Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Tliet films ġodda fis-swali taċ-ċinema

Tliet films li jolqtu l-gosti ta' kulħadd għal din il-ġimgħa

Albert Gauci Cunningham / 4 ta' Frar 2019 17:34
How to train your Dragon: The Hidden World
How to train your Dragon: The Hidden World

Vuċijiet Ewlenin: Jay Baruċhel; Ameriċa Ferrera; Ċate Blanċhett; Kit Harrington; Ċraig Ferguson; F. Murray Abraham.

Direttur: Dean DeBois,

Maħruġ minn KRS Relasing.

Tul: 104 min

Ċert. P.G.

Is-saga animata dwar il-ħbiberija mhux tas-soltu bejn tfajjel adoloxxenti Viking jismu Hiccup (vuċi ta' Baruchel) u dragun iswed imsejjaħ Toothless, waslet fit-tielet puntata tagħha b'How To Train Your dragon: The Hidden World. Bħaż-żewġ produzzjonijiet ta' qabel, dan il-film hu ffullat bi spettaklu ta' draguni ta' kull għamla u kuluri diversi jtiru fl-ajru, avventuri eżileranti u xenarju panoramiku mill-aqwa li jtuh il-bixra ta' xogħol epiku. Iż-żagħżugħ Hiccup, issa kap ta' Berk flimkien ma' Astrid (Ferrera) għadhom isalvaw draguni oħrajn biex ilestulhom post ideali fejn jgħixu fil-paċi. Meta ġo foresta f'salt wieħed tidher Light Fury, dragun mara bajda u attraenti, Toothless id-dragun ta' Hiccup jintilef warajha. Li ma jafx hu li din ġiet hemm biex wieħed kattiv, Grimmel the Grisly (Abraham) jużaha bħala lixka ħalli jaqbad lil Toothless għal skopijiet malinni. Il-villaġġ ta' Berk se jgħaddi minn periklu kbir minħabba għadu li jrid jaħkem id-draguni kollha u lid-dinja eżistenti. Hiccup hemm bżonn jivvjaġġa biex ifittex post sigriet, li missieru mejjet kien semmielu, post mitiku mhux maħsub li jeżisti, fejn id-draguni qed jgħixu f'armonija. Ix-xufier u d-dragun hemm bżonn li jiġġieldu flimkien biex isalvaw lil arthom u biex Toothless ifittex lis-sieħba tiegħu. How To Train Your Dragon: The Hidden World , bħax-xogħlijiet ta' qabel hu bbażat minn fuq il-kotba ta' Cressida Cowell. Din hija storja sorprendenti dwar il-kuraġġ li wieħed irabbi waqt li jikber u jimmatura biex jiffaċċja dak li hu mistur u dwar li kull ħaġa ta' gost u divertiment trid tiġi fi tmiemha. Dan il-film jagħlaq triloġija ta' saga viżżwalment eżileranti

 

Dragon Ball Super: Broly

Vuċijiet Ewlenin: Sean Schemmel; Christopher Sabat; Vic Mignogna; Christopher Ayres; Emily Neves.

Direttur: Tatsuya Nagamine.

Maħruġ minn Eden Cinemas.

Tul: 101 min.

Ċert. 12A

 

Is-sensiela fantasija anime Gappuniża Dragon Ball li dejjem għamlet suċċess waslet fl-20 edizzjoni tagħha bil-film Dragon Ball Super: Broly. Dan hu xogħol mimli arti marzjali u l-ewwel wieħed bit-titlu ta' Dragon Ball Super. Anzi l-istorja tkompli wara l-istraġi u s-sopravivenza murija fi Dragon Ball Super. Wara li l-pjaneta tagħhom tkun distrutta, tliet Saijans (ċittadini ta' Vegeta), jitferrxu fl-univers kollha ddestinati għall-avventuri ġodda. Tnejn minnhom isibu kenn fid-dinja tagħna, waqt li t-tielet wieħed jitrabba b'sens ta' vendetta fuq il-pjaneta Vampa u jiżviluppa qawwa kbira. Issa wasal iż-żmien ta' ħlas u tpattija. Broly, mimli furja jattakka lil Vegeta f'taqtigħa titanika li ddum kważi l-aħħar nofs siegħa tal-film. Id-dragon balls jintużaw biss biex id-dragun Shenron li jaqta' x-xewqat, ikun jista' jagħmel l-għeġubijiet. Dragon Ball Super: Broly hu film animat mexxej ħafna, b'kuluri psikadeliċi, xi kultant konfuż minħabba qbiż fiż-żmien (lura u 'l quddiem), b'xi umoriżmu u ġlidiet imtawlin u assurdi, imma xorta pjaċevoli.

 

The Guilty

Atturi Ewlenin: Jakob Cedergren.

Vuċijiet Ewlenin: Jessica Dinnage; Omar Shargawi; Johan Olsen.

Direttur: Gustav Moller.

Maħruġ minn SIDE STREET Films, Eden Cinemas.

Tul: 85 min.

Ċert. 15.

Il-produzzjoni Daniża/Norvegiża The Guilty fakkritni f'film ieħor bl-istess atmosfera klawstrofobika u użu prolifiku tat-telefon, Phone Booth (2002). Minkejja li l-andament kważi kollu jseħħ ġo kamra speċjali tal-pulizija, dan hu thriller affaxxinanti li jħallik tipprova taqta' dejjem x'se jiġri. Asger Holm (Cedergren), uffiċjal tal-pulizija qed jirrispondi t-telefon f'ċentru speċjali tal-emerġenza. Waħda mara jisimha Iben (vuċi ta' Dinnage), b'nifisha maqtugħ u tibki ċċempel għall-ajjut għax tgħid li nħatfet minn żewgha Mikael (vuċi ta' Olsen) li għadu ħiereġ mill-ħabs u tinsab imsakkra fil-karozza tiegħu. Tant jinteressa ruħu f'dan il-każ li, barra li jsejjaħ lill-puliżija biex jinvestigaw, jipprova jieħu informazzjoni utli minn din il-mara. Meta jċempel fid-dar tagħha, t-tifla Mathilde mwerwra u xxukkjata tgħidlu li rat lil missierha jgħajjat b'rabja ma' ommha b'sikkina f'idu u ommha mimlija demm. Meta suppost spiċċa l-ħin tax-xogħol tiegħu, Asger jibqa' wara x-xogħol, kontra kull etikett, ikompli jistħarreġ. L-iżvilupp ta' wara se jissorprendih bil-kbir, fil-waqt li hu jsib redenzjoni għall-att kriminali li għamel qabel u li jrid iwieġeb għalih fil-qorti. The Guilty, li hu bis-sotto-titoli bl-Ingliż jispikka bil-parti ammirevoli tal-protagonist li mill-bidu jidher li hu wkoll inkwetat, fuq l-effett li jħallu l-vuċijiet u anki fuq pawsi ta' stennija f'ambjent solenni ta' kważi mingħajr mużika u li jimxi mal-ħin reali. Thriller tant magħmul b'kapaċità li ma tiddejjaqx sekonda waħda.

               

 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook