Tliet films ġodda fis-swali taċ-ċinema

Għad-dilettanti tal-films is-swali taċ-ċinema qed joffru tliet films ġodda

The Predator

Atturi Ewlenin: Boyd Holbrook; Trevante Rhodes; Keegan-Michael Key; Olivia Munn; Jacob Tremblay.

Direttur: Sħane Black.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 107 min.

Ċert. 15

Is-serje Predator , films tax-xjenza fittizja b'esseru kaċċatur potenti li joqtol bla ħniena, bdiet fl-1987, b'dak klassiku dirett minn John McTiernan. Minn dak iż-żmien 'l hawn, b'xi sikwels, reboots u xogħlijiet imħalltin ma' karattri esseri aljeni oħrajn minn diversi films, din is-sensiela waslet fis-sitt episodju tagħha. Waqt li l-film oriġinali jibqa', bla dubbju ta' xejn l-aħjar, The Predator il-ġdid, b'teknoloġija ultra-moderna jippreżentalna esseru tal-biża', entità kważi imbattibli. L-aktar qalil minnhom ilkoll li joqtol għall-gost. B'koinċidenza, din il-produzzjoni hi diretta minn Shane Black, li kien wieħed mill-atturi tal-film ta' 31 sena ilu. Meta tfajjel żgħir (Tremblay), timidu u xipli, li hu l-mira tal-bulijiet tal-iskola aċċidentalment jibgħat messaġġ li jasal fil-wesgħat profondi u mbegħdin tal-ispazju, l-aktar kaċċaturi qliel tal-univers jaslu f'belt rurali, fil-foresti ta' Georgia t'Isfel. Dawn il-ħlejjaq issa huma aktar qawwija u intelliġenti mill-oħrajn kollha ta' qabel, billi ġenetikament assorbew DNA minn speċi oħrajn. L-uniċi umani li se jiffaċċjawhom huma grupp ta' eks suldati mhux ta' stoffa, wieħed minnhom missier it-tifel, u professur tal-bijoloġija li xogħolhom hu li jsalvaw ir-razza umana. The Predator hu film mexxej ħafna, mimli mwiet imdemmija, bi djalogu sarkastiku. Billi dan jiffoka fuq tliet stejjer alternattivi li b'xi mod jintegraw ma' xulxin, l-andament mhux wieħed li jżommok iffukat kontinwament. Però, fih sekwenzi mxerrdin matulu, fosthom il-ftuħ fil-foresta, li jikkumplimentaw lill-film tal-1987.

Slender Man

Atturi Ewlenin: Joey King; Julia Goldani Telles; Jazz Sinclair; Annalise Basso; Alex Fitzalan; Javier Botet.

Direttur: Sylvain White.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 93 min.

Ċert: 15.

 Slender Man hu film ieħor tal-biża' u s-sopranaturali dwar leġġenda ta' raġel twil u rqiq, speċi ta' figura fantażma li wiċċu qatt ma jidher u li hu assoċjat mal-għibien ta' diversi nies, l-aktar tfal, f'subborgi iżolati jew postijiet ħdejn foresta. F'belt żgħira ta' Massachusetts, erba' tfajliet ħbieb, Wren (King), Hailie (Goldani Telles), Chloe (Sinclair) u Katie (Basso) minn fuq l-internet isejħu l-misterjuż Slender Man. Ġimgħa wara, Katie tisparixxi u sħabha jmorru ġo darha jfittxu għal xi ħjiel. Huma kienu għamlu hekk fuq talba tagħha, billi Katie bdiet tbagħbas fl-okkult u xtaqet li din il-fantażma teħodha. Minn hawn ’il quddiem, l-eżistenza ta' dawn it-tlitt iħbieb tinqaleb ta' taħt fuq b'ħolm ikrah ta' twerwir, xi attakk ta' paniku u b'din il-kreatura ta' jdejn twal issus warajhom bla ħniena ma' kullimkien. Bħal ma f'The Ring il-VHS (Video) kien l-apparat li qajjem biża' tremend, hawn il-You Tube hu l-mezz li entità kerha tal-leġġendi terġa' tieħu l-ħajja. Waqt li l-atmosfera u l-ambjent li jikkrea Slender man huma effettivi u jqanqlu sens ta' apprensjoni, l-istorja dwar din il-leġġenda urbana tikkonsisti l-aktar fuq ħolm ikrah u andament mhux sodisfaċenti, pjuttost konfuż u inkonsistenti.

The Happytime Murders

Atturi Ewlenin: Melissa McCarthy; Maya Rudolph; Joel McHale; Elizabeth Banks.

Vuċijiet tal-Pupazzi: Bill Barretta; Dorien Davies; Kevin Clash; Drew Massey.

Direttur: Brian Henson.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 91 min.

Ċert.: 15

Il-pupazzi ta' Jim Henson Company, speċjalment The Muppets, għal żmien twil fil-passat taw ħafna gost lit-tfal. Mal-120 minnhom qed jidhru f'The Happytime Murders parodija b'ħafna mumenti tajbin tal-ġeneru noir (tad-ditectives) ġo produzzjoni li żgur mhix addattata għat-tfal. F'Los Angeles, l-umani u l-pupazzi jgħixu flimkien, iżda m'hemmx armonija bejniethom. L-umani jistmawhom bħala ċittadini baxxi, għalkemm lil dawn issibhom f'kull kwalità ta' impjieg u anki mdaħħlin fil-vizzji ta' din il-belt. Phil Phillips (vuċi ta' Barretta) kien ditective tal-Los Angeles Police Corps, però tkeċċa wara li nqatel pupazz innoċenti. Issa qed jaħdem bħala nvestigatur privat u jkun iffaċċjat mill-misterjuża Sandra (vuċi ta' Davies), klijenta tiegħu li qed tkun imminaccjata (eku ta' Humphrey Bogart u Mary Astor fil-klassiku The Maltese Falcon , 1941). Hu jingħaqad ma' Connie Edwards (McCarthy), id-ditective umana sieħba tiegħu ta' qabel. Dawn it-tnejn, ta' karattri opposti, sikwit jillitikaw u anki jiġu fl-idejn. Ħafna pupazzi, membri ta' The Happytime Gang qed jinqatlu u dawn it-tnejn jiddeffsu bejn il-basla u qoxritha. The Happytime Murders hi kummiedja oskura, mimlija kliem vulgari, xi mumenti banali ta' sess, iżda bi djalogu kultant tassew umoristiku. Melissa McCarthy li drajnieha bħala waħda furjuża, bil-kliem ħiereġ minn ħalqha qishom balal minn pistola, hawn ma bidlet xejn mill-istil karatteristiku tagħha u anki teħodha bil-goff kemm mal-pupazzi u kemm mal-korp tal-pulizija sħabha!

More in Divertiment