Ħames Minuti ma' Sergio Mallia

Sergio Mallia - ġurnalist u qarrej tal-aħbarijiet fuq TVM. Imwieled u mrobbi Ħal Qormi u l-fustani fost erba’ aħwa. Studja l-komunikazzjoni u s-soċjoloġija, u l-Istudji Ewropej fil-livell ta’ Masters. Ilu jaħdem fil-qasam tal-ġurnalizmu mxandar u l-komunikazzjoni mill-2004.

Sergio Mallia
Sergio Mallia

Taħt liema stilla twelidt u f’liema sena?
Twelidt fi Frar tal-1983, allura jien ‘Aquarius’

Temmen fl-oroskopju?
Ma nemminx iżda jqabbadni kurżità

X’tiftakar minn żmien l-iskola?
Attendejt skejjel tal-Knisja. Fil-primarja kont imqarqaċ. Niftakar ir-rotta lejn l-iskola minn Ħal Qormi sa Bormla. Niftakar fiha kull meta nsuq minn dawk l-inħawi. Sfortunatament l-iskola qatt ma dħalt iktar wara li spiċċajt. Is-sekondarja kien żmien sabiħ, għamilt ħafna ħbieb, u kont nipparteċipa fi kważi kollox, partikolarment l-isport. Fi żmien xtaqt insir bankier, iżda qatt ma brillajt fil-matematika u allura għażilt il-lingwi fil-post-sekondarja. Biss għadni nħobb naqra u nsegwi aħbarijiet dwar l-ekonomija, partikolarment l-iżviluppi bla nifs fiż-żona ewro.  

Kont tilgħab il-futbol ma’ Sliema Wanderers, kif tiddeskrivi dak iż-żmien?
Żmien ta’ formazzjoni mill-aqwa. Lgħabt u rbaħna ħafna minn U-14 sa U-21. Niftakar iżda kowċ li kien jgħidilna, “kieku player isir tajjeb skont x’żarbun tad-ditta jilbes, kieku nixtrilkom gwardarobba żraben”. Għadni nżomm dak il-kliem illum għax mhux ix-xinxilli li jagħmluk nies.

Għalkemm kont tilgħab ma’ Tas-Sliema però int Qormi
Għażilt lil Tas-Sliema għax kienu tim tal-Premiere. Ħal Qormi iżda kbir fi tradizzjonijiet oħra bħall-festi eċċ. Nammira l-entużjażmu tal-Qriema f’dan l-aspett.

Preżentement single u tgħix mal-ġenituri, ħames snin oħra kif tippjana li tkun?
Għadni d-dar b’għażla. Biss naf inkun indipendenti grazzi għal ommi u missieri. Jien kuntent kif jien illum iżda 5 snin oħra nipprova nkun aħjar.  

Tinqala biex tagħmel xogħol tad-dar bħal tisjir, ħasil u mogħdija?
Insajjar u ngħaddi żgur. Il-kumplament għadni lura.

Kif dħalt fil-karriera ġurnalistika?
Minn dejjem nafni naqra l-ġurnali. Inħobb ħafna il-politika iżda l-ġurnaliżmu għallimni iktar, għalkemm baqa’ ħafna x’naqdfu biex il-professjoni jkollha l-istima li jixraqilha.


Fuq it-televiżjoni tidher dejjem kalm u preżenza perfetta, kemm int konxju mid-dehra tiegħek?
‘L-għajta nofs il-bejgħ’...konxju ħafna, iżda nammetti li missni mmur il-gym iktar. Apparti hekk inħabbel moħħi iktar fuq kemm se nfiehem l-aħbarijiet tajjeb milli kif nidher.

X’inhu dak li jagħmel aħbar interessanti għat-telespettaturi?
Bl-Ingliż insejħulu ‘writing to pictures’. Fil-fehma tiegħi, l-aħbar tkun interessanti jekk il-kummentarju jikkumplimenta l-viżwal u l-ħoss u mhux bil-maqlub.

Kellek xi esperjenza ta’ rapurtaġġ li baqgħet stampata f’moħħok għal xi raġuni partikolari?
L-ewwel rappurtaġġ importanti ma’ TVM kienet traġedja sfortunata ħafna. Dik tal-isplużżjoni tan-Naxxar fl-2008. Rajtu kemm-il darba l-filmat u s-servizz. Kieku llum nħejji s-servizz kompletament differenti. L-iktar rapportaġġ li baqa’ fuq fomm in-nies naħseb li kien il-famuż ‘ċertifikat tal-form 2’ ta’ Franco Debono...għadna niċċajtaw dwaru sal-lum

X’kummenti jgħaddulek in-nies meta jarawk fit-triq?
L-iktar li nisma’ hi ‘kont naħsbek itwal’...ma ttihomx tort, iżda l-kollegi diretturi, meta naqra l-aħbarijiet ipoġġu l-cameras minn taħt ħalli ‘nidher twil’ flok noqgħod inpoġġi l-karta strazza...

Kif ikun Sergio meta mhux fuq it-televiżjoni?
Nittama li l-istess. Iżda ngħix ħajja normali bit-tlajja’ u l-inżul bħal kulħadd.

Tippreferi tirrilassa ma’ ktieb tajjeb jew tazza nbid?
Kollox f’ħinu u f’waqtu. Filwaqt li nħobb it-tnejn, nirrikkmanda l-ktieb iktar milli l-inbid.

Issa li riesaq is-sajf, malja u xugaman?
Inħobb ngħum iżda mhux ix-xemx. Dis-sena nipprova ngawdih iktar mis-sena l-oħra għax kelli teżi x’nagħmel u issa lest.

Tinteressak il-mużika?
Tinteressani iżda min jafni jaf li mhux il-forte tiegħi. Inħobb il-lirika Maltija u meta togħġobni diska nismagħha elf darba, imma rari nitgħallem il-kliem kollu.

Int tħobb issiefer u tesplora pajjiżi oħra – qatt ikkunsidrajt xi vaganza avventuruża mdawwar bin-natura?
Diġà mort, iżda qatt mhu biżżejjed. Fl-Ewropa togħgobni l-Iżvizzera, il-parti Ġermaniża qalb il-muntanji iżda ħadt gost ħafna San Francisco, l-Istati Uniti. L-aħħar agri-turizmu li mort kien ftit ‘il barra minn Firenze. L-Italja dejjem ‘safe’...ikel, kultura, xenarju, it-Toskana hemm inbid ta’ vera!

Il-ħolma ta’ ħajtek?
La sseħħ ngħidlek ... haha grazzi.

More in Hames Minuti