Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Żewġ films li ma għandekx titlef din il-ġimgħa

Għandek ħin għal żewġ films tajbin? Filkas ara dawn...

Carmel Bonnici / 28 ta' Mejju 2018 09:34
Solo: A Star Wars Story

Atturi Ewlenin: Alden Ehrenreich; Woody Harrelson; Emilia Clarke; Donald Glover; Thandie Newton; Phoebe Waller-Bridge; Paul Bettany; Joonas Suotamo.

Direttur: Ron Howard.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 135 min.

 Ċert. 12A.

Wieħed mill-atturi u karattri li għamlu lill-oriġinali ‘Star Wars’ (1977) (li wara semmewh ‘Star Wars: Episode 4, A New Hope’), tant maħbub kien dak ta' Han Solo, interpretat minn Harrison Ford, li dak iż-żmien kellu 35 sena, parti li tellgħatu fl-istratosfera tal-popolarità. Dan l-avventurier jimita b'mod klassiku lil xi cowboy spazjali, jaħdem għall-flus għal kull min iħaddmu (bounty hunter) flimkien ma' Chewbacca, il-Wookie (speċi ta' gorilla kbira), però dejjem bit-tir f'rasu li jsir pilota spazjali mill-aqwa. Fl-aħħar l-irġulija tiegħu tieħu pussess fuqu u jħoss id-dmir li jsir ġellied qawwi tal-Alleanza. Wara li l-produtturi ġiethom l-idea li mis-sensiela ‘Star Wars’ joħorġu stejjer indipendenti kif għamlu fl-2016 b'‘Rogue: A Star Wars Story’, mill-ewwel marru fuq il-karattru karizmatiku ta' Han Solo f'‘Solo: A Star Wars Story’ biex juruna minn xiex għadda dan l-eroj f'żogħżija mimlija intriċċi, kultant mhux denji u ħarbiet bil-ħniena mill-ħafna li kienu qed ifittxuh. Fil-parti ewleninja din id-darba nsibu lil Alden Ehrenreich, li jagħti lemħa konsiderevoli lil Ford żagħżugħ, juża listess manjieri u gesti tiegħu, l-istess mixja, pożi ta' cowboys f'Westerns kbar, mossi simili, però jinħass xi ftit nieqes mill-kariżma u personalità li għamlet lil Ford rinomat. Han Solo, brikkun u imbruljun isib ruħu f'ħafna inkwiet, idaħħal lill-maħbuba tiegħu, is-sbejħa Qi'ra (Clarke), it-tnejn li huma ġejjin mill-pjaneta Corellia, post bħal tal-Wild West fejn l-ebda liġi ma tgħodd, f'ħafna bawxati u imbrolji li jikkommetti, jiltaqa' b'mod mill-inqas amikevoli ma' Chewbacca (vuċi ta' Suotamo), il-kopilota tiegħu tal-futur tal-Millenium Falcon, il-vettura spazjali tiegħu u anki jagħmel konoxxenza kbira mal-kuntrabandist Lando Carlissian (Glover), is-sid propja tal-Millenium Falcon li tilfu f'logħba karti ma' Solo. ‘Solo: A Star Wars Story’ dirett b'mod mexxej u b'fil sottili ta' umoriżmu minn Ron Howard, idaħħalna ġo dinja oħra ta' kriminalità, bil-qofol tiegħu tkun serqa galaktika stupenda. Bħala ‘droid’ (robot) insibu lil L3-37 (vuċi femminili ta' Waller-Bridge), b'Woody Harrelson jaħdem il-parti ta' Beckett, kriminal ieħor li jkun l-għalliem ta' Solo fin-negozju. Għal darb'oħra, l-veteran John Williams ħa ħsieb il-mużika u anki kkompona t-tema ta' Han Solo. L-eks direttur Lawrence Kasdan li kiteb tnejn mill-istejjer tas-serje ‘Star Wars’, fosthom ‘The Empire Strikes Back’, meqjus minn ħafna bħala l-aħjar wieħed, u ‘Return of the Jedi’, jaf sewwa kif jiżvolġi l-karattru ta' dan il-brikkun tant ammirat u b'hekk kien il-persuna addattata li seta' jissopponi u jikteb dwar iż-żogħżija mqallba ta' mingħajr paċenzja tiegħu. ‘Solo: A Star Wars Story’ hu Western galaktiku furjuż u divertenti!

Life of the Party

Atturi Ewlenin: Melissa McCarthy; Maya Rudolph; Gillian Jacobs; Julie Bowen; Matt Walsh; Molly Gordon.

Direttur: Ben Falcone.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 115 min.

Ċert. 12A

‘Life of the Party’ hija kummiedja sfrenata oħra magħmula apposta għat-talenti ta' Melissa McCarthy, diretta minn żewġha stess, Ben Falcone. Barra minn hekk, dawn it-tnejn kitbu l-iskript u pproduċew permezz tal-kumpanija tagħhom, On the Day. Deanna Miles (McCarthy) hija mara ddedikata tad-dar u kważi protettiva żżejjed ma' bintha, Maddie (Gordon), u ġieli timbarrazzaha meta tkun ma' ħbiebha. Il-qatgħa ta' ħajjitha tasal meta r-raġel tagħha Dan (Walsh) dlonk jgħidilha li jrid jiddivorzjaha. Wara din il-ħasda, tiġi f'sensieha u minflok tagħmel f'qalbha tiddeċiedi li, minkejja l-età tagħha, terġa' tmur lura fil-kulleġġ għall-klassi tal-arkeoloġija. B'kumbinazzjoni tinzerta fl-istess skola u klassi ta' bintha li ma tantx tieħu pjaci b'dan. Meta t-tifla tara li ma tistax teħles minn minnha, timbarka ruħha biex tagħmel lil ommha persuna attraenti. U hawn jibdew il-bużulotti tagħha, issa bl-isem ta' Dee Rock. Hi tipprova taġixxi ta' adoloxxenti, mhux dejjem b'suċċess u anki ssib min jieħu grazzja magħha, minkejja differenza notevoli fl-età. ‘Life of the Party’ għandu l-ingredjenti kollha ta' kummiedja mexxejja u spirituża, bħas-soltu mgħejjuna mill-mutetti eċċentrici ta' din l-imbaċċa attriċi. Il-kantanta Christina Aguilera tidher tkanta f'sekwenza qasira.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook