Id-dilettanti tan-nar Melliħin isibu alternattiva għall-ispettaklu ta' lejlet il-Vitorja

...l-ispettaklu piromużikali se jkun qed isir xorta waħda mill-pjazza tal-parroċċa

Id-dilettanti tal-Għaqda tan-Nar Marija Bambina tal-Mellieħa ħabbru li l-ispettaklu tal-logħob tan-nar mal-mużika se jkun qed isir xorta waħda lejliet il-festa tal-Vitorja.

Fl-aħħar jiem, id-dilettanti rnexxielhom isibu alternattiva oħra wara li l-Kurja baqgħet ma aċċettatx li l-ispettaklu jsir minn fuq il-knisja, kif dejjem sar għal dawn l-aħħar 13-il sena.

Kienet il-gazzetta ILLUM li ġimgħatejn ilu ppubblikat rapport li kien tħejja minn perit u pirotekniku u li kkonkluda li l-ispettaklu tal-logħob tan-nar qatt ma għamel ħsara lill-faċċata tal-knisja.

Minkejja li dan ir-rapport tħejja wara laqgħa li saret mal-Kurja, id-dilettanti qatt aktar ma semgħu xejn dwaru, minkejja li kien twassal f'idejn l-awtoritajiet ekkleżjastiċi.

Minflok il-kurja infurmathom li se tkun qed iżżomm mal-policy antika tagħha, li ma jistax jinħaraq logħob tan-nar minn fuq proprjetajiet tagħha, liema policy ġiet infurzata biss minn din is-sena.

More in Divertiment