Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Tliet films ġodda fis-swali taċ-ċinema

it-tliet films li se tkunu tistgħu tibdew taraw min din il-ġimgħa...

Carmel Bonnici / 16 ta' Lulju 2018 19:15
Skyscraper
Skyscraper

Atturi Ewlenin: Dwayne Johnson; Neve Campbell; Chin Han; Roland Moller; Noah Taylor; McKenna Roberts; Noah Cottrell.

Direttur: Rawson Marshall Thurber.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 102 min.

Ċert. 12A

 

Bis-suċċess li kellu fl-aħħar żewġ films, Jumanji: Welcome To The Jungle u Rampage , it-tnejn qorbu jew qabżu l-biljun dollari, Dwayne Johnson sar l-aktar attur bankabbli tal-preżent u anki superstilla. Għat-tielet darba konsekuttiva qed jieħu parti ġo produzzjoni oħra blockbuster, fejn jesibixxi sa fejn jasal u liema riskji kapaċi jidħol għalihom biex isalva lil familtu maqbudin ġo ċirku infernali. Will Sawyer (Johnson), veteran tal-gwerra tal-Afganistan u mexxej ta' grupp tal-FBI tas-Salvataġġ, issa b'sieq waħda barranija, qed jieħu ħsieb is-sigurtà tal-iskyscrapers. Billi hu effiċjenti ħafna f’xogħlu, ikun afdat f'idejh l-ogħla bini ta' 240 sular u l-aktar suppost l-aktar sigur ta' Hong Kong, The Pearl. It-terroristi jattakkaw dan il-post u jagħtuh in-nar fis-36 sular. Huma jitfgħu l-ħtija fuqu u jkollu jaħrab mil-liġi, però b'kull mezz possibbli jrid jara kif se jeħles lill-familja tiegħu maqbudin f'xi sulari 'l fuq minn fejn hemm jaqbad. B'ħeġġa ta' barra minn hawn u b'kuraġġ sfiq, waħdu jibda tiela' jixxabbat mal-ħadid.  Skyscraper, hu mimli azzjoni qawwija li ma tantx titwemmen, b'riskji tant kbar li mhux darba jew tnejn ikun se jsib ruħu ġo forn kbir, barra li jikkumbatti diversi nies armati sa snienhom. Parti sostanzjali hi wkoll attribwita lil Sarah Sawyer (Campbell), il-mara tiegħu li qabel iżżewġitu kienet kirurga Navali li kkuratu, u liż-żewġ uliedu li flimkien jiġru 'l hawn u 'l hinn biex ma jinxtwewx fil-vampi enormi li malajr jiżbruffaw madwarhom. Żgur li ebda attur qatt ma tħabat daqshekk ġo film, forsi Bruce Willis fis-superjuri Die Hard (1988). Kull min hu lest jissospendi minn quddiem għajnejh l-esaġerazzjonijiet, żgur li se jgħaddi sagħtejn ta' azzjoni gwappa b'effetti speċjali tassew spettakolari!

 

 

The Incredibles 2
Incredibles 2

Vuċijiet Ewlenin: Craig T. Nelson; Holly Hunter; Sarah Vowell; Hick Milner; Samuel L. Jackson; Catherine Keener.

Direttur; Brad Bird.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 118 min.

Ċert. PG.

 

