Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Il-Festa | Mid-devozzjoni għat-tradizzjonijiet u l-folklor

Il-gazzetta ILLUM tagħmel vjaġġ qasir mar-riċerkatur Charles Coleiro lejn l-oriġini ta' dawk il-fatturi li jagħmlu l-festa Maltija unika

Yendrick Cioffi / 8 t'Awwissu 2018 17:53
Illum tista' tgħid li ma hawnx belt jew raħal f'Malta li ma jagħmilx minn kollox biex jiċċelebra festa kbira u sabiħa lill-patrun li għalih hija ddedikata l-parroċċa jew inkella li għalih kienet twaqqfet xi fratellanza.

Iżda dawn il-festi minn xi mkien bdew u mhux dejjem kienu jiġu ċċelebrati fil-lokalitajiet kollha. Il-gazzetta ILLUM iltaqgħet mar-riċerkatur Charles Coleiro u miegħu għamlet vjaġġ qasir lejn l-oriġini tal-festa Maltija u dak kollu li għandu x'jaqsam magħhom.

Coleiro jispjega kif filwaqt li ċertu festi kienu jiġu ċċelebrati qabel il-miġja tal-Kavallieri, l-Ordni ta' San Ġwann tathom spinta tajba 'l quddiem. Fil-fatt, il-festi magħrufa ta' San Girgor u anke tal-Imnarja jibqgħu dejjem assoċjati ma' dan il-perjodu fl-istorja ta' Malta. Ma għandniex xi ngħidu, wara r-rebħa tal-Assedju l-Kbir tal-1565, żdiedet il-festa tal-Vitorja fl-Isla, fin-Naxxar, ix-Xagħra u b'lejla ta' għana fil-Mellieħa.

Charles Coleiro jkompli jgħid kif fil-fatt kien fi żmien il-Kavallieri wkoll meta bdew jiġu organizzati l-ewwel festi bi ftit ingredjenti soċjo-kulturali. Dak iż-żmien, l-attivitajiet kollha kienu jsiru fil-knisja, ħlief għal xi purċissjoni li ma kinitx tinkludi statwi, iżda relikwarji tal-qaddis jew qaddisa, li sal-lum għadhom parti essenzjali mill-festa u mill-purċissjoni.

Il-festa ta' San Ġwann Battista kellha wkoll importanza kbira, anke għax dan huwa l-patrun tal-ordni. George Sandys, vjaġġatur Ingliż li kien żar Malta fl-1610 kien kiteb u ddeskriva din il-festa bħala spettaklu. Fost oħrajn, irrakkonta kif il-faċċata ta' kull berġa tal-Kavallieri kienet mixgħula bit-tazzi taż-żejt u anke semma l-isparar tal-kanuni. Għadna sal-lum, fit-tmienja u f'nofsinhar, fil-ġimgħa tal-festa naħarqu s-salut, għalkemm mhux aktar mill-kanuni.

Iżda ħafna aktar qabel Sandys, propju fl-1575, Charles Coleiro jispjega kif Mons Pietro Dużina, il-Viżitatur Appostoliku, kien kiteb kif 10 snin wara l-ħerba li ħalla l-Assedju l-Kbir, sab li kien hawn 32 festa kmandata, fosthom il-festi tal-Appostli. Fost dawn isemmi wkoll il-festi tal-Lunzjata, Santu Kruċ (il-festa meta Santa Liena sabet is-salib ta' Kristu), San Mikiel u San Ġwann Battista.

Il-festi jista' jkun li kienu jservu wkoll xi ftit jew wisq ta’ aljenazzjoni. Tant hu hekk li Coleiro jispjega li fil-mument li l-Kavallieri riedu jinħabbu 'l aktar mal-Maltin, lejn tmiem il-ħakma tagħhom, il-Gran Mastru De Rohan, fis-sena 1777 ħareġ iħeġġeġ lill-poplu biex jiċċelebra bl-akbar pompa l-festi fil-knisja u jsemmi wkoll il-festi esterni.

