Tliet films ġodda fis-swali taċ-ċinema; Wieħed minnhom se jfakkrek fi tfulitek

Tliet films ġodda fis-swali taċ-ċinema fosthom jirritornaw Stan u Ollie

Stan & Ollie

Atturi Ewlenin: Steve Coogan; John C. Reilly; Shirley Henderson; Danny Huston; Nina Arianda; Rufus Jones.

Direttur: Jon S. Baird.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 97 min.

Ċert. U

Iċ-ċinema mutu kien żmien tad-deheb għal dan id-divertiment għax ipprovda diversi kummidjanti fini ta' eċċellenza fosthom, fuq quddiem nett, Charles Chaplin. Bla dubju ta' xejn, l-aktar par magħruf u rinomat kienu Laurel u Hardy, li konna nsibuhom bħala l-Oħxon u l-Irqiq. Dawn komplew ikabbru l-popolarità tagħhom anki meta l-films bdew jitkellmu. Fl-1937 dan id-duo ċelebri laħqu l-quċċata tal-popolarità tagħhom, maħbubin kemm mill-pubbliku u stmati mill-kritiċi.  Stan & Ollie jibda propju f'din is-sena, però malajr jaqleb għal 16-il sena wara, fl-1953, meta l-fama tagħhom, issa li kibru sew, bdiet tmajna. Infatti, dan ix-xogħol jibbaża fuq il-mawra li Stan Laurel (Coogan) u Oliver Hardy (Reilly) għamlu madwar ir-Renju Unit u l-Irlanda. Bi screen play meħuda mill-ktieb ta' A. J. Marriott Laurel & Hardy: The British Tour , naraw lil dan il-par qed jiffaċċjaw futur inċert, il-glorja ta' qabel sparrixxiet, is-saħħa ta' Oliver dejjem sejra lura tant li l-ħbiberija tagħhom bdiet tinkiser. Fil-ġiri tagħhom mal-pajjiż, l-attendenzi fit-teatri ma jkunux inkoraġġanti għalkemm xorta waħda kien għadhom kapaċi jiddevertu lill-pubbliku u lil xulxin. F'dawn id-diffikultajiet kollha dejjem jippruvaw jistinkaw biex juru kemm l-unjoni twila u dewwiema tagħhom tista' tkompli tfisser. Minkejja li ħadd ma' jista' jimita l-kapaċità fina tax-xogħol tagħhom, Stan & Ollie hi produzzjoni ta' livell biż-żewġ protagonisti jagħmlu ħilithom kollha biex jimitaw mill-aħjar il-mossi ġentili u farseski tagħhom u b'John C. Reilly bħala l-Oħxon fit-tarf ta' ħajtu jispikka xi daqsxejn iżjed. Is-sekwenza ta' meta Stan Laurel barra, quddiem ċinema b'ħarsa geluza lejn kartellun taż-żewġ kummidjanti tassew popolari f'dak iż-żmien - Bud Abbott u Lou Costello - verament tidħol fil-qalb b'sintomiji ta' nostalġija palpabbli. Laurel & Hardy, aktar minn 50 sena wara mewthom tant għadhom popolari li ħafna mill-films tagħhom ingħataw il-kulur. Huma ħadmu 'l fuq minn 107 films, 32 qosra muti, 40 qosra jitkellmu, 23 produzzjonijiet normali u anki dehru f'partiċelli fi 12 xogħlijiet oħra.

Welcome to Marwen.

Atturi Ewlenin: Steve Carell; Leslie Mann; Diane Kruger; Merritt Wever; Janelle Monae.

Dirrettur: Robert Zemeckis.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 119 min.