 The Incredibles (2004), film animat tal-kumpanija Pixar/Disney kien wieħed tax-xorta tiegħu dwar is-supereroj. F'dawn l-aħħar 14-il sena, il-produzzjonijiet tas-supereroj, speċjalment mill-kotba komiks, żdiedu b'intensità kbira. Fuqhom qed jintefqu baġits enormi u nistgħu ngħidu li bdiet gwerra qalila bejn D. C. Comics u Marvel Comics għas-supremazija fid-dħul tal-flus.  The Incredibles , dwar familja b'poteri qawwija, fosthom anki t-tarbija Jack-Jack Parr, tant kien film mexxej u eżileranti li daħħal madwar $640 miljun minn madwar id-dinja. Naturalment, sar sforz kbir biex Incredibles 2 , speċi ta' sequel, jiżboq lil dak tal-2004. Din il-familja, wara li fix-xogħol ta' qabel spiċċat b'darhom imfarrka, issa qed jgħixu aktar magħqudin u ħajja normali. Imma, jidher li l-ħażen fid-dinja ma jiqafx u din id-darba, tkun Helen Parr (vuċi ta' Hunter), magħrufa bħala Elastigirl, għax kapaċi tiġġebbed bħal lastiku, imsejħa biex terġa' tiġbor ir-reputazzjoni tal-familja tagħha. Il-missier Bob (Nelson), Mr. Incredible, baqa' d-dar jieħu ħsieb il-familja - lil Violet, Dash u t-tarbija Jack-Jack. B'sorpriża kbira jiskopri li dan iċ-ċkejken ukoll għandu poteri ta' diversi kapaċitajiet. Il-viljakk megalomanju li Helen trid tiffaċċja hu wieħed ta' moħħ brillanti li kapaċi mill-bogħod jaljena u jiċċassa lill-avversarju tiegħu. Meta l-missjoni tagħha tirriżulta tant iebsa u diffiċli, il-kumplament tal-familja flimkien mal-ħabib, Lucius Best (Jackson), imsejjaħ Frozone għax b'idejh jiffriża kull likwidu, imorru għall-għajnuna.  Incredibles 2 tassew hu film divertenti u mħarrek, b'avventura a la James Bond u b'familja li verament topera bħala unità soda. Qabel dan il-film qed jintwera ieħor animat qasir, bla djalogu, tassew ħelu jismu Bao .

 

 

Flying the Nest
Flying The Nest

Vuċijiet Ewlenin: Jamie Oram; Ħarriet Perring; Iain Stuart; Robertson Richard Cotton.

Direttur: Arni Asgeirsson.

Maħruġ minn Eden Cinemas.

Tul: 88 min.

Ċert. U

 

Il-films animati qed jaslu minn kullimkien.  Flyimg The Nest anki magħruf bħala Ploey: You Never Fly Alone , produzzjoni ħelwa addattata għaż-żgħar, bi storja u animazzjoni ċara u effettiva li wkoll għandha togħġob lill-adulti, hi koproduzzjoni bejn l-Islanda u l-Belġju. Ploey huwa l-fellus ta' pluviera li kien għadu ma tgħallimx itir meta l-familja tiegħu ħallewh warajhom għax bdiet toqrob ix-xitwa u emigraw lejn artijiet aktar sħan. B'hekk, dan il-ferħ ta' rieda qawwija, iżolat u mbeżżgħa, li qabel kien sar ħabib maċ-ċkejkna Ploverina li wkoll taret, irid jara kif se jkampa f'xitwa qalila riesqa fuqu. Ploey jkun sfurzat jimbarka fuq vjaġġ f'terran miksi bis-silġ u ta' kesħa xxoqq l-għadam fejn ikollu juża moħħu u, bi ħbieb ġodda jipprova jerġa' jsib lill-maħbubin tiegħu. Wieħed mill-għedewwa ħorox li jiffaċċja jkun seqer determinat li jieklu, li anki fil-bidu attakka b'xi suċċess lill-familja tiegħu. B'karattri li tassew jidħlu fil-qlub safjin taż-żgħar, b'fotografija vivida u b'azzjoni eżileranti, l-aktar fl-attentati tas-seqer b'titjir ta' ħeffa kbira biex jaħtaf liċ-ċkejken, Flying The Nest  hu xogħol animat verament sodisfaċenti. Dan il-fim jesibixxi temi bħal-importanza ta' ħbieb sinċieri u ġenwini u li jkollok fidi f'dak li kapaċi tagħmel.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook