Aktar minn 15-il sena jistennew il-warrant

Minkejja li l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali daħal fis-seħħ fl-2002, professjonisti fil-konservazzjoni ilhom aktar minn 15-il sena jistennew li jingħataw warrant

Minkejja li l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali tal-2002, jgħid iswed fuq l-abjad li “ħadd ma għandu  jeżerċita  l-professjoni  ta’ konservatur-restawratur kemm-il darba ma jkunx id-detentur ta’ warrant,” ir-restawraturi professjonisti Maltin ilhom aktar minn 15-il sena jistennew li jingħataw il-warrant.

Restawraturi professjonisti huma kkwalifikati mill-Università iżda l-professjoni tagħhom għadha mhix rikonoxxuta b’warrant kif inhuma rikonoxxuti professjonisti oħra bħalma huma t-tobba u l-avukati.

James Licari, President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Konservaturi-Restawraturi Professjonali (MAPCo-Re), spjega li bħalissa, qed jitħejjew emendi għal dan l-Att, fosthom anke dwar l-għoti tal-warrant lill-professjonisti fil-konservazzjoni.

Dawn l-emendi u emendi oħra għall-istess Att, bħalissa jinsabu quddiem l-Avukat Ġenerali. Licari saħaq li jekk ikunu approvati l-emendi, ma għandu jkun hemm xejn iżjed xi jżomm lura l-għoti tal-warrant lill-professjonisti fil-konservazzjoni.

L-Assoċjazzjoni kienet involuta f’dawn l-emendi u fost oħrajn, ssuġġeriet tibdiliet fil-klawsola li titkellem dwar l-għoti tal-warrant lil min possibbilment kien jipprattika ‘etikament’ bħala konservatur-restawratur qabel ma fetaħ il-kors Universitarju fl-1999 u li ma jissodisfax dispożizzjonijiet oħra. L-Att oriġinali jgħid li persuna trid tkun ipprattikat din il-professjoni, f’Malta jew barra minn Malta, għal perjodu ta’ 15-il-sena qabel l-1 ta’ Jannar tas-sena 2000. L-Assoċjazzjoni wara li ltaqgħet u ddiskutiet ma’ diversi persuni, li kienu jipprattikaw etikament qabel ma kellhom iċ-ċans li jirċievu edukazzjoni formali, qed tipproponi li dan il-perjodu jinbidel għal 20 sena minn meta tidħol fis-seħħ l-emenda.

Biex jingħataw il-warrant dawn ir-restawraturi għandhom jipprovdu evidenza dokumentata li skont Licari, kull restawratur għandu jżomm dwar kull xogħol li jaħdem fuqu.

Dwar dan, l-ILLUM tkellmet ukoll mal-Kap tad-Dipartiment tal-Arti u l-lstorja tal-Arti tal-Università ta’ Malta, il-Professur Keith Sciberras, li spjega kif hu favur li l-konservaturi professjonisiti jingħataw il-warrant, iżda saħaq li dan ma għandux ifisser li l-konservatur jingħata d-dritt esklussiv li jmexxi proġett ta’ restawr.

Fi kliemu, proċess ta’ konservazzjoni huwa proġett ta’ studju u riċerka u għalhekk għandu jinkludi tim ta’ professjonisti, inkluż il-konservatur, iżda anke storiċi tal-arti, xjentisti, arkeoloġistiċi u professjonisti oħra, li kollha jkollhom sehem attiv fil-proġett.

Skont Licari, dan ma għandux ikun problema għax proġett ta’ konservazzjoni huwa dejjem immexxi minn konservatur professjonista iżda miegħu nkun hemm involut tim multidixxiplinarju li jinkludi professjonisti oħra fosthom dawk li semma l-Professur Sciberras.

Is-sena li għaddiet, waqt diskussjoni mis-sensiela ‘Gvern li Jisma’,’ il-Ministru Owen Bonnici kien qal li hu jaqbel li tingħata din il-warrant, iżda qal ukoll li l-Gvern qed jikkunsidra wkoll il-pożizzjoni ta’ dawk li ma jaqblux.

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Konservaturi-Restawraturi Professjonali hija ffurmata mill-maġġoranza tal-professjonisti li jaħdmu f’Malta. Kull membru jimxi mal-linji gwida tal-Konfederazzjoni Ewropea tal-Organizzazzjonijiet tal-Konservaturi-Restawraturi Professjonali (ECCO).

F’April li ġej, din il-konfederazzjoni se tkun qed tlaqqa’ l-Assemblea Ġenerali tagħha f’Malta fil-Belt Valletta li tul din is-sena qed iġġorr it-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Nhar il-Ħadd li ġej, l-ILLUM se tkompli tirrapporta dwar dan u anke tiltaqa’ ma’ Valentina Lupo, restawratriċi professjonista li tisħaq dwar id-differenza li għandha ssir bejn restawr u konservazzjoni u l-ħsara rriversibbli li tista’ ssir fuq il-patrimonju Malti jekk xogħol ta’ restawr ma jsirx b’mod professjonali.

More in Divertiment