Imma l-Maltin dak iż-żmien kienu foqra. Kif setgħu jorganizzaw il-festi? Coleiro jispjega kif il-festi kienu jagħmlu tajjeb għalihom xi benefatturi li x'aktarx kienu jkunu sinjuri. Interressanti kif apparti xi donazzoni ta' qasba żejt biex tinxtegħel il-knisja, kien anke jitqassam il-ħobż lill-foqra.

Il-ġostra | Tibqa' tradizzjoni fl-Imsida u f'San Ġiljan
Drawwiet, folklor u rakkonti

Id-drawwiet dejjem kienu parti essenzjali mill-festi u li xi drabi jiddistinwgu festa minn oħra u jagħtuha identità.

Ma' Coleiro tkellimna dwar dawk id-drawwiet li maż-żmien spiċċaw, fosthom kif fl-imgħoddi, il-paniġierku kien isir bit-Taljan filgħodu u bil-Malti filgħaxija u tradizzjonijiet oħrajn li llum qed jerġgħu jingħataw il-ħajja.
  • Santu Kruċ: Nhar it-3 ta' Mejju, il-bdiewa kienu jħarsu din il-festa kmandata billi ma jaħdmux raba’. Marbuta ma' din il-festa hemm rakkont li jgħid kif għadd ta' ġurati attakkaw l-għelieqi u kielu l-uċuħ tagħhom meta l-bdiewa ddeċidew li jaħdmu.
  • It-tiġrijiet tal-bhejjem: Nhar l-Imnarja u anke Santu Rokku kienu jsiru l-famużi tiġrijiet tal-bhejjem.
  • Tiġrijiet tan-nies: Fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-Imdina kienu jsiru t-tiġrijiet tal-irġiel u tat-tfal, tradizzjoni li qed terġa' tingħata l-ħajja.
  • Tiġrijiet tad-dgħajjes: Fil-festa tal-Madonna tal-Porto Salvo kienet issir it-tiġrija tad-dgħajjes fil-Port il-Kbir, xi ħaġa li għadha ssir biss fil-Vitorja.
  • Il-ġostra: Illum għadha ssir fil-festi tal-Imsida u ta' San Ġiljan
  • L-għana: Popolari fil-festi ta' San Girgor, l-Imnarja u Lejlet il-Vitorja, fil-Mellieħa.
  • San Nikola: Magħruf għall-qima fost ix-xebbiet li riedu jiżżewġu, tant li fis-Siġġiewi kienet teżisti d-drawwa li xebbiet iduru tliet darbiet mal-istatwa ta' San Nikola, fil-pjazza tar-raħal biex isibilhom għarus.


Il-qniepen jibqgħu parti importanti mill-ħoss tal-Festa
Il-festi...għal min storbju u għal min melodija

Parti essenzjali mill-festa Maltija huwa l-ħoss, kemm jekk dak ġej min-noti solenni tal-mużika sagra, mill-istedina tal-qanpiena jew inkella mill-marċi brijjużi tal-banda.
  • Il-mużika sagra:
    •  Charles Coleiro jsemmi li sa mis-seklu 16 kienu diġà jissemmew surmastijiet u kompożituri li taw kontribut fl-eżekuzzjoni tal-mużika sagra, fosthom Benigno Zerafa, Girolamo Abos u Francesco Azzopardi.Warajhom ġew il-Maestri di Cappella l-aktar popolari, fosthom Paolo Nani u wliedu, Carlo Diacono, Vincenzo  Bugeja u  Giuseppe Camilleri.
  • Il-qniepen
    • Il-qniepen ukoll jilagħbu parti importanti mill-festa. Forsi qabel kienu aktar importanti għax l-arloġġ kien rari u għalhekk it-tokki kienu jimmarkaw il-ħin u jistiednu lill-kongregazzjoni biex tinġabar fil-knisja. Minn hemm żviluppaw ukoll l-arloġġi tal-knejjes. Charles Coleiro jsemmi kif kien Mikielanġ Sapiano li għamel l-ewwel arloġġ għall-knejjes fl-1860. L-ewwel settijiet tal-qniepen kienu jinħadmu Malta, fosthom dawk magħrufa bħala ta' Ġulju, iżda mbagħad bdew isiru barra minn xtutna minn ditti magħrufa bħalma saru dawk ta' Birkirkara u aktar tard settijiet oħra ta' Ħal Lija u Ħal Luqa, il-Mellieħa u fl-1947 dawk ta' San Duminku tal-Belt Valletta biex ma nsemmux oħrajn li saru fi żmienna.
  • Il-każini tal-banda
    • Il-każini, li f'ħafna lokalitajiet il-festa esterna ssir bis-saħħa tagħhom, bdew jissaħħu fi żmien l-Ingliżi. Charles Coleiro jispjega kif kien Indri Borg li beda l-ewwel formazzjoni ta' banda (li baqgħet iġġib ismu: il-banda ta' Indri). Iżda l-ġrajja li mmarkat il-bidu tal-każini tal-baned kienet l-istedina li saret lill-Gvernatur Sir Frederick Henry Bouverie biex iżur il-festa ta' San Filep ta' Ħaż-Żebbuġ. Miegħu ġiet il-Banda Navali li waslitu lura lejn il-Palazz Verdala li kienet ir-residenza tas-sajf tal-Gvernatur. Kienet din il-ġrajja li ħajret lill-Maltin biex jitwaqqfu l-ewwel baned.


Il-Bambina tal-Isla, waħda mill-eqdem vari titulari
L-ewwel vari proċessjonali

Aktar qabel spjegajna kif qabel il-purċissjonijiet ma kinux isiru bl-istatwi iżda bir-relikwa. iżda llum il-vari saru ċ-ċentru u l-qofol tal-festa.

Staqsejna lil Coleiro jispjega kif oriġinaw il-vari proċessjonali f'Malta u liema kienu l-ewwel statwi proċessjonali.

Coleiro spjega kif fost l-aktar vari antiki f'Malta nsibu l-Bambina tal-Isla li tmur lura għall-1618. Din kienet parti mill-ġifen, preċiżament pulena u kienet instabet minn żewġ baħħara mill-Isla li kienu qed ibaħħru l-oċean Adrijatiku. Dawn kienu talbu lill-kaptan biex iħallihom jieħu magħhom din il-pulena fil-parroċċa tagħhom, fejn sal-lum għada tinħareġ f'purċissjoni fit-8 ta' Settembru.

Statwa oħra antika u partikolari hija dik ta' San Lawrenz tal-Birgu, maħduma fuq stil spanjol tant li hi mlibbsa bid-drapp.

F'Għawdex, l-ewwel statwa titulari hija dik ta' San Ġorġ fir-Rabat.

M’hemmx festa bla logħob tan-nar

Il-logħob tan-nar jibqa' karrateristika unika tal-festa Maltija. Charles Coleiro jispjega kif anke hawn, il-logħob tan-nar nafuh lill-Kavallieri ta' San Ġwann.

Jirrakkonta kif il-Kavallieri kienu jiċċelebraw il-festa ta' Santa Barbara li hi meqjusa bħala l-patruna tal-bumbardieri. Lil Santa Barbara kienu jsellmulha bis-salut mill-kanuni.

Jispega kif is-salut kien isir ukoll fil-jum it-twelid ta' prinċep mill-pajjiżi li minnhom kienu jkunu ġejjin il-Kavellieri jew inkella f'ħatra ta' re jew inkella imperatur.

Minn hemm, ftit ftit, beda jiġi żvilupat il-logħob tan-nar li għenuna biex nagħtuh spinta 'l quddiem it-Taljani.

Tant hu hekk, li Coleiro jispjega kif il-kelma 'ġigġifogu,' ġejja propju mill-kelmiet 'gioco di fuoco,' logħob tan-nar. Kif għamilna drabi oħra, qbadna din il-kelma, għawiġġnieha ftit u għamilnieha tagħna.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook