Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Tliet films li ma għandekx titlef

Din il-ġimgħa fis-swali taċ-ċinema ssib tliet films ġodda li mhux ta' min jitlifhom

Carmel Bonnici / Yendrick Cioffi / 4 ta' Ġunju 2018 09:34
Entebbe

Atturi Ewlenin: Daniel Bruhl; Rosamunde Pike; Eddie Marsan; Ben Schnetzer; Lior Ashkenazi; Denis Menochet.

Direttur: Josè Padilha.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 107 min.

Ċert. 12A

Fl-aħħar ġimgħa ta' Ġunju u l-bidu ta' Lulju 1976, avveniment internazzjonali tassew qajjem lill-midja fuq tagħha. Ajruplan tal-Air France, titjira 139, kien sejjer minn Tel Aviv għal Pariġi, b'waqfa f'Ateni l-Greċja. Hemmhekk, żewġ terroristi Palestinjani u tnejn Ġermaniżi ta' grupp estrem, ħatfu dan l-ajruplan fl-ajru, żammew lill-passiġġieri u l-ekwipaġġ bħala ostaġġi u wara waqfa fil-Libja, fejn m'aċċettawhomx, baqgħu sejrin u niżlu fl-ajruport ta' Entebbe l-Uganda. Huma talbu rahan ta' 5 miljun dollaru biex iċedu lura l-ajruplan u l-ħelsien ta' 53 militant Palestinjan, 40 minnhom fil-ħabs f'Iżrael. Meta kull sforz diplomatiku falla, il-Gvern Iżraelit ma riedx jinnegozja u baxx baxx ħejja kontro-attakk mill-‘commandos’ Lhud biex jeħilsu lil dawk li baqgħu miżmumin, wara sebat ijiem. Din il-missjoni msejħa ‘Operation Entebbe’ tassew għaġbet lid-dinja bis-suċċess li twettaq. Sa inqas minn sentejn wara, ħarġu tliet films biex ifakkru dan l-attakk inkredibbli. ‘Entebbe’, wieħed u erbgħin sena wara hu r-raba xogħol, però ma jittrattax din l-operazzjoni b'mod dirett. Parti sostanzjali ta' din il-produzzjoni tiffoka fuq il-President Izraelit Yitshak Rabin (Ashkenazi), li dam jaħsibha kif se jirreaġixxi, b'Shimon Peres (Marsan) ta' taħtu, jniggżu biex jieħu azzjoni konkreta. Punt ieħor mogħti importanza hu dwar it-terrorist Ġermaniż, Wilfried Bosè (Bruhl) li l-għanijiet ewlenija tiegħu fl-aħħar ma jkollux kontroll fuqhom. Entebbe, għall-ġenerazzjoni ġdida li forsi ma jafu xejn dwarha għandu jgħaddi tajjeb!

On Chesil Beach.

Atturi Ewlenin: Saoirse Ronan; Billy Howle; Emily Watson; Anne-Marie Duff; Samuel West.

Direttur: Dominic Cooke.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 110 min.

Ċert. 15

Il-ħajja Brittanika qabel seħħew bidliet radikali soċjali qawwija li hezzew kull strata tas-soċjetà u b'xi mod taffew id-dominanza tal-klassi għolja u aristokratika, kienet tassew waħda kważi perfetta u l-għira tan-nazzjonalitajiet l-oħra. In-novella ‘On Chesil Beach’ ta' Ian McEwan li barra li kienet ‘best seller’, intgħażlet għall-Booker Prize fl-2007, iddewwaqna xi ftit minn din it-tip ta' eżistenza ideali qabel l-Ingliterra ġiet invaduta mill-Beatlemania, ir-rivoluzzjoni sesswali, kif ukoll mill-moda ta' Swinging London u Carnaby Street. Il-film, bl-istess isem, li McEwan stess addatta l-iskript tiegħu, jeħodna f'Dorset, fis-sajf tal-1962, fix-xatt ta' Chesil. Żewġ karattri ħelwin, simpatiċi u anki karizmatici, Florence (Ronan) u Edward (Howle), ġejjin minn ambjent differenti, wara għerusija, jiżżewġu u jgħaddu l-qamar il-għasel f'lukanda antika, mhux daqshekk akkomodanti, viċin il-baħar. Wara reazzjoni rżina u bews ġentili jasal l-ewwel lejl ta' mħabba intima u fiżika fejn kollox imur żmerċ. Din il-ħaġa ġġib tensjoni interna bejn żewġ maħbubin suppost maħluqin għal xulxin. ‘On Chesil Beach’ jiffoka fuq żewġ karattri fraġli, li ma jafux biżżejjed xi ssarraf il-ħajja, u b'hekk forsi mhux ippreparati sewwa għall-ħajja miżżewġa. F'din ir-rabta serja li daħħlu għaliha se jsibu ruħhom mimlijin dubbji u biża', f'soċjetà ġentili mehdija b'ħajja ta' restrizzjoni.

Maya The Bee - The Honey Games.

Vuċijiet Ewlenin: Coco Jack Gillies; Benson Jack Anthony; Richard Roxburgh; Linda Ngo; Justine Clarke.

Diretturi: Noel Cleary u Sergio Delfino.

Maħruġ minn Side Street Films, Eden Cinemas. 85 min. Ċert. U

Id-dominju tal-films animati tal-kumpaniji Disney/Pixar, DreamWorks, Blue Sky Studios u oħrajn tal-kumpaniji kbar ta' Hollywood, qed ikun invadut bil-mod il-mod minn dawk ta' bnadi oħra. ‘Maya The Bee - The Honey Games’ hi koproduzzjoni Awstraljana/Ġermaniża, bl-immaġini ġġenerati bil-kompjuter, ibbażata minn fuq ktieb Ġermaniż, għat-tfal, Maya The Bee ta' Waldemar Bonselo. Dan hu ‘sequel’ għall-film tal-2014, Maya The Bee, produzzjoni Ġermaniża/Awstrijaka. Maya, naħla vivaċi xi ftit żbukkata, li ma taħsibhiex darbtejn xi tlissen, b'entużjażmu żejjed fuqha aċċidentalment timbarazza lill-Imperatriċi ta’ Buzztropolis, li timpediha li tieħu sehem f'logħbiet kompetittivi għar-rebħ ta' trofew tal-għasel. Wara maħfra u ċerti kundizzjonijiet, tkun sfurzata tikkompeti ma' tim ta' insetti ineffiċjenti u ta' nofs kedda. Violet, naħla b'xagħarha vjola, akkost ta' kollox trid tirbaħ dan il-logħob kompetittiv u hi, bit-tim tassew ippreparat tagħha ssir rival kbira ma' Maya u l-grupp tagħha. L-affarijiet hawn isiru aktar sħan u akkaniti. Maya The Bee - The Honey Games li jimita b'xi mod lil The Hunger Games b'andament ħafna aktar ġentili, jiżvolġi bi stil imħarrek, ikkulurit u tassew pjaċevoli għat-tfal ta' ċerta età.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook