Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Films li għandek tara din il-ġimgħa

Carmel Bonnici jispjegalek il-films li għandek tara din il-ġimgħa

Carmel Bonnici / 19 ta' Frar 2018 09:12
12 Strong

Atturi Ewlenin: Chris Hemsworth; Michael Shannon; Michael Pena; Trevante Rhodes; Navid Negahban.

Direttur: Nicolai Fugisig.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 132 min.

Ċert. 15

Il-mod super spettakulari u elaborat ta' kif tiżvolġi l-azzjoni tal-gwerra fid-deżert tal-Afganistan, speċjalment il-bumbardamenti mill-ajru, fi ‘12 Strong’ fakkruni fil-block busters ta' Jerry Bruckheimer. Infatti, ma mortx żmerċ, għax Bruckheimer hu wieħed mill-produtturi ta' dan ix-xogħol. L-Amerika kienet għadha mheżża mill-attakk terroristiku tal-11 ta' Settembru 2001, meta fil-ġranet ta' wara forza speċjali ta' suldati Amerikani, immexxija mill-Kaptan tagħhom, Mitch Nelson  (Hemsworth), joffru minn jeddhom li jmorru jiġġieldu lit-Talibani u lill-alleati tagħhom Al Qaeda fl-Afganistan. Dan il-grupp ta' 12-il suldat, imħarrġa għal kull sitwazzjoni diffiċli li tista' tinqala', ħallew lill-familji tagħhom biex, f'post ta' kundizzjonijiet mill-agħar, jikkonvinċu lill-Ġeneral Abdul Rashid Dostum  (Nagahban) jingħaqad magħhom kontra għadu li ma jiħux priġunieri. Din id-darba, l-uniku mezz li setgħu jikkonfrontaw lill-oppożizzjoni krudili hu li jimitaw lis-suldati Afgani rekbin iż-żwiemel. ‘12 Strong’ jirranka b'qawwa tremenda fil-battalji f'terran aħrax, b'mod enfatiku, b'tattiċi li l-Amerikani mhumiex imdorrijin bihom f'taqtigħat moderni, qisu xi Western ta' John Ford fejn tidħol is-‘7th Cavalry’, kontra għadu ta' superjorità numerika. Fl-ispazju fejn kien hemm it-‘Twin Towers’ jinsab monument ta' tifkira għal dawn l-eroj implakabbli.

Phantom Thread

Atturi Ewlenin: Daniel Day-Lewis; Vicky Krieps; Lesley Manville; Brian Gleeson; Gina McKee.

Direttur: Paul Thomas Anderson.

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 130 min.

Ċert. 15

Wara li daħal wara l-kwinti fin-negozju tal-iffimjar tal-pornografija f'Los Angeles f’ ‘Boogie Nights’  (1997), wara li wriena l-kilba tas-sejbien taż-żejt x'iġġib fil-bniedem f'‘There Will Be Blood’  (2007, kif ukoll il-ħajja bla direzzjoni taċ-ċerti ndividwi f'‘Magnolia’  (1999), id-direttur vizzjonarju u sorprendenti Paul Thomas Anderson, ħareġ mill-Istati Uniti u bbaża l-aħħar film tiegħu ‘Phantom Thread’ f'Londra ta' wara l-gwerra fid-dinja tal-‘alta moda’. Jiddominaw dan in-negozju nsibu lil Reynolds Woodcock  (Day-Lewis), mgħejjun tajjeb ferm minn oħtu, Cyril (Manville) tal-famuża House of Woodcock. Reynolds, li libbes personaġġi rjali, atturi tal-palk u ċ-ċinema, nisa tas-soċjetà għolja u oħrajn ta' sbuħija naturali, qatt ma ħalla s-sess femminili jirkbu u baqa' ġuvni, kultant b'xi waħda minnhom takkumpanjah għal xi attività importanti. Meta darba kien qed jiekol f'ristorant fil-kampanja, tfeġġ waħda, Alma (Krieps) li servietu, tfajla ta' sbuħija delikata, bi tbissima ħelwa però' ta' rieda soda. Hu jistedina biex timmudella għalih u malajr issir l-ispirazzjoni tiegħu u anki l-maħbuba, tant li jiżżewwiġha kontra x-xewqa t'oħtu. Minn hawn, il-ħajja tant imfassla perfetta tiegħu titfarrak bil-kbir. Reynolda u Alma, f'attentat li jippreżervaw l-imħabba tagħhom, jikkumbattu bejniethom biex jippruvaw jifhmu lil xulxin, waqt li Cyril trid iżżomm l-isem tajjeb ta' House of Woodcock fuq pedestal. Għal darb'oħra, Daniel Day-Lewis, b'parti ntensa bħal dik għall-istess direttur f'‘There Will Be Blood’, jerġa’ jipproġetta persuna ta' wieħed diffiċli li tgħix miegħu u biex tikkontrollah. B'mużika tassew evokattiva ta' Jonny Greenwood li ddaħħlek fl-ispirtu tal-istorja u kostumi eleganti, ‘Phantom Thread’ jiżvolġi fil-vena ta' film romantiku gotiku.

The 15:17 to Paris.

Atturi Ewlenin: Anthony Sadler; Alek Skarlatos; Spencer Stone; Judy Greer; Jenna Fischer.

Direttur: Clint Eastwood.

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 94 min.

Wara li ġab stejjer veri fuq il-liżar ċinematografiku bħal ‘American Sniper’ u ‘Sully’, għat-tielet darba fi żmien mhux twil, id-direttur Clint Eastwood qed jirrakkonta ġrajja oħra tal-passat riċenti bil-film ‘The 15:17 To Paris’. Kien fil-lejla tal-21 ta' Awwissu 2015 li tliet żgħażagħ turisti Amerikani kuraġġużi rnexxielhom irażżnu attakk terroristiku fuq ferrovija sejra minn Amsterdam għal Pariġi. B'hekk huma salvaw il-ħajja ta' aktar minn 500 ruħ u anki ġew dekorati mill-gvern Franċiż, billi l-assalt sar fuq din l-art, u wara minn dak Amerikan. Dan il-film jiffoka fuq dawn it-tliet eroj sa minn mindu kienu tfal imqarbin fl-iskola. Meta kibru, tnejn minnhom daħlu fis-servizz. Matul l-andament, f'xi sekwenzi qosra u mhux spissi, nilmħu partiċelli żgħar ta' dan l-attakk għall-għarrieda sakemm lejn il-final naraw x'ġara tassew. Dawn it-tliet qalbenin, Anthony Sadler, Alek Skarlatos u Spencer Stone jaħdmu l-parti tagħhom stess, bil-film ikun ibbażat minn fuq il-ktieb miktub minn dan it-trio wkoll. Eastwood stess stqarr li jħobb jiffilmja stejjer ta' nies ordinarji li ffaċċjati mill-biża' u periklu iminenti jaġixxu, f'ħakka t'għajn, b'manjiera straordinarja, kif ukoll li jġib għall-pubbliku ġrajjiet ta' benefiċjenza għalihom.

Lover for a Day

Atturi Ewlenin: Eric Caracava; Esther Garrel; Louise Chevillotte; Paul Toucang; Felix Kysyl.

Direttur: Philippe Garrel.

Maħruġ minn SIDE STREET Films, Eden Cinemas.

Tul: 76 min.

Ċert 15.

B’manjiera kostretta, b'xeni qosra, mingħajr użu ta' kulur però bi proċess ta' liżar wiesa' u b'ħin ta' ħafna inqas minn siegħa u nofs, id-direttur Franċiż Philippe Garrel sawwar film sostanzjali dwar relazzjonijiet romantici u l-ksur ta' malajr tagħhom. ‘Lover for a Day’  (ismu propja ‘L Amant d'un Jour’) fil-maġġoranza tiegħu jiffoka biss fuq erba' karattri. L-atmosfera ta' dan il-film hi pjuttost melankonika, kif ukoll xi daqsxejn dipressanti. Matteo  (Youcang), il-maħbub ta' Jeanne  (Garrel), mingħajr ebda raġuni jitlaqgħha, u hi b'qalbha sewda tmur fid-dar ta' missierha, Gilles  (Caracava). Dan il-professur tal-filosofija jinsab f'relazzjoni sigrieta ma' Ariane  (Chevillotte), studenta tiegħu ta' qabel li spiss tfittex relazzjonijiet sesswali tal-mument ma' oħrajn tamparha. Wara bidu diffiċli, iż-żewġ nisa jagħmlu ħbieb. Dwar relazzjonijiet barranin oħrajn, bejn Gilles u Ariane hemm ftehim li t-tnejn huma liberi li jaġixxu kif iridu basta jżommu dawn l-inkontri sigrieti. Jeanne għadha tħobbu ħafna lil Matteo u taħsibha jekk tagħmilx suwiċidju, waqt li Gilles jaqbad lil Ariane fil-fatt f'relazzjoni sesswali ma' ħaddieħor. Kif se jaġixxu wara dawn l-erba' karattri maqbudin f'morsa? ‘Lover for a Day’ li hu bis-sotto titoli jirriżulta li jitfa' dubji, apatija u bruda f'dawn l-istess relazzjonijiet indiskreti.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook