Din il-ġimgħa titlifx dawn il-films

Aqra aktar dwar il-films li jispikkaw matul din il-ġimgħa

Pacific Rim Uprising

Atturi Ewlenin: John Boyega; Scott Eastwood; Jing Tian; Cailee Spaeny; Rinko Kikuchi; Charlie Day.

Direttur: Steven S, DeKnight.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 111 min.

Ċert. 12A

L-ewwel darba li l-belt Ġappuniża ta' Tokjo nqerdet minn mostru ggantesk kien f'‘Godzilla’ (Gojira) tal-1954. Dan kien allegorija għall-qerda tal-bliet ta' Hiroshima u Nagasaki b'bombi atomiċi fl-1954. Wara li dehru ruxxmata ta' films oħra ta' dan it-tip fejn Godzilla sar alleat tal-umanità jeħodha ma' mostri diversi oħrajn. fl-2013 ħareġ il-film ‘Pacific Rim’ fejn minn qasma mill-qiegħ profond tal-oċean ħarġu mostri nvincibbli (Kaigu) li kkaġunaw ħsara tremenda. Is-‘sequel’, ‘Pacific Rim Uprising’ jiżvolġi għaxar snin wara b'razza ta' żgħażagħ suldati/piloti Jaegar (li jsuqu mostri tal-ħadid) jittrenjaw bis-sħiħ f'każ li terġa' tinqala' emerġenza kbira bħal ta' qabel. Fost dawn insibu lil Jake Pentecost (Boyega), tifel ta' missier leġġendarju li ta ħajtu fil-battalja kontra l-Kaiju. Jake issa qabad ħajja pjuttost kriminali, imma meta minn qasma oħra fl-oċean Paċifiku joħorġu aktar mostri ta' qawwa iprem, jħoss id-dover jgħajjatlu. Ma' Jake hemm oħtu, Mako Mori (Kikuchi) li tipperswadih jgħin u li hi l-mexxejja ta' dawn il-piloti mplakabbli u kuraġġużi, Lambert (Eastwood), suldat ieħor ta' abbilità u l-imqarba u spirituża Amara (Spaeny), tfajla ta' 15-il sena. Dawn l-eroj kollha tal-Pan Pacific Defence Corps se jkollhom x'jagħmlu ħafna meta jippruvaw iwaqqfu l-Kaiju milli jwittu lil Tokjo. ‘Pacific Rim Uprising’ hu mimli effetti vizzwali speċjali vividi, bil-qofol tiegħu fl-aħħar nofs siegħa fejn l-‘iskyscrapers’ ta' Tokjo jiġġarrfu b'faċilità kbira fl-invażjoni ħarxa li sseħħ.

A Wrinkle in Time

Atturi Ewlenin: Storm Reid; Levi Miller; Deric McCabe; Reese Witherspoon; Chris Pine; Oprah Winfrey; Mindy Kaling.

Direttrici: Ava Du Vernay.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 109 min.

Ċert. P.G.

Fl-1962, in-novella mmirata għall-addoloxxenti ta' Madeleine L'Engle, awtrici ta' kotba għat-tfal, ‘A Wrinkle in Time’, mill-ewwel akkwistat fama ta' xogħol litterarju klassiku. Tant dan il-volum baqa' jakkwista popolarità li fil-preżent inqaleb f'35 lingwa u nbigħu miljuni ta' kopji. Il-kumpanija Disney qed tirritorna, wara diversi films animati jew tas-supereroj Marvel, għall-produzzjoni tal-familja b'‘A Wrinkle In Time’. Wara li missierha sparixxa, Meg Murry (Reid) baqgħet tgħin ma' ommha u ħuha, Charles Wallace (McCabe). Ġurnata waħda, Charles jippreżenta lil Meg u Calvin (Miller), sieħbu tal-iskola, lil tliet gwidi divini, is-Sinjura Mrs. Which (Winfrey), is-Sinjura Mrs. Whatsit (Witherspoon) u s-Sinjura Mrs. Who (Kaling). Iggwidati minn dawn it-tliet esseri nisa celestjali, Meg u Calvin jimbarkaw fuq avventura fantastika matul il-medda taż-żmien biex jippruvaw isibu lil Dr. Alex Murry (Pine), il-missier ta' Meg u jisfrattaw minaċċa perikuluza. ‘A Wrinkle In Time’ jeħodna fuq vjaġġ inkredibbli kif ukoll emozzjonanti, f'xenarju verament spettakuluz u f'dinja ta' ambjent u atmosfera estetika u ta' fantasija epika. It-temi diversi esibiti matul il-vjaġġ tat-tifla kuraġġuża juri kemm dan ix-xogħol, bħall-ktieb, hu rikk u mimli dettalji viżwali kuluriti.

Peter hu aktar prużuntuż, kuraġġuż u deċiż li jidħol għal kull sitwazzjoni bla ma jaħsibha darbtejn u Kyle b'tendenza li jżomm lura.

Ready Player One

Atturi Ewlenin: Tye Sheridan; Olivia Cooke; Ben Mendelsohn; T. J. Miller; Simon Pegg; Mark Rylance.

Direttur: Steven Spielberg.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 140 min.

Ċert. 12A

Din id-darba Steven Spielberg medd idu għal xogħol tax-xjenza fittizja fil-kategorija magħrufa bħala ‘virtual reality’ (realtà immaginattiva). Fil-futur, fl-2045 id-dinja tagħna hi post diffiċli li tgħix fiha wara ħerba globali. Fil-ftuħ, naraw liż-żagħżugħ Wade Watts (Sheridan) jgħaddi minn qalb ħafna tifrik ta' metall, ġebel, eċċ., li kważi jinblokka t-triq, biex imur f'post jismu OASIS, fejn il-maġġoranza taċ-ċittadini jgħaddu ħinhom, biex jinsew il-miżerja ta' madwarhom. F'dan il-lokal, wieħed fl-immaġinazzjoni tiegħu jista' jmur fejn jixtieq, jagħmel li jrid u jassumi persuna jew pożizzjoni ta' dak li jixtieq. Ix-xjentist eċċentriku James Halliday (Rylance) ħalla l-fortuna kbira tiegħu u l-kontroll totali ta' OASIS lir-rebbieħ ta' kompetizzjoni maqsuma fi tliet partijiet, biex b'hekk isib werriet li jixraq. Watts jirnexxielu jirbaħ l-ewwel sfida ta' din it-tfittxija li tgħawweġ ir-realtà, flimkien ma' ħamsa minn sħabu. Għall-kumplament diffiċli ta' din l-intrapriża dawn isibu ruħhom f'ħafna avventuri fantastiċi u f'univers ta' skoperta mimli perikli. ‘Ready Player One’ hu bbażat fuq il-’bestseller’ tal-istess isem ta' Ernest Cline. F’din il-produzzjoni mimlija azzjoni dwar dinja immaġinattiva diġitali, simili għall-film ‘Avatar’, jidher li ntefaq baġit enormi u dan hu ovvju għal kull minn jara dan l-ispettaklu superb.

Birth of the Dragon

Atturi Ewlenin: Phillip Ng; Xia Yu; Simon Yin; Billy Magnussen; Jingjing Qu; Jin Xing.

Direttur: George Nolfi.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 89 min.

Ċert. 12A

Fl-1964, f'San Francisco saret ġlieda leġġendarja bil-kung fu bejn Bruce Lee u Wong Jack Man. L-udjenza kienet waħda żgħira ħafna, bil-bibien magħluqa u ħadd minnhom ma' qabel x'ġara eżatt u min rebaħ. Din it-taqtigħa bidlet l-istorja tal-arti marzjali. ‘Birth Of The Dragon’ hu ispirat minn din il-ġrajja. Dik is-sena, fil-kwartieri ta' Chinatown, f'San Francisco, iż-żagħżugħ Bruce Lee (Ng) kien qed jaspira li jsir famuż bħala mgħallem tal-arti marzjali, kif ukoll bħala attur taċ-ċinema. Wara ftit, jasal ukoll f'din il-belt il-leġġendarju ġellied Shaolin, Wong Jack Man (Yu), biex josserva l-progress tal-kung fu fl-Amerika. Id-diċerija kienet li dan l-imgħallem kien irrabjat ħafna għal Bruce Lee talli qed jgħallem din id-dixxiplina lin-nies tal-Punent. Lee, li għandu skola ta' studenti li jridu jitgħallmu l-arti marzjali, jħoss ruħu mhedded bil-preżenza ta' Wong u jistiednu għall-ġlieda kolossali għas-supremazija. It-Triad Ċiniżi (mafja) wkoll isiru jafu b'din il-ġlieda sigrieta. Fost l-istudenti ta' Lee hemm Steve McKee (Magnussen) li sar iħobb lil Xiulan (Qu) li sservi f'ristorant u li tixtieq teħles mill-kontroll ta' zijitha, il-kattiva Auntie Blossom (Xing), kap ta' grupp tal-mafja Ċiniża. Il-kariżma ta' Bruce Lee, kważi ħamsin sena wara mewt ħesrem, għadha tiddomina u anki taspira l-produtturi tal-films. Phillip Ng jipprova mill-aħjar li jista' jimita l-ġesti u l-manjieri ta' Bruce Lee fl-azzjoni tal-ftit films li ħadem u mhux dejjem jikkonvinċi. Minn din il-ġlieda epika misterjuża li hawn min jgħid li damet tliet minuti biss, waqt li oħrajn isostnu li ġebbdet mal-25 minuta, Bruce Lee li wara xi snin addotta stil ġdid ta' arti marzjali, akkwista t-titlu ta' ‘The Dragon’.

Monster Family

Vuċijiet Ewlenin: Emily Watson; Nick Frost; Jason Isaacs; Jessica Brown Findley; Celia Imrie.

Direttur: Holger Tappe.

Maħruġ minn Side Street Films, Eden cinemas.

Tul: 96 min.

Ċert. PG

‘Monster Family’ hu film animat, b'karattru bħal Dracula u bis-sefturi tiegħu friefet il-lejl. Madanakollu, din il-produzzjoni hi forma ta' kummiedja addattata għall-familja kollha. Fil-qalba ta' dan il-film li hu magħruf ukoll bħala ‘Happy Family’, insibu lill-familja Wishborne. Emma (vuċi ta' Waison) l-omm li tagħti l-impressjoni li għandha xorti ħażina tigri warajha meta fi triqtha lejn il-ħanut tal-kotba tagħha, l-isfortuni ma jonqsux. Ir-raġel Frank (Frost) tant jgħabbuh b'xogħol li kuljum jispiċċa bla enerġija fi stat ta' rqad. It-tifel Max hu l-mira tal-bulijiet fl-iskola u oħtu Fay (Brown Findley) hi vulgari, sarkastika u moħħha fis-subien. Meta bi żball Emma ċċempel lill-Konti Dracula (Isaacs) minflok il-ħanut tal-kostumi tal-mostri, dan il-vampir li hu mdejjaq waħdu, jieħu interess kbir fiha. Wara li l-familja liebsa l-kostum jattendu għaż-żfin, permezz tas-saħħara Baba Yaga (Catherine Tate) jinbidlu f'mostri rinomati. Emma ssir vampira u Dracula tassew ikun ferħan. ‘Monster Family’ għandu animazzjoni vivida b'kuluri qawwijin, jiżvolġi b'enerġija furjuża, sikwit jaqleb minn sekwenza għall-oħra u viċi-versa, b'karattri li dejjem joħolqu xi tbissima. Il-ftuħ, bi tliet friefet illejl sfrenatament idoqqu l-orgni b'manija soda jissatirizza lill-film tal-biża' ‘The Abominable Dr. Phibes’ (1971), bl-attur Vincent Price. Din hi produzzjoni Brittanika/Ġermaniża.

Duck Duck Goose

Vuċijiet Ewlenin: Jim Gaffigan; Zendaya; Greg Proops; Lance Lim; Natasha Leggero.

Direttur: Chris Jenkins.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 82 min.

Ċert. U

Wiżż kbir u żewġ papri orfni b'għajnejn kbar huma l-protagonisti tal-film ħelu animat tassew addattat għall-familji f'dawn il-vaganzi tal-Għid, ‘Duck Duck Goose’. Il-qofol ta' din il-produzzjoni hu vjaġġ skabruż f'panorama ta' sbuħija naturali qalb muntanji u għadajjar, ġo foresti tal-qasab, għerien ta' rħam u widien baxxi bi xmajjar, li dan it-trio jkollhom jagħmlu. Peng (vuċi ta' Gaffigan), wiżż kbir, minħabba aċċident ma jkunx jista' jtir u jsib ruħu f'komunità ta' żewġ gruppi ta' wiżż li jżommu għalihom. Ta' spirtu ndipendenti jħobb jgħix mingħajr ma jintrabat ma' ħadd. Imma wara li jsalva żewġ papri żgħar, ċkejknin u ħelwin, Chi u Chao (Zendaya u Lim) mill-minaċċi ta' Banzou (Proops), qattus feroċi li assolutament irid jaħtafhom, dawn iż-żewġ orfni jinkarmu miegħu qisu xi ġenitur. Bix-xitwa riesqa, iż-żewġ qatgħet ta' wiżż jittajru lejn postijiet aktar sħan, waqt li Peng u l-frieħ jitilqu fuq vjaġġ, bil-qattus dejjem isus warajhom biex jikolhom u bil-wiżż ma jridx juri li hu ferut u ma jistax itir. ‘Duck Duck Goose’ hu xogħol ġenjali għaż-żgħar, b'waqtiet sentimentali, umoristici u li jmissu l-emozzjoni.

More in Divertiment