Festi speċjali f'Ħ'Attard ifakkru t-twaqqif tas-Soċjetà Mużikali La Stella Levantina 125 sena ilu

Biex jitfakkar dan l-anniversarju, il-Kumitat ħejja programm speċjali u anke statwa ġdida għall-festa esterna

Il-bandalora tal-banda quddiem il-vara titulari
Il-bandalora tal-banda quddiem il-vara titulari

Il-ġimgħa d-dieħla, Ħ’Attard se jkun qed jiċċelebra l-festa ta’ Santa Marija, liema festa, din is-sena, se tkun waħda speċjali hekk kif is-Soċjetà Mużikali La Stella Levantina qed tiċċelebra l-125 sena mit-twaqqif tagħha.

Din is-Soċjetà twaqqfet fl-1894, meta xprunati mill-Kappillan ta’ dak iż-żmien, Dun Karm Azzopardi, grupp ta’ nies waqqfu l-‘Casino La Stella Levantina’.

Dawn in-nies kienu mmexxija minn Mastru Karmenu Debono, artist u dekoratur minn Ħ’Attard. Minnufih din l-Għaqda bdiet taħdem għall-festa ta’ Santa Marija, fejn il-membri tagħha ħadmu l-armar tal-festa, li wħud minu għadu jitgawda sal-lum, u għamlu wkoll il-pedestall tal-Vara ta’ Santa Marija.

Kienu jieħdu sehem attiv fil-festa billi jistiednu baned kif ukoll b’kontribuzzjoni għal-logħob tan-nar.

Fl-1987 twaqqfet il-Banda Santa Maria fi ħdan l-istess Soċjetà, biex b’hekk Ħ’Attard kellu l-banda tiegħu, u fejn bdew jieħdu l-edukazzjoni mużikali iż-żgħażagħ Saraċini.

Biex jitfakkar dan kollu, il-Kumitat ħejja diversi attivitajiet, li bdew mill-bidu tas-sena, u li ser jilħqu l-qofol tagħhom fil-Festa.

Fil-Festa ta’ Santa Marija ser ikunu inawgurati numru ta’ proġetti, fosthom standard kommemorattiv irrakmat kif ukoll statwa ġdida ta’ Santa Marija għall-festi esterni maħduma mill-artist Għawdxi Michael Cutajar Zahra.

Dan flimkien ma’ numru ta’ memorabilia li saru kif ukoll ħarġa speċjali tal-ktieb tal-Festa.

Fil-festa ta’ din is-sena, wara nuqqas ta’ snin, se tkun mistiedna wkoll il-Banda King’s Own tal-Belt Valletta, Banda li għandha rabtiet storiċi ma’ din is-Soċjeta’ ta’ Ħ’Attard.

Mistiedna speċjali ser tkun l-Associazione Culturale Musicale Gelese " Francesco Renda”, Banda minn Gela Sqallija.

Din ser tieħu sehem fil-Marċ tal-Aħħar tat-Tridu fit-13 t’Awwissu flimkien mal-Banda Santa Marija b’daqq ta’ Marċi Brijjużi waqt li takkumpanja d-dimostrazzjoni bl-istatwa l-ġdida.

Tkompli tieħu sehem fl-14 t’Awwissu fit-Transulazzjoni solenni b’daqq ta’ Marċi Reliġjużi Sqallin, u ser ittella’ programm mużikali fil-15 t’Awwissu filgħaxija.

Wara l-purċissjoni, l-istess Banda flimkien mal-Banda Santa Marija jagħlqu l-festa b’marċ.

More in Festi