Tliet films għall-gosti ta' kulħadd fiċ-ċinema

Fast & Furious: Hobbs And Shaw, Angry Birds 2 u Horrible Histories: The Movie - Rotten Romans

Fast & Furious: Hobbs And Shaw

Atturi Ewlenin: Dwayne Johnson; Jason Statham; Vanessa Kirby; Idris Elba; Helen Mirren; Eiza Gonzalez; Eddie Marsan.

Direttur; David Leitch.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 135 min. Ċert.: 12A

Wara 8 films li minn madwar id-dinja daħħlu kważi 5 biljuni dollari, is-sensiela Fast & Furious qed tkompli bi produzzjoni spin-off minn din is-serje, Fast & Furious: Hobbs And Shaw. Luke Hobbs (Johnson) u Deckard Shaw (Statham), li sabu posthom meta din is-serje stabbilixxiet ruħha sewwa, issa għandhom għalihom avventura gwappa, differenti ħafna mill-għan ewlieni ta' serq ta' malajr ta' karozzi. Dawn iż-żewġ protagonisti, Hobbs, aġent tas-Servizz Diplomatiku Amerikan ta' Sigurtà u Shaw, operattiv kompetenti tal-Militar Brittaniku, iltaqgħu kontra xulxin f'Fast & Furious 7, fejn kull wieħed bi kliem dispreġġjattiv u daqqiet qawwija ppruvaw jegħlbu lill-avversarju reċiproku. Minkejja l-animożità ferventi li għandhom għal xulxin, dawn issa jridu jingħaqdu flimkien minħabba għadu potenti. L-anarkista Brixton Lore (Elba) jakkwista saħħa tremenda permezz ta' teknoloġija ġenetikament mogħtija lilu u jkun ta' minaċċja qalila għall-umanità. Jirnexxielu wkoll jegħleb f'kumbattiment lil Hattie (Kirby), aġenta sfiqa u qalbiena li kienet taħdem mal-MI6 u li tiġi oħt Shaw. Flimkien ma' ħuha u Hobbs se jsofru ħafna biex jippruvaw iwaqqfu lil Brixton li jidher li hu indistruttibbli u lis-suldati tiegħu. B'azzjoni ta' barra minn hawn, Hobbs & Shaw jimbarka fuq vjaġġ splussiv madwar il-globu, minn Los Angeles, Londra, Chernobyl sal-gżira tal-Paċifiku t'Isfel, Samoa. Fast & Furious: Hobbs And Shaw jipprovdi divertiment qawwi, b'mod divers mis-sensiela tant popolari u jmiss temi ta' xogħlijiet bħal "The Terminator" u dawk ta' atmosfera apokaliptika bil-ħerba totali li ssir fit-terran deżolat u tossiku li jbeżża' ta' Chernobyl fl-Ukranja. L-udjenzi jieħdu daqsxejn tan-nifs ukoll fis-sbuħija eżotika ta' ħdura lussuża ta' Samoa qabel il-final furjuż.

Angry Birds 2

Vuċijiet Ewlenin: Jason Sudeikis; Danny McBride; Josh Gad; Bill Hader; Awkwafina; Peter Dinklage.

Direttur: Thurop van Orman.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 96 min. Ċert. U

Wara s-suċċess li kellu l-film The Angry Birds (2016), The Angry Birds Movie 2 ikompli fejn ħalla x-xogħol ta' qabel. Wara l-ġlieda li kellhom mal-ħnieżer ħodor li riedu jieklu l-bajd tagħhom, l-għasafar Red, Chuck, Bomb u sħabhom l-oħrajn skantaw meta ħanżir aħdar jiġi biex jgħidilhom jinsew id-differenzi ta' bejniethom, jingħaqdu flimkien biex jikkumbattu minaċċja qawwija ġejja minn għasafar aggressivi li jgħixu fuq gżira mimlija silġ. Dawn qed ilestu arma elaborata biex jeqirdu kemm lill-għasafar u kemm lill-majjali. Huma jagħżlu lil dawk l-aktar intelliġenti fosthom biex iħejju pjan kif se jinfiltraw bil-moħbi din il-gżira, iżarmaw dan l-apparat perikoluż u jerġgħu lura lejn darhom fil-paċi. Dan il-film animat jiżviluppa b'pass mgħaġġel u movimentat, b'ħafna ċajt u andament komiku. Bħall-produzzjoni ta' qabel, dan hu bbażat mis-serje logħob Video ta' Rovio Entertainment. Ħafna mill-atturi ta' qabel reġgħu selfu leħinhom fl-istess irwoli, b'oħrajn ġodda.

Horrible Histories: The Movie - Rotten Romans.

Atturi Ewlenin: Emilia Jones; Sebastian Croft; Craig Roberts; Kim Cattrall; Kate Nash; Warwick Davis; Derek Jacobi.

Direttur: Dominic Brigstocke.

Maħruġ minn EDEN Cinemas. Tul: 92 min. Ċert. P.G.

Li tipprova tissatirizza l-istorja antika tad-dinja bi script medjokri u baġit żgħir, b'azzjoni nieqsa mill-azzjoni, ftit ċajt u djalogu li jtellef il-konċentrazzjoni, hi ħaġa ovvja li se tiddiżappunta. Horrible Histories: The Movie - Rotten Romans li hu b'xi mod ibbażat minn fuq l-istejjer Horrible Histories tal-awtur Terry Deary, hu xogħol ta' din il-kwalità. Il-produtturi u d-direttur qagħdu attenti biex, kemm jista' jkun, din il-produzzjoni tkun addattata anki għat-tfal u ħafna intriċċi, speċjalment ta' azzjoni forma ta' ġlied u kumbattimenti, jitħallew l-aktar għall-immaġinazzjoni. Li tgħawweġ il-fatti tal-istorja, bħal minflok Ruma, Londra tieħu n-nar, li stakkament ta' suldati Rumani jaħarbu jiġru meta ffaċċjati b'ċorma ta' nofs kedda Seltiċi armati biss bi bsaten u vleġeġ, li Agrippina (Cattrall), omm Neruni trid tokkupa t-tron aktar minn binha, li l-kap tal-gladjaturi hu nanu (Davis) jew li Boudicca (Nash) il-gwerriera Brittanika ta' kontra r-Rumani jirnexxielha tiġbor armata ta' miljun ruħ (wisq probabbli li dan it-total ma kienx jeżisti fil-Gran Brittanja tas-sena 60 Wara Kristu), u fix-xena bilkemm naraw mija, huma ingredjenti pertinenti għal din is-satira. Atti (Croft), żagħżugħ makakk Ruman, jipprova jbigħ mediċina falza li tispiċċa għand Neruni (Roberts). Bħala kastig jintbagħat suldat fil-kesħa tal-Gran Brittanja, li tinsab fix-xifer tal-Imperu Ruman. Hemmhekk, jinqabad minn Orla (Jones), tfajla spirituża li wara jsiru ħbieb sewwa. Meta jirritorna lura fir-riġment tiegħu jsib ruħu, kollu mbeżża’, mas-suldati sħabu quddiem l-armata ta' Boudicca bil-maħbuba tiegħu Orla magħhom. Nista' niddeskrivi Horrible Histories bħala film ukoll mużikali u waqt il-ftit siltiet kantati li fih, però kollha tal-istess ton, dan ix-xogħol jirranka xi ftit. Skantajt nara lill-attur rinomat Shakesperjan, Derek Jacobi, f'parti banali u insinifikanti. Dan il-film m'għandu l-ebda ċans li jħabbatha mal-kummiedja, A Funny Thing Happened On My Way To The Forum (1966) u wisq anqas ma' History Of The World, Part 1 (1981), kif ukoll ma' dawk ta' Monty Python, Life Of Brian, anzi jagħmel lil Monty Python's Holy Grail jidher qisu xi film spettakolari!

More in Divertiment