San Lawrenz jasal Bormla wara 75 sena; Se jkunu l-Bormliżi li jwassluh lura l-Birgu

Għada se jkun qed jiftakkar pellegrinaġġ li sar 75 sena ilu wara li ntemmet il-gwerra

San Lawrenz f'Bormla fl-1944 u San Lawrenz f'Bormla 75 sena wara
San Lawrenz f'Bormla fl-1944 u San Lawrenz f'Bormla 75 sena wara

Wara 75 sena, l-istatwa ta' San Lawrenz wasslet fil-Kolleġġjata ta' Bormla fejn bejn illum u għada se jkun qed jitfakkar il-pellegrinaġġ li sar 75 sena ilu.

Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, il-vara ta’ San Lawrenz kienet ittieħdet ir-Rabat, iżda 75 sena ilu, qabel ittieħdet lura l-Birgu, kienet ittieħdet Bormla minn fejn sar pellegrinaġġ lejn il-Kolleġġjata tal-Belt Vittoriosa.

Dan il-pellegrinaġġ kien sar fit-30 ta’ Lulju tal-1944 u għalhekk għada, il-Ġirbin flimkien mal-Bormliżi se jkunu qed ifakkru dan l-avveniment.

Din l-okkażjoni għaqdet dawn iż-żewġ komunitajiet, tant li għada se jkunu l-Bormliżi li se jerfgħu u jakkumpanjaw lil San Lawrenz lura lejn il-Birgu. Il-purċissjoni se tkun akkumpanjata wkoll mill-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni, tas-Santwarju Kolleġġjata Bormliża.

Malli San Lawrenz jasal fid-daħla tal-Birgu, ir-reffiegħa Ġirbin jieħdu f'idhom din il-vara għażiża u jwassluha sal-Kolleġġjata tagħhom biex fil-jiem li jwasslu għall-10 ta' Awwissu, jiċċelebraw il-festa tal-Patrun tagħhom.

San Lawrenz f'nofs il-Kolleġġjata Bormliża
San Lawrenz f'nofs il-Kolleġġjata Bormliża

X'se jsir f'dawn il-jiem?

Illejla, fil-Kolleġġjata Bormliża, se ssir Tranżlazzjoni tar-Relikwa ta' San Lawrenz u wara jkompli l-għasar solenni bis-sehem taż-żewġ kapitli.

Il-festi speċjali jilħqu l-qofol tagħhom għada, it-Tlieta 30 ta’ Lulju.

Fis-6:00pm se jsir Pontifikal immexxi mill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona bis-sehem tal-Kapitli tal-Kottonera u dak ta’ San Pawl fir-Rabat.

Għall-ħabta tas-7:15pm se jibda l-pellegrinaġġ bil-vara ta’ San Lawrenz minn Bormla għall-Birgu bis-sehem tal-Banda San Lawrenz tal-Birgu u l-Banda San Ġorġ ta’ Bormla.

Il-pellegrinaġġ jidħol fil-Kolleġġjata tal-Birgu għall-ħabta tal-10:15, biex minn hemm tissokta l-festa f’ġieħ San Lawrenz li tilħaq il-qofol tagħha nhar l-10 ta’ Awwissu.

More in Festi