Ħames Minuti ma' Eric Grech

Eric Grech - magħruf ma’ ħafna bħala attur stabbilit u li ħa sehem f’diversi plays u serje televiżivi. Jaħdem bħala infermier u juża l-karattru ferrieħi tiegħu biex itaffi xi ftit mis-sofferenza tal-pazjenti sakemm inisslilhom tbissima. Fejn hemm Eric, iċ-ċajt ma’ jiqafx! 

Eric Grech
Eric Grech

Fejn twelidt?  

L-Isptar San Luqa, Gwardamanġa.

Kont imfissed xejn mill-ġenituri?

Jien iż-żgħir minn tliet subien u ma kont imfissed xejn, anzi kont imqareb ħafna ta’ tfal li kont.

Bħala tifel, kif kont tħossok dwar il-fatt li l-papà, Lino Grech, kien magħruf sew fuq il-palk u t-televiżjoni? 

Kont inħossni bħal tfal oħra. Missieri kien raġel umli ħafna u dejjem kien jgħallimna biex inżommu saqajna mal-art u biex ma nogħlewx iżżejjed.

Kemm kien influwenti l-papà fil-karriera tiegħek bħala attur?

Kien influwenti ħafna. Jien ma mort l-ebda skola tad-drama, imma l-aħjar tagħlim ħadtu mingħandu. Minn ċkuniti ommi kienet tibgħatni miegħu r-riħersils biex hi tieħu nifs minni għax kif għidt qabel, kont imqareb ħafna. Kont inkun mitluf f’dawk is-sagħtejn nara lil missieri jagħmel il-provi u hemm kien il-post fejn lanqas kont niċċaqlaq. Kienu mumenti ta’ seħer kbir. Meta kont immur id-dar kont nintasab quddiem il-mera u noqgħod nipprattika dak li nkun assorbejt minn missieri.

Illum Lino m’għadux magħna… 

M’għadux magħna fiżikament. L-ispirtu tiegħu jgħix għal dejjem. Kliemu stess lilna fuq is-sodda ta’ mewtu. Aħfru lill-min jagħmlilkom il-ħsara u nsew, għinu lil min hu fil-bżonn, kelma nieqsa aħjar minn oħra żejda. Missieri, missier, għalliem u ħabib ta’ veru, kien u jibqa’ għal dejjem.

Fix-xogħol tiegħek full time taħdem bħala infermier, x’kien li attirak lejn dan ix-xogħol?

Bħalma attirani l-palk meta kont immur ma’ missieri għal provi, attirani x-xogħol ta’ infermier meta kont indewwi l-feriti fuq l-għekiesi li kellha z-zija t’ommi. Zija li kienet għal qalbi ħafna u kont nagħmel kull mezz possibbli biex waqt dan il-proċess ma nweġġagħhiex. L-anima li għandi għall-anzjani hija kbira wisq u x-xogħol inħobbu ferm.

Fejn ikun hemm int, dejjem hemm xi ċajta anke mal-pazjenti… 

Matul dawn l-aħħar 30 sena bħala infermier skoprejt li nista’ namalgama t-tnejn f’daqqa. Mhux faċli li tkun taf il-waqt meta tpoġġi tbissima fuq fomm, marid, moribond jew xi ħadd li se jagħmel xi proċedura serja ħafna. Imma bl-għajnuna tal-Bambin kollox possibbli u jiena nemmen li jien strument f’idejn il-Bambin f’dawn il-mumenti.

Qatt ikollok mumenti fejn tfittex il-kwiet fis-solitudni?  

Infittex ħafna lili nnifsi. Jien għandi x-xorti li noqgħod waħdi u fil-kenn ta’ dari nagħraf lili nnifsi ħafna. Nemmen li hu ta’ bżonn li wieħed ifittex lilu nnifsu, japprezza dak li hu u jirranġa fejn ikun hemm bżonn. Nippreferi li ngħix u mhux neżisti. M’iniex perfett, imma naf niskuża ruħi meta niżbalja.

X’tikkummenta dwar iż-żgħażagħ tal-lum? 

Illum iż-żgħożija nbidlet. Dixxiplina kważi xejn. Rispett mill-inqas, speċjalment lejn min hu ikbar minnha. Nemmen li biex titgħallem sew l-esperjenza trid tgħaddi minnha l-ewwel imma d-dixxiplina u r-rispett għandhom ikunu fil-valuri taż-żgħażagħ ukoll.

Tħobb issiefer? Fejn hu l-post ideali għalik? 

Inħobb ħafna nsiefer nippreferi nsiefer fis-sajf milli fix-xitwa. Togħġobni ħafna l-kampanja.

Eric persuna tas-sajf jew tax-xitwa? 

Jien żgur persuna tas-sajf. Is-sajf inħobbu wisq.

Li kieku kellek tmur ikla ma’ xi ħadd mix-xena politika, lil min tagħżel? U għaliex?

Kieku nagħżel lil Miriam Dalli. Miriam hi mara li ammirajt sa mill-bidu nett tal-karriera tagħha. Hi bniedma gustuża, simpatika u brava.

More in Hames Minuti