Erba' films ġodda fis-swali taċ-ċinema

Erba' films ġodda, wieħed minnhom dwar il-Papa Franġisku

Pope Francis: A Man of His Word.

Diretturi: Wim Wenders u David Rosier.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 92 min.

Ċert. U

F'dawn l-aħħar ħamsin sena jew ftit aktar, il-Knisja Kattolika eliġġiet diversi Papiet li verament ġabu progress biex din l-istituzzjoni universali tagħraf timxi maż-żmenijiet. L-aqwa fost dawn kienu l-Papa Ġwanni XXIII, il-Papa Ġwann Pawlu II u r-renjant preżenti tad-djoċesi ta' Ruma u anki d-dinja, il-Papa Franġisku. Kien nhar it-13 ta' Marzu 2013, il-ġurnata li fiha l-Kardinal ta' Buenos Aires, l-Arġentin Jorge Mario Bergoglio sar il-266 Isqof tal-Knisja Kattolika. Dan kien l-ewwel Papa mill-kontinenti Amerikani, l-ewwel mill-emisfera tan-Nofsinhar, l-ewwel Isqof Ġiżwita ta' Ruma, u l-ewwel Papa li ħaddan l-isem ta' Franġisku. San Franġisk t'Assisi (1181 - 1226) kien wieħed mill-aktar qaddisin maħbuba tal-knisja, riformist u revoluzzjonarju li ddedika ħajtu għall-fqar, iħobb ħafna n-natura u kull ħlieqa li hawn, u b'hekk hu l-favorit nett ta' dan il-Papa. Pope Francis: A Man Of His Word, tar-rinomat direttur Wim Wenders, hu strutturat minn erba' laqgħat u intervisti li kellu mal-Papa Bergoglio matul medda ta' sentejn, fejn kien ipprivileġġjat b'aċċess kontinwu għall-arkivji tal-Vatikan u b'ebda ndħil fil-proġett tiegħu. Aktar minn dokumentarju, din il-produzzjoni tesibixxi vjaġġ personali ta' dan il-kap spiritwali, jdur madwar id-dinja, jitħallat mal-kbarat, man-nies ordinarji, mal-morda, mal-anzjani, mat-tfal u saħansitra mal-ħabsin. F'dan it-traġitt tiegħu, Papa Bergoglio, b'kuraġġ kbir jirrispondi bla tlaqliq għall-mistoqsijiet jaħarqu dwar l-omosesswali, dwar qassisin u isqfijiet involuti fil-pedofilja u dwar il-ħniena bla limiti t'Alla ma' kriminali ta' reati qawwija. Fl-ispirtu ta' San Franġisk, dan il-kap innovattiv tassew ħalla l-lussu warajh, idur mal-pajjiżi f'karozza komuni miftuħa, jieħu b'id lil kulħadd, imelles lit-trabi u lit-tfal morda u bħal Ġesù anki jaħsel saqajn tal-kalzrati, foqra, eċċ. Ħabib ma' kulħadd u anki ma' dawk ta' reliġjonijiet differenti, il-Papa hu inkwetat ħafna bil-gwerer li hawn fid-dinja, bit-tiġrija u n-negozju tal-armi nukleari u bit-traskuraġni fl-ambjent. Pope Francis: A Man Of His Word carament juri kemm nies ta' kulturi, reliġjonjijiet u sfond soċjali divers tassew jafdaw fih b'fiduċja qawwija. Dan hu bniedem li jdejh dejjem miftuħin għal kulħadd, maħbub minn miljuni kbar, li b'umiltà sottomessa tassew qed jimxi fuq il-passi ta' San Franġisk. Il-film hu xogħol sublimi, proġett ta' mħabba lejn persuna kariżmatika u altruwista minn direttur li għall-bosta snin ilu jammirah!

The Spy Who Dumped Me

Atturi Ewlenin: Mila Kunis; Kate McKinnon; Justin Theroux; Gillian Armstrong; Hasan Minhaj.

Direttrici: Susannah Fogel.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 116 min.

Ċert. 15

Meta fis-snin sittin il-films tal-ispiji, mibdija tant tajjeb b'dawk ta' Sean Connery bħala James Bond, affaxxinaw lill-pubbliku, warajhom bdew ġejjin produzzjonijet tal-istess ġeneru forma ta' satira jew kummiedja gwappa. The Spy Who Dumped Me hu wieħed minn dawn tal-aħħar, kummiedja bla brejkijiet mimlija azzjoni. Billi dan il-film hu dirett minn mara, Susanna Fogel, mhix sorpriża li ż-żewġ protagonisti huma nisa wkoll. Il-ħbieb tal-qalb, Audrey (Kunis) u Morgan (McKinnon) li għandhom aktar minn tletin sena, mingħajr ma jridu jsibu ruħhom involuti f'komplott internazzjonali meta l-eks ħabib ta' Audrey, spija tas-CIA, jiġi fl-appartament tagħhom b'ċorma assassini jsusu warajh. In-nisa wkoll isiru l-mira ta' dawn il-kriminali u jkollhom jaħarbu lejn diversi bliet fl-Ewropa fejn hemm jiġri warajhom ukoll aġent suspettuż u attraenti Brittaniku. The Spy Who Dumped Me, jista' jitqies bħala farsa sħiħa, b'azzjoni kontinwa, sparar ta' spiss, katavri ma' kullimkien u xi salvazzjoni minn ħalq il-mewt. Waqt li r-rispons bejn iż-żewġ protagonisti mhux dejjem kredibbli, Kate McKinnon, li hawn għandha l-isem ta' Morgan Freeman, , u li sikwit tippanikkja u tagħmel xi xenata nfantili, tissupera lil Mila Kunis, attriċi aktar stabbilita. Dan ix-xogħol għandu ħjiel tal-kummiedji sfrenati ta' żmien iċ-ċinema mutu, iżda wieħed mhux dejjem ikun deċiż jekk jieħux lil dan il-film bħala farsa jew xogħol serju. Però, kull min irid jgħaddi sagħtejn ta' divertiment mingħajr ħsieb ta' xejn, dan tassew jgħodd għalih.

Sgt. Stubby: An Unlikely Hero

Vuċijiet Ewlenin: Logan Lerman; Helena Bonham Carter; Gerard Depardieu.

Direttur: Richard Lanni.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul; 84 min.

Ċert. P.G.

Il-film animat ambjentat fix-xenarju ta' ftit qabel meta l-Amerika daħlet fl-Ewwel Gwerra Dinjija, Sgt. Stubby: An Unlikely Hero , hu bbażat minn fuq storja vera, tassew ġenjali li kważi ma titwemminx. It-tema prinċipali ta' din il-produzzjoni hi dwar ir-rabta ġenwina u dejjiema bejn kelb b'denb qasir mitluq barra u suldat żagħżugħ. Il-ħajja ta' Robert Conroy (vuċi ta' Lerman) titbiddel radikalment meta kelb żgħir jidħol fil-kamp militari ta' taħriġ għall-kadetti fi New Haven, Connecticut. Meta dan jitimgħu, jindukrah, issemmih Stubby u jieħdu miegħu fit-trunċieri umdin tal-ġlied fi Franza, dan l-annimal gustuż u intelliġenti jirnexxielu jżomm it-trinek meħlusa mill-ġrieden, jallarma lis-suldati meta jkun ġej xi attakk, iġorr lil dawk feruti lejn il-post tagħhom u anki jaqbad spija Ġermaniż liebes maskra tal-gass. Wara l-gwerra, lura fl-Istati Uniti, l-gazzetti kollha jxandru l-bravuri tiegħu fil-paġni ta' quddiem u anki jirbaħ il-qalb ta' miljuni ta' ċittadini. Ta' dan kollu, Stubby jkun promoss għall-kariga ta' surġent tal-armata Amerikana u jispiċċa l-aktar annimal eroj iddekorat fid-dinja. Sgt. Stubby: An Unlikely Hero , barra li jipprovdi divertiment stupend lill-familja kollha, jiżvolġi b'manjiera tant imħarrka u eċitanti li żgur se jiggosta anki lil ħafna adulti u lil dawk li, naturalment, iħobbu l-annimali. Oħt Robert, Margaret (Bonham Carter) hi n-narratura ta' dan il-film.

The More You Ignore Me

Atturi Ewlenin: Sherida Smith; Mark Addy; Ella Hunt; Sally Phillips; Jo Brand; Sheila Hancock; Ricky Tomlinson.

Direttur: Keith English.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 94 min.

Ċert. 15

 The More You Ignore Me hija kummiedja umoristika, b'atmosfera oskura dwar familja Ingliża li mhux tiffunzjona fil-bidu tas-snin tmenin f'belt żgħira fil-kampanja. Din l-istorja kitbitha Jo Brand, li wkoll taħdem fil-film u billi fl-1988 kienet taħdem bħala infirmiera psikjatrika, jidher ovvju li aktarx ibbażata b'xi mod minn fuq il-memorji tagħha. Fiċ-ċentru tal-istorja nsibu lil Gina (Sheridan) li tixtieq tkun omm ħanina u mara li tħobb lil żewġha, Keith (Addy), imma l-isforzi tagħha dejjem jispiċċaw f'xenati gwappi u inċidenti farseski minħabba li qed tmur minn moħħha. Tassew qiegħda tiffissa fuq dak li jħabbar it-temp fuq it-TV, waqt li Alice (Hunt), it-tifla tagħha qed issibha diffiċli tikkomformi magħha. Bħal ħafna kummiedji Brittanici, din il-produzzjoni hija mimlija karattri eċċentrici iżda li wieħed jieħu grazzja magħhom malajr. The More You Ignore Me hu direġut minn Keith English fid-debut tiegħu għaċ-ċinema però rebbieħ ta' diversi unuri fl-isfera ta' xogħlijiet kummerċjali internazzjonali. Fl-età ta' meta kien fl-għoxrinijiet, għamel ħoss bħala editur ta' trailers ta' films ta' diretturi rinomati.

More in Divertiment