L-istorja, l-arti, id-devozzjoni u l-qima tal-Kurċifiss ta' Ġieżu miġbura fi ktieb wieħed

Fuq kollox dan il-ktieb iwasslilna ġabra sabiħa ta’ xbiehat u ritratti, ‘l fuq minn 195, uħud minnhom storiċi, li kienu miġburin minn kollezzjonijiet kemm pubbliċi u kemm privati, li joffru dokument viżiv tal-kurċifiss ta’ Innocenzo

Dan il-ktieb hu studju multi-dixxiplinarju li jiddokumenta il-programm intensiv ta’ restawr u konservazzjoni li sar fuq il-kurċifiss magħruf minn kullħadd bħala Ta’ Ġieżu, li issa nafu li kien sar mill-artist Sqalli Frate Innocenzo minn Petralia Sottana. Il-pubblikazzjoni kellha tkun imnedija nhar is-27 ta’ Marzu, imma minħabba s-sitwazzjoni preżenti it-tnedija formali kellha tiġi posposta u, dejjem jekk l-affarijiet jaqilbu għall-aħjar, din għanda ssir għal ħabta ta’ Settembru li ġej. Ta’ min wieħed jgħid li l-isponsor prinċipali ta’ dan il-ktieb hu l-Bank of Valletta. 

L-Eċċellenza tiegħu Charles Jude Scicluna jintroduċi l-ktieb b’kitba interessanti ħafna. Il-ktieb hu maqsum f’żewġ sezzjonijiet. L-ewwel waħda hi magħmula minn numru ta’ kitbiet li jittrattaw in-naħa storika, stilistika, ikonografika u soċjali tal-kurċifiss u dak kollu marbut miegħu, bħal: l-arċikonfraternità tal-Kurċifiss u l-postijiet sagri tagħha, bħall-kripta, il-kappella u l-oratorju; il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira; u l-aħħar u żgur mhux l-inqas, ir-rilevanza storika tal-artist Frate Innocenzo. L-istudji tħejjew minn Giuseppe Fazio, Roberta Cruciata, Simon Mercieca u Christian Attard. Fost il-ħafna argumenti interessanti li dawn il-kitbiet iqanqlu, hemm referenza għall-kurcifiss ta’ San Marcello li dan l-aħħar rajnieh wara l-Papa Francesco hekk kif dan kien qed jagħti l-barka Urbis et Orbi fil-kuntest ta’ din l-imxija pandemika lid-dinja għaddejja minnha bħalissa. L-Arċikonfraternità Beltija ilha affiljata mal- Arciconfraternita del Santissimo Crocifisso ta’ Ruma sa mill-1709.

It-tieni taqsima tiddokumenta il-proċessi ta’ djanjostika, konservazzjoni u restawr li saru fuq il-kurċifiss. Il-kontributuri ewlenin ta’ din it-taqsima huma Charles Vella u Michael Formosa. Magħhom ingħaqdu Matthew Grima, James Saliba u Adriana Alescio bi studji iqsar imma daqstant importanti. Adriana, konservatriċi li ħadmet fuq din l-opra, titratta problemi etiċi li proġett bħal dan jiltaqa’ magħhom. Charles Vella, ir-restawratur prinċipali tal-proġett, jikteb dwar l-istudji djanjostiċi li saru, kif ukoll dwar il-mod ta’ manifattura li bih hu imsawwar il-kurċifiss. Vella jikteb wkoll dwar simboli u referenzi teoloġiċi li wieħed jista’ jsib f’dan il-kurċifiss. Michael Formosa jagħtina studju dwar it-tipi ta’njam differenti li ntuża fil-manifattura tal-kurċifiss kif wkoll dwar l-istat ta’ konservazzjoni li dan jinsab fih. Matthew Grima jittratta il-polikromija tal-kurċifiss filwaqt li James Saliba jikteb dwar s-salib li miegħu tinsab imdendla il-figura ta’ Kristu msallab.       

Fuq kollox dan il-ktieb iwasslilna ġabra sabiħa ta’ xbiehat u ritratti, ‘l fuq minn 195, uħud minnhom storiċi, li kienu miġburin minn kollezzjonijiet kemm pubbliċi u kemm privati, li joffru dokument viżiv tal-kurċifiss ta’ Innocenzo. Aspett ieħor ta’ din il-ġabra ta’ xbiehat huma l-ħafna ritratti li jiddokumentaw il-proċess kollu li l-kurċifiss għadda minnu waqt li kien qiegħed jiġi irrestawrat.  

Dawk kollha interessati li jakkwistaw kopja huma mħeġġa li jidħlu fil-paġna Facebook tal-Arċikonfraternità: https://www.facebook.com/arcikonfraternita (Arcikonfraternita tas-Ssmu Kurcifiss). Il-ħlas ta’ Euro 70 jista’ jsir kemm b’ċekk jew anke b’Revolut, u l-ktieb jiġi mwassal lilhom id-dar fi żmien ġurnata jew tnejn, miksi fil-plastik.

More in Festi