Films li tistgħu taraw din il-ġimgħa

Aqra aktar dwar il-films li tista' tara din il-ġimgħa

Għal dawn l-aħħar tliet snin, fi Frar, kull meta toqrob il-festa ta' San Valentinu, l-udjenzi taċ-ċinema, il-maġġoranza tagħhom dawk femminili, jistennew bil-ħerqa film mit-triloġija ‘Fifty Shades...’ minn novella erotika ta' E. L. James. Dan il-fenominu, fiż-żewġ episodji ta' qabel daħħal mad-950 miljun dollari globalment. Issa, wasal il-final ‘Fifty Shades Freed’ li jkompli jespandi fuq l-avvenimenti li ġraw fil-films tal-2015 u l-2017. Jidher li fl-aħħar Christian Gray  (Dornan) u Anastasia Steele  (Johnson) sabu l-armonija perfetta fl-imħabba ta' bejniethom. ‘Fifty Shades Freed’ jiftaħ biċ-ċerimonja opulenti u lussuża tat-tieġ tagