-esperjenzi u n-nies li ltqajt magħhom tul is-snin.

L-iktar mument glorjuż fil-karriera tiegħek s’issa, Isle of MTV?

Tkun fuq l-istage tal-Isle of MTV hija xi ħaġa unika u esperjenza mill-isbaħ fil-karriera tiegħi. Naħseb li huma ftit dawk l-okkażjonijiet fejn jista’ jkollok folla daqstant kbira quddiemek. Però kien hemm esperjenzi sbieħ oħrajn bħal meta ppreżentajt il-Bay Music Awards u kont anke mistieden fil-Malta Fashion Awards u One Tribute.

Għandek xi pjanijiet partikolari matul dan is-sajf?

Is-sajf għalija huwa impenjattiv ħafna iktar mix-xitwa għax apparti x-xogħol normali, jkun hemm ħafna avvenimenti filgħaxija u fi tmiem il-ġimgħa. Allura dan huwa sajf ta’ iktar xogħol mis-soltu. Però nipprova nsib ċans immur ngħum ftit u qed nippjana ftit jiem ta’ mistrieħ, forsi barra minn Malta.

More in Hames Minuti