 Ċert. 12 A

Mark Hogancamp kien persuna unika, baħbuħ, moħħu mimli fantasija u amki fotografu. Taħt id-direzzjoni ta' Robert Zemeckis, li tana films dwar eroj komuni u rimarkabbli, f' Welcome To Marwen pinġa quddiemna l-istorja vera ta' eroj ġdid kif ukoll differenti minn kull wieħed li nafu bih qabel. Mark Hogancamp (Carell), li joqgħod f'belt żgħira, subborg ta' Upstate New York, kien iħobb jixrob u darba minnhom qala' xebgħa nobis tant li marritlu l-memorja, waqa' f'koma għal disat ijiem u ħadd ma stenna li se jirpilja. Bi tbatija beda jiftakar episodji minn ħajtu tal-passat u jabbinaha ma' dik tal-preżent, fejn beda jikkrea belt mitika Belġjana jisimha Marwen. Hawn assuma l-irwol ta' Captain Hogie, pilota ġellied tat-Tieni Ġerra Dinjija li jikkraxxja bl-ajruplan tiegħu. F'dan il-post Mark hu eroj li jiġġieled man-Nazzisti u jiddependi minn ħbiebu. Fil-belt żgħira ta' Marwen li benieha fil-bitħa tiegħu beda jpoġġi pupi barbie u figuri oħra li xtara mingħand Roberta (Wever), ħabiba ta' qalb tajba li taħdem fil-ħanut ta' dawn il-mudelli u affarijiet oħrajn tal-passatempi. Nicol (Mann) ġara ġdida tiegħu wkoll issir midħla leali tiegħu. Fil-fantasija ta' moħħu, dawn il-figorini verament jieħdu l-ħajja u jsiru jixbhu lil ħbiebu fil-ħajja reali. Dan il-passatemp tiegħu, kif ukoll il-fissazzjoni li jilbes skarpini tan-nisa, il-kaġun ewlieni li ġie msawwat, tawh il-kuraġġ li jerġa' jiffaċċja l-ħajja bħala bniedem normali. Id-dipressjoni u l-biża' li kellu fuqu qabel, jerġgħu jaħkmuh meta jkun mitlub biex jikteb dwar l-impatt li sofra mill-attakkanti tiegħu għall-ġuri fil-qorti. Welcome to Marwen, b'xi mod jesprimi l-ideat tad-direttur dwar tipi strambi ta' eroj bħal dawk maħduma minn Tom Hanks f' Forrest Gump u Cast Away , però hawn b'inqas enfasi, b'mod mhux daqshekk koerenti, imma xorta viżwalment b'manjiera ħelwa u affaxxinanti.

The Favourite

Atturi Ewlenin: Olivia Colman; Emma Stone; Rachel Weisz; Nicolas Hoult; Joe Alwyn.

Direttur: Yorgo Lanthimos.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 120 min.

Ċert. 15

Id-direttur Grieg Yorgos Lanthimos iħobb jagħżel xogħlijiet letterarji ta' natura ambigwa li jappellaw biss għal sezzjoni magħżula ta' cineasti, films li jew jogħġbuk jew le, m'hemmx triq tan-nofs. L-aħħar film tiegħu, The Favourite, hu ħafna aktar aċċessibbli għal numru akbar ta' spettaturi minkejja wkoll xi eċċentriċitajiet li fih. Din il-produzzjoni drammatika, storika, bi ħjiel ta' kummiedja li sseħħ fl-Ingliterra fi żmien ir-renju tar-Regina Anne, fil-bidu tas-seklu 18 meta dan il-pajjiż kien fi gwerra ma' Franza. Queen Anne (Colman) tinsab kważi indisposta tbati mill-gotta, ħsiebha biss biex ittellaq il-papri u tilgħab mal-ħafna fniek li żżomm ħdejha, mingħajr l-iċken kas tal-gwerra. Lady Sarah Churchill (Weisz) qed tiggverna minn flokha u fl-istess ħin tikkuraha, taljenaha u sserviha f'dak kollu li tbewwel f'moħħha, billi r-reġina kienet tbati bil-burdati li jinbidlu daqs pinnur. Kollox se jitbiddel meta fil-palazz tasal Abigail Masham (Stone), serva ġdida, ambizzjuża li jirnexxilha bi ħlewwa takkwista l-post ta' ħabiba intima mar-Reġina. Naturalment, bejn Sarah u Abigail tinbet rivalità u għira gwappa li anki tista' tispiċċa fi traġedja. Abigail, kollha kliem ħelu u ġentilezza, turi l-lat oskur tagħha meta mhu se tħalli lil ħadd jisirqilha l-post tal-favorita tar-renjanta billi sserviha fedelment f'kull oġġett li tixtieq anki f'azzjonijiet intimi. The Favourite juri li anki fl-aristokrazija r-reazzjoni tal-bniedem għall-post ta' poter baqgħet l-istess. Din il-produzzjoni tassew teċċella viżwalment, l-aktar fil-palazzi lussużi u opulenti bil-ġonna kkultivati magħhom u fl-istramberiji ta' persuni tal-klassi għolja, lebsin parrokki b'xagħar twil innokklat, uċuħ b'ħafna rtokk u terra u passatempi stupidi anki wkoll spinti. Din is-sitwazzjoni li wkoll kienet teżisti fi Franza, tbiddlet radikalment grazzi għar-Rivoluzzjoni Franċiża. Id-direttur wera kapaċità fl-għażla tal-mużika klassika li tinstema' daqs is-superjuri Stanley Kubrick

More in Divertiment