Ara l-film tal-Papa Franġisku u tkun qed tgħin lil Caritas

L-ispecial screening tal-Film se ssr nhar l-24 ta' Awwissu

Fil-ġimgħat li ġejjin, KRS Malta se jkunu qed iwasslu fiċ-ċinema lokali l-film: POPE FRANCIS: A MAN OF HIS WORD, film ta’ Wim Wenders li huwa t-tieni koproduzzjoni li l-Vatikan qed jagħmel ma’ produtturi tal-films.

Wim Wenders jiddiskrivi l-laqgħa tiegħu ma’ Jorge Mario Bergoglio, il-Ġiżwita mill-Arġentina, magħruf minn miljuni madwar id-dinja mill-2013 bħala l-Papa Franġisku.

Wenders, flimkien mal-crew tiegħu, għal diversi snin intervistaw lill-Papa u wkoll kellhom aċċess għall-arkivji b’materjal viżiv li jinkludi l-vjaġġi li għamel il-Papa. F’dawn il-filmati, il-Papa Franġisku jidher jiltaqa’ mal-ogħla awtoritajiet madwarid-dinja iżda l-iktar li jispikka hu l-kuntatt man-nies.

F’dawn il-filmati kollha jagħti messaġġ qawwi ta’ kompassjoni, għaqda u umanità.

Wenders ikompli jgħid li fid-dinja tal-lum hija ferm diffiċli, speċjalment għall-politiċi, li jipprattikaw dak li jippritkaw, imma għall-Papa Franġisku taħdem differenti; mhux biss huwa rappreżentant tal-Kristjani u l-Kattoliċi imma tal-umanità kollha inġenerali. Wenders itemm jgħid li l-Papa jgħix u jipprattika dak li jippritka u hu għandu l-ikbar stima lejn din l-attitudni tiegħu.

Il-film se jinħareġ fil-ħames anniversarju minn meta Bergoglio sar Papa  u se jagħti togħma perfetta ta’ dak kollu li ħadem għalih.

KRS Malta, stiednu wkoll lill-Arċisqof Charles Scicluna biex jattendi b’mod privat jara dan il-film imma x-xewqa tal-Arċisqof kienet li jarah mal-pubbliku inġenerali f’serata ta’ special screening li se ssir nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Awwissu 2018 fis-6:30pm, fit-Teatru tal-Embassy l-Belt.

Il-prezz ta’ din is-serata speċjali se jkun ta’ ħmistax-il ewro u d-dħul kollu se jmur b’risq Caritas Malta. Jingħata wkoll welcome drink qabel il-film.

Id-Direttur il-ġdid ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt, se jkun qed jattendi għal din is-serata u rringrazzja lill-Arċisqof ta’ Malta li għażel Caritas Malta bħala l-entità tal-Knisja biex tibbenifika mid-dħul ta’ dan il-film.

More in Divertiment