Il-Festa | ll-murtal Malti: messaġġier aktar milli ħoss u daħna

Il-ħoss tal-murtal, il-perikli fil-kmamar tan-nar, l-istorbju, ir-responsabbilità tad-detenur u t-triq 'il quddiem għall-piroteknika. Il-gazzetta ILLUM titkellem ma' Godfrey Farrugia

"Instema' l-ħoss tat-tir. Dehret il-leħħa ħierġa mill-kanna u 'l fuq fid-dalma tas-smewwiet, 'l hemm mill-mixgħela tar-raħal, feġġ raġġ dawl. Dlonk, instema' l-ħoss tal-qasma tal-polvri, u nxtegħlu s-smewwiet, b’segwenza ta' tliet fetħiet, donnhom umbrelel tal-ilwien lesti biex jibilgħu wieħed lil ieħor sakemm d-dehra ntemmet b’ħoss ta' bomba. Għal dawk il-ftit sekondi, l-madwar iddawwal, u ntlemħu d-dellijiet tal-art sħuna tal-għalqa tal-ħruq. F'ħakka t'għajn kollox għeb u x-xrar, qisu xita rxiex, inħass nieżel maż-żiffa ħelwa għal fuq l-inħawi."

Taħseb li qed taqra xi daħla ta' xi rumanz storiku bbażat f'Malta tal-imgħoddi, imma fil-verità din hija sempliċiment il-mod kif id-Deputat Godfrey Farrugia ddeskriva murtal wieħed li flimkien ma' sħabu jsebbaħ is-sema Maltija tul il-ġranet kollha tas-sajf, illum f'lokalità u għada f'oħra.

Normalment nitkellmu ma' Godfrey Farrugia bħala tabib jew inkella politiku iżda llum se nitkellmu miegħu bħala pirotekniku, b'mod partikolari dwar l-irwol tal-murtal li bħal arloġġ jimmarka l-ħin u jibgħat messaġġ, ħafna drabi indirizzat lill-ġirien.

Għal Farrugia ma hemmx festa mingħajr nar. Wara l-ħoss u d-daħna tal-murtal, Farrugia jara inkarnati fil-murtal "id-devozzjoni, il-volontarjat, l-imħabba u l-orgolju tal-komunità, u l-ħaddiema tan-nar. 

Murtal messaġġier... karrateristika unika f'Malta

Iżda wara l-ħila, il-kimika, il-mekkanika u x-xjenza ta' murtal hemm aktar minn hekk. Għal Godfrey Farrugia, il-murtal huwa wkoll messaġġier.

"Kull ħarqa, ħlief xi eċċezzjonijiet żgħar, hi mlaqqa’ li tinħaraq fl-istess ħin meta jibdew jew jintemmu ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi li jseħħu fil-knisja tul il-ġimgħa tal-festa: il-ħruġ min-niċċa, l-Anġelus, it-Tridijiet, it-Tranżlazzjoni, il-ħruġ u dħul tal-purċissjoni u anke l-barka," saħaq Farrugia. "Din il-karatteristika hija unika għall-gżiritna u dan tagħrfu l-istess Ordinanza tal-Isplussiv."

Imma dan mhux biżżejjed għax fi kliem Godfrey Farrugia hu preċiżament il-ħoss tal-ħarqa, kemm jekk musketterija, salut, kaxxa Spanjola jew infernali, beraq jew murtali tal-logħob, li huma messaġġiera u li jfakkru lir-residenti tal-lokal dwar l-attivitajiet li jkunu għaddejjin.

Iżda Farrugia jkompli jispjega li l-messaġġ ma jiqafx mal-fruntiera tal-lokalità. Anzi huwa maħsub apposta biex il-ħoss jasal ukoll għand l-irħula tal-madwar biex ifakkarhom li r-raħal ta' maġenbhom "qed jiċċelebra bil-kbir."

Illum il-ġurnata ma hemmx bżonn il-murtal biex tibgħat messaġġ jew tiġbed sieq il-ġirien. Tista' faċilment ittella' ritratt fuq Facebook. Kien għalhekk li staqsejna lil Farrugia jekk hemmx bżonn li l-ħoss tal-murtal ikun daqshekk qawwi, speċjalment minħabba l-anzjani u dawk morda.

'Iltqajt ma' morda li l-ħoss tal-murtal nisslilhom ferħ'

Godfrey Farrugia saħaq li llum il-ġurnata kull ħarqa ssir b'mod meqjus biex tħares l-interessi ta' terzi u għalhekk il-ħoss la jkun eċċessiv u lanqas jagħmel ħsara għas-saħħa. Tant hu hekk li llum in-nar jinħaraq f'ħin determinat u anke l-qisien huma mkejla u stabbiliti.

Kompla jisħaq li fl-esperjenza tiegħu ta' tabib iltaqa' ma' każijiet fejn il-ħoss tal-murtali nissel ferħ u tifkiriet sbieħ fost persuni morda f'qiegħ ta' sodda.

"Kull festa hi manifestazzjoni ta' ferħ komunitarju u vetrina ta' dak kollu li hu Malti. Għalija l-festi hi teatru ħaj ta' wirt kulturali li baqa' jevolvi u jagħtina identità u bosta huma dawk il-barranin li jħarsu lejna b'faxxinu għal dak li kapaċi noħolqu. Iżda ssib minn fostna li jilmenta fuq l-istorbju u t-tniġġis tan-nar mingħajr ma japprezza l-ħoss, is-sbuħija u s-sinifikat tiegħu, tant li kieku jgħaddi tagħhom iwaqqfu l-logħob tan-nar," insista Farrugia.

Kien hawn li tkellimna miegħu dwar it-teknika u l-preċiżjoni ta' ħarqa nar u insista li ftit huma dawk li jirrealizzaw u japprezzaw li kull ħarqa, għandha l-koreografija tagħha bħal kwalunkwe biċċa mużika.

"Għandha l-bidu, il-biċċa tan-nofs u t-tmiem, fejn l-għamla tal-ħruq u għalhekk ukoll, il-kwalità u r-ritmu tal-ħoss huma differenti, " insista Farrugia.

L-isplużjoni tal-Kamra tan-Nar 11 ta' Frar
L-isplużjoni tal-Kamra tan-Nar 11 ta' Frar

Min jilgħab man-nar jinħaraq... mhux aħjar nevitaw?

F'din is-sena, li fiha raġel tilef ħajtu fl-isplużjoni tal-kamra tan-nar tal-Għaqda Piroteknika 11 ta' Frar ta' San Ġwann, ma stajniex ma nitkellmux ma' Farrugia dwar il-periklu li ġġib magħha l-piroteknika u x'hemm bżonn isir biex jonqsu l-inċidenti.

Ma darx mal-lewża. Insista li kull pirotekniku jrid fuq kollox iħares saħħtu għax wara kollox "il-kimika hi kemm splussiv kif ukoll valenu tossiku."

Propju għalhekk li spjega kif fl-aħħar snin ittieħdu bosta inizjattivi biex jidħlu regoli ġodda li jħarsu aktar is-saħħa u s-sigurtà waqt li jkun qed jinħadem in-nar, fosthom:

  • Kontrolli fuq il-kimika, partikolarment il-klorat, it-taħliet, il-ġarr mill-kamra u l-ħruq tan-nar fl-għalqa, mill-bjut u l-pjazez;
  • Korsijiet edukattivi u anke eżamijiet biex jinħarġu l-liċenzji tal-pirotekniċi;
  • Policy ġdida għall-bini tal-Kmamar tan-Nar, żjarat tal-ispettorat u l-apprentistat fit-taħriġ fil-kmamar;
  • Emenda fil-liġi biex titneħħa l-inċertezza meta titkejjel id-distanza ta’ 183 metru li jrid ikun hemm bejn triq u kamra tan-nar;
  • Titneħħa jew ma tingħatax il-liċenzja lil min għandu kondotta kriminali;
  • Jintalab ċertifikat mediku kull meta tiġi riveduta l-liċenzja A, B jew Ċ; u
  • Skema biex kmamar tan-nar jimmodernizzaw l-istruttura u anke jixtru tagħmir li jħares is-saħħa u s-sigurtà fil-kamra.

'Mhux sew li d-ditenur tal-kamra ma jistax jissellef mill-bank'

Ittieħdu ħafna miżuri, iżda dan biżżejjed? Għal Godfrey Farrugia sar ħafna u għad hemm miżuri oħra x'jittieħdu biex jgħinu sabiex tissaħħaħ id-dixxiplina.

Fost dawn tkellem dwar id-ditenur, jiġifieri l-imgħallem tan-nar li jmexxi u jidderiġi l-kamra. F'Malta hawn 30 persuna li għandhom din il-kariga u ġaladarba r-responsabbilità li għandu hija kbira, anke għax irid imexxi tim ta' nies li għandhom liċenzji differenti, fi kliem Farrugia dawn għandhom jiġu offruti taħriġ aktar profond fis-suġġett.

"B'dispjaċir ninnota li numru mid-ditenuri ma jibqgħux fil-kariga mhux għax bla ħila iżda minħabba li l-poloz tal-assigurazzjoni ma jkopruhomx meta huma jiġu biex jissellfu l-flus għal raġunijiet ta' ħtieġa għall-familja. Dan ma għandux ikun. Id-diffikultà teżisti għax il-liġi tal-isplussiv torbtilhom l-assi personali tagħhom f'każ li jinqala' inċident. Jien tal-fehma li wasal iż-żmien biex jinstabu rimedji oħra," spjega u insista Farrugia.

'Il-Gvern għandu jixtri apparat biex jeżamina l-kimiċi'

Dwar il-kimiċi użati, insista li għandu jinxtara apparat li jintuża għal testijiet, magħrufa bħala Hammer Test, li jiċċekkja jew it-taħlita tal-kimiċi tilħaqx l-istandards meħtieġa għall-ħarsien ta' sigurtà qabel ma tiġi mmanifatturata.

"Niftakru li l-kmamar tan-nar mhumiex laboratorju u l-esperimentazzjoni għandna nħalluha għal meta jkollna t-tagħmir speċjalizzat. Jien tal-fehma li dan it-tagħmir għandu jinxtara mill-Gvern jew mill-Università u jintuża b’sussidju mil-liċenzjati A.

Malta qed tuża teknoloġija ġdida fil-piroteknika?

U t-triq 'il quddiem x'inhi? Sa issa dejjem intużaw l-polvri għat-tir biex jittella' l-murtal.

Iżda Farrugia spjega li barra minn Malta diġà hemm metodi oħra li bdew jiġu esperimentati fosthom:

  • Sistemi ta' arja kkompressata li tispara 'l fuq murtal wieħed wara l-ieħor u xħin jilħaq id-distanza tal-għoli mixtieqa, jingħata n-nar, b'igniters elettroniċi kkontrollati b'ċippa;
  • Użu ta' kimika li tnaqqas il-possibbilità tat-tniġġis u li toħloq effetti kkuluriti mill-isbaħ u mingħajr daħna; u
  • Użu ta' kontenituri tan-nar u li l-materjal tagħhom jiġi maħruq totalment fil-fetħa tal-murtal u apparti li jżid l-effett pirotekniku ma jħallix irmied li jħammeġ l-ambjent.

Minkejja li Farrugia insista li dawn il-metodi ġodda jiswew il-flus. Madanakollu jinsab ottimist li għad jaslu wkoll f'pajjiżna.

U sa dakinhar? "Inkomplu ngħożżu dan l-artiġjar li tana isem mal-erbat irjieħ tad-dinja għall-mod kif b'ħila rawwimnieh b'timbru ta' identità Maltija."

More in Divertiment