Rakkont | Priġuniera perikoluża

X'għamel Carmel meta fuq ir-radju sema' dwar il-priġuniera perikoluża...

Sajjetta.

Xita.

Carmel qam jiġri minn fuq il-blata, ġibed il-qażba tas-sajd lejh u beda jżarmaha kemm jista’ jkun malajr.

Kien beda jidlam. Is-sħab griż kien ħa parti kbira mis-sema li sa ftit ilu kienet kaħlanija u mimlija xemx. Din ix-xitwa kien qed jagħmel maltempata agħar minn oħra! U hu, hu kien fettillu jmur jistad! Lanqas l-inċirata tax-xita ma kien ġab miegħu ħalli jistkenn.

Daħħal kollox ġol-barmil, bis-sunnara għadha mħabbla mal-ħabel u telaq jiġri kemm jiflaħ lejn il-kamra li kellu fil-qrib.

Kienet kamra li kien wiret mingħand zijuh, u għalih kienet il-ġenna tal-art.

Kamra żgħira f’nofs l-għelieqi, qrib il-bajja. Xejn kbir, imma hu kien ħa ħsieb jirranġaha u jagħmilha moderna. Kien irranġalha kollox hu, għax idejh kienu jinqalgħu biex jagħmlu kollox. Kaħħalha, għamlilha l-madum ġdid, saqaf sod, żewġ twieqi kbar moderni, sodda u tapit. Kien saħansitra ħaseb biex jagħmlilha kċina żgħira u għalaq kantuniera minnha għal bżonnijiet personali tiegħu. U erħilu jqatta’ ġranet sħaħ hawn, daqqa mal-ħbieb jew waħdu, jistad u jsajjar il-ħut li kien jaqbad.

X’ried iżjed mid-dinja?

Imma dakinhar kien qam maltemp ta’ vera. Ir-riħ kien qabad ivenven madwar il-kamra u hekk malli daħal ġo fiha u għalaq il-bieb warajh, beda jisma’ l-ħsejjes strambi tax-xita, il-baħar fil-qrib u r-riħ f’sinfonija waħda.

Carmel mar iħaffef lejn il-fuklar, daħħal xi injam niexef li kien hemm ġewwa u qabbdu. Resaq qrib in-nar, ħalli xagħru u ħwejġu jilħqu jinxfu ftit u jħossu aktar komdu.

U dak il-ħin sema’ taħbita mal-bieb.

Għal mument ħaseb li kien xi zokk ta’ siġra ħabat mal-bieb bir-riħ li kien qed iżid bil-minuti.

Waqqaf widnejh, zekzek xufftejh u kompla jogħrok idejh ma’ xulxin qrib is-sħana pprovduta mill-fuklar.

Iżda reġa’ semgħu.

Taħbita oħra. Aktar qawwija.

Tgħid kien hemm xi ħadd kellu bżonn l-għajnuna?

U bla ma qagħad jaħsibha, Carmel resaq iħaffef lejn il-bieb u fetħu.

U raha.

Mara. Kienet qiegħda hemm, imkebba b’idejha t-tnejn madwar sidirha, iżżomm lilha nnifisha f’qagħda ta’ waħda li kellha bżonn l-għajnuna. Xagħarha kien għasra u wiċċha mxarrab kollu.

“Jekk jogħġbok...nista’ nistkenn ftit? Inqbadt fix-xita!” qaltlu b’mod urġenti.

Mingħajr ma ħasibha darbtejn, għalkemm ma kienx jafha, ġibidha 'l ġewwa u għalaq il-bieb warajh.

“Idħol! Idħol!” qalilha.

“Grazzi ħafna!” weġbitu.

U wara ftit ħin, bdiet tħossha komda. Daħlet fil-kamra ċ-ċkejkna tal-kantuniera, ħadet doċċa ħafifa waqt li Carmel poġġielha ħwejjiġha qrib il-fuklar ħalli jinxfu.

“Ngħidlek li għandha lejl sħiħ traxxax!” qalilha Carmel, iħares barra mit-tieqa kbira li kien hemm faċċata ta’ għalqa minnhom. Barra kien mimli ilmijiet. U r-riħ kien qed iżid bil-minuti.

“Imnalla sibt lilek,” qaltlu dik il-mara bi tbissima fuq fommha.

Għalkemm Carmel ma kienx jafha, kien qed jieħu gost li seta’ jgħinha. Kienet ħelwa, eżatt kif kien iħobbhom hu, xagħarha twil kannella u wiċċ tal-pupi.

“Jekk trid tista’ torqod hawn,” qalilha.

“U int?” staqsietu ddawwar rasha madwar il-kamra.

“U jien! Jien imdorri. Norqod fuq it-tapit, mhux xorta! Tgħid mhux se nħallik titlaq f’dan it-temp?” u kixfilha snienu fi tbissima.

“Napprezza,” qaltlu. “Jien jisimni Donna. U m'iniex minn dawn l-inħawi.”

Xagħarha nixef u għamlu xi sagħtejn sħaħ jitkellmu. Vera kien qed jieħu gost jitkellem magħha. Imma mara bħal dik setgħet xi darba tinġibed lejn raġel bħalu?

U wara li qagħdet xi ħin tħares barra mit-tieqa, tifli x-xita u l-maltemp, daħlet fis-sodda.

U Carmel ħareġ kutra għalih u poġġiha mal-art.

Wara ftit ħin, Donna kienet qiegħda għall-irdoss fis-sodda komda tiegħu, b’ħalqha mbexxaq, donnha f’raqda fonda.

Iżda hu, hu kien qed iħoss il-madum iebes minn taħt it-tapit u l-kutra dieħel ġo dahru u beda jisħet il-mument li ma kienx ħaseb għal sodda ikbar.

“Jekk tgħabbi xi waħda, ma jkollokx fejn traqqadha!” kien qallu darba sieħbu Clive li kultant kienu jiġu jistadu flimkien.

“U mela waħda ser inġibha hawn! Neħodha f’lukanda ta' ħames stilel!” kien wieġbu biċ-ċajt.

Imma oħroġ il-għaġeb, dak il-ħin beda jaħseb li aħjar kien sema’ minn sieħbu u poġġa sodda akbar.

Resaq lejn ir-radju li kellu hemm fil-kamra u xegħlu. Ma setax jorqod u kien qed jiddejjaq hekk. Barra kien ċappa dlam u Donna kienet rieqda bil-ħsejjes ta’ nifisha jinstemgħu jidwu fil-kmajra.

Qagħad bilqiegħda fuq ħoġor it-tieqa u beda jisma’ d-diski klassiċi għaddejjin. Iżda f’waqt minnhom, kien hemm interruzzjoni u l-mużika waqfet. Minflok, instema’ leħen femminili, jitkellem b’mod urġenti.

“Aħbar ta’ interruzzjoni...aħbar urġenti...nixtiequ ninfurmaw lis-semmiegħa tagħna li għadha kemm ħarbet priġuniera perikoluża mill-ħabs.”

Carmel fetaħ għajnejh beraħ. Dak il-ħin, ir-radju beda jħaxwex u mar iħaffef jirranġa l-antenna ħalli jisma’ sew.

“Il-mara jisimha Veronica Said, mara twila, ta’ statura rqiqa, għandha xagħarha twil, kannella u wiċċha sabiħ. Taf ħafna x’għandha tagħmel biex taħrab il-ġustizzja. Minn informazzjoni li ksibna, s’issa diġa infurmati li qatlet xi erbat irġiel li sabet fi triqitha. Taf tkun liebsa l-ġagaga tal-ħabs bluna. Min għandu xi informazzjoni...” reġa’ beda jtextex. “Perikoluża.”

Carmel tkexkex.

Malajr kemm jista’ jkun tefa’ r-radju u xegħel it-torċ li kellu fuq xkaffa minnhom. Beda jirtogħod. Ressaq it-torċ lejn Donna li kienet għadha rieqda fis-sodda.

Tgħid kienet hi? Tgħid kienet hi l-priġuniera perikoluża? Xagħarha kien twil u kannella, statura rqiqa u wiċċha sabiħ.

U dak il-mument, moħħu qallu li kellu għalxiex jibża’. Din, din x’kienet qiegħda tagħmel f’temp bħal dak ġo qalb dawk l-għelieqi waħedha?

U dik żgur kienet qiegħda tistennieh jorqod ħalli tagħmel xi waħda minn tagħha!

Twerwer.

X’kellu jaqbad jagħmel? Fis-silenzju tal-kamra, beda jisma’ qalbu stess tħabbat, hekk kif induna li l-fuklar kien intefa’ għalkollox u l-ftit dawl li kien qed jitfa’ aktar kmieni kien għeb.

U dak il-ħin, ħass li hekk kellu jagħmel.

Ma setax. Ma setax iħalli priġuniera perikoluża rieqda miegħu fil-kamra! Ma tarax!

Resaq lejn sodditha, f’salt wieħed, qabadha mix-xagħar ta’ rasha, u b’saħħtu kollha ġibidha lejn il-bieb tal-kamra, fetaħ il-bieb u tefagħha hemm barra fiċ-ċappa dlam u fl-ilmijiet.

Lanqas ċans tkellmu jew tirreaġixxi ma taha!

Sakkar il-bieb malajr kemm jista’ jkun.

“X’inhu jiġri?” semagħha tgħajjat hemm barra. “Ajjut! Ajjut!”

“Mur minn fejn ġejt!” weġibha, b’wiċċu mal-bieb tal-injam.

Tbissem waħdu u mexa lejn is-sodda.

Tgħid ma kienx se jissogra li toqtlu? Jew li tagħmillu xi waħda? Imnalla sema’ r-radju!

U dak il-ħin.

Dak il-ħin sema’ ħafna għajjat u twerżiq.

Għal mument ħaseb li kienet qiegħda tirreċta ħalli jdaħħalha lura fil-kamra. Iżda mbagħad ittawwal mit-tieqa u fil-ftit dawl tal-qamar, induna li kien hemm dell għaddej iħaffef minn quddiem it-tieqa.

Miskina, beda jaħseb. U jekk kien hemm xi annimal selvaġġ? Issa x’seta’ jagħmel?

Iżda dak il-ħin, induna li kien waqa’ silenzju kbir. Beda jinkedd.

Jinkwieta.

Stenna ftit u l-kurżita għelbitu.

Fetaħ il-bieb bilmod.

Eżatt quddiem il-bieb ra lil dik il-mara, li sa ftit ilu kienet rieqda f’soddtu, mimduda fin-nofs, b’sikkina ġo sidirha, f’għadira demm li kien qed jitħallat mal-ilmijiet tal-għalqa faċċata.

Twerwer.

Resaq iħaffef lejha bit-torċ, u fid-dlam induna li kienet għarwiena! Mingħajr ħwejjeġ!

U dak il-ħin, raha.

Maġenbha eżatt.

Mitwija.

Pulita.

Ġo għadira ilma.

Ix-xita kienet waqfet.

Ir-riħ kien kważi libet għal kollox.

Dik il-mara ma kinitx il-priġuniera l-perikoluża! Għaliex maġenbha kien hemm ġagaga bluna tal-ħabs!

Carmel qabad il-ġagaga f’idejh u ra isem il-ħabs fuqha. Ġera lejn Donna biex jara jekk kinitx qiegħda tieħu nifs.

Għalxejn!

Kienet mietet!

Madonna tal-ħniena!

Kienet mietet biex il-priġuniera perikoluża setgħet teħdilha ħwejjiġha!

“Ejja hawn ġew ħdejja,” qallu leħen femminili minn ġol-kamra. “Hemm barra hemm il-bard! Ejja sabiħ!”

U malli xiref fil-bieb ra mara oħra!

Kienet hi.

Iva kienet hi.

Il-priġuniera perikoluża. Liebsa l-ħwejjeġ ta’ Donna. Xagħarha twil u kannella. U wiċċha sabiħ. Imma mhux daqs ta’ Donna!

More in Divertiment