Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Tliet films ġodda fis-swali taċ-ċinema

Tliet films li jolqtu l-gosti ta' kulħadd għal din il-ġimgħa

Carmel Bonnici / 28 ta' Jannar 2019 11:15
Mary Queen of Scots

Atturi Ewlenin: Saoirse Ronan; Margot Robbie; Jack Lowden; Joe Alwyn; David Tennant; Guy Pearce.

Direttriċi: Josie Rourke.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 125 min.

Ċert. 15

L-istorja glorjuża u illustrata tal-Gran Brittanja pprovdiet numru konsiderevoli ta' produzzjonijiet ċinematografiċi. Wara żewġ attentati, Mary Of Scotland (1936) u Mary Queen Of Scots (1971), reġa' nħadem film ieħor dwar ir-rivalità bejn il-kuġini, Elizabetta 1 tal-Ingliterra u Mary, Reġina tal-Iskozja, bi pretenzjonijiet li r-Renju Ingliż hu tagħha wkoll. Mary Stuart (Ronan), reġina ta' Franza ta' 16-il sena u armla sakemm għalqet it-18-il sena, tasal l-Iskozja fl-1561 biex tieħu dak li hu tagħha - it-tron ta' dan il-pajjiż. Il-Protestanta Elizabetta (Robbie) tieħu l-pariri li hemm periklu kbir li fit-Tramuntana hemm reġina Kattolika. Meta Mary tiżżewweġ lil Lord Darnley (Lowden) u jkollha tifel, Eliżabetta li baqgħet ħawlija (bla tfal), ir-rivalità tant tikber li Mary tkun ingannata minn dawk stess li kienet tafda u wara ġlieda ċivili u telfa, taħrab lejn l-Ingilterra mingħajr it-tifel. Miżmuma taħt arrest għal kważi għoxrin sena u misjuba ħatja ta' qerq u tal-qtil ta' żewġha tingħata l-mewt. Eliżabetta baqgħet tirrenja għal ħafna snin wara, iżda wara mewtha jkun James, it-tifel ta' Mary li jsir l-ewwel re tal-Ingilterra u I-Iskozja. Mary Queen Of Scots juri perjodu ieħor ta' intriċċi u ingann fil-politika, avvenimenti normali għal dak iż-żmien, ibbażat minn fuq il-ktieb ta' John Guy Queen Of Scots: The True Life of Mary Stuart. Għalkemm din il-produzzjoni hi ddominata miż-żewġ protagonisti rġejjen kuġini li jagħtu interpretazzjoni soda u anki kommoventi, xorta waħda dawn qishom pupazzi f'idejn l-immanipular tal-irġiel tal-qrati tagħhom li jikkonfoffaw bejniethom. Film ikkulurit b'kostumi mill-aqwa, mużika evokattiva, imma nieqes mid-drammatiċità u t-tensjoni. Xorta waħda jgħaddi tajjeb ferm għal dawk kollha li jħobbu jew jistudjaw l-istorja.

Beautiful Boy

Atturi Ewlenin: Steve Carell; Timothee' Chalamet; Maura Tierney; Amy Ryan; Timothy Hutton.

Direttur: Felix von Groeningen.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 120 min.

Ċert. 15.

Id-dipendenza fuq id-drogi hija vizzju ikrah u perikuluż - vizzju li jaħkmek bħal morsa, diffiċli li tinħall minnu. Ibbażat minn fuq ġrajjiet veru mill-kotba ta' David Sheff (il-missier tal-film), Beautiful Boy: A Father's Journey

Through His Son's Addiction u Tweak: Growing Up On Methamphetamines , Beautiful Boy jirrakkonta kif id-dipendenza totali ta' tinager għad-drogi tolqot lill-familja tiegħu, speċjalment lil missieru li ma jkunx jista' jsib tarf jew ikun kapaċi kif se jirreaġixxi. Nicolas Sheff (Chalamet), ġuvni ta' 18-il sena kien student tassew intelliġenti u attiv ħafna fl-iskola li jattendi, fejn kien l-editur tal-gazzetta t'hemm, jieħu parti fir-reċti u membru tat-tim tal-waterpolo. Kien ilu madwar sitt snin jesperimenta fid-drogi, sakemm fl-aħħar sar totalment dipendenti fuqhom. Beautiful Boy , b'mod tassew kommoventi u emozzjonanti juri minn xiex għaddiet il-familja tiegħu minħabba l-isforzi falluti u kontinwi tiegħu li jipprova jaqta' minn dan il-vizzju u pront jerġa' jaqa' b'riżultati kważi fatali. Dan ix-xogħol hu verament topiku u qatt ma' jaqa' fil-ħamallaġni, però juri l-mizerja li waqgħet fuq David (Carell), il-missier minħabba li ibnu jwiegħed li se jibdel ħajtu u jerġa' jirrepeti l-vizzji, jisparixxi għal xi jiem mid-dar u jinvolvi serjament lill-ħabiba tiegħu. Id-direttur Belġjan Felix von Groeningen li tiegħu jien kont ammirajt ħafna l-film The Broken Circle Countdown , hawn jerġa' juri ħila b'andament impressjonanti, qatt ma jesaġera, mimli flashbacks tar-relazzjoni bejn il-missier u t-tifel. Timothee' Chalamet, ta' karattru ġenjali u ħelu hu naturali bħala l-miskin, kif ukoll Steve Carell, li ssoltu rajnieh f'kummiedji leġġeri, iżda minn Foxcatcher (tassew brillanti bħala il-kattiv serjissimu nevrotiku) 'l hawn qed juri stoffa f'partijiet serji. Luke Davies, li qabel ukoll kien dipendenti fuq id-drogi, kiteb dan il-manuskritt.

Second Act.

Atturi Ewlenin: Jennifer Lopez; Vanessa Hudgens; Milo Ventimiglia; Leah Remini; Timothy Hutton.

Direttur: Peter Segal.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 104 min.

Ċert. 12A

 Second Act hu proġett immirat strettament għall-personalità grazzjuża ta' Jennifer Lopez. Hi tinterpreta l-parti ta' Maya Vargas li taħdem f'ħanut fi Queens, New York, f'dawn l-aħħar ftit snin bħala assistenta maniġer. Ta' 43 sena, b'paga baxxa trid issa ssib impieg aħjar. Minkejja li m'għandhiex kredenzjali x'turi, taf kif tmur mal-parruċċani, tisma' bis-sabar l-ilmenti tagħhom u tirreagixxi skont dawn. Imdejqa meta tkun imwarrba għall-promozzjoni Maya, biex taġevola l-karriera tagħha, tapplika għand ditta privata, Franklin & Clarke F.Manhattan, li jinnegozjaw fi prodotti għall-konsumaturi, speċjalment dawk li jużaw in-nisa. B'daqsxejn ftaħir tgħaddi mill-intervista permezz ta' kredenzjali foloz maħluqa fuq il-kompjuter mill-filjozz tagħha. Hi tkun kunfidenti li kapaċi għal dan ix-xogħol għalkemm ġo fiha tħossha mhix sigura. F'dan ix-xogħol ġdid, tiġi f'rivalità ma' grupp ieħor tal-istess stabbiliment dwar ta' min hu l-aħjar prodott u Maya tkun kunfidenti li t-tim tagħha se jirnexxi. Issa li telgħet 'il fuq fl-iskala soċjali, tħoss li qed titbiegħed mill-ħbieb antiki tagħha. Hawn issib ruħha bejn ħaltejn u ma tkunx taf x'se tagħmel. Second Act hija kummiedja romantika fjakka, repetuta li tenfasizza fuq il-ħlewwa ta' J. Lo dejjem attraenti fl-ilbies li xxidd u l-istili ta' xagħar li tħaddan. Dan il-film hu mimli b'karattri, speċjalment nisa, li għal kull xejn iħaddnu lil xulxin.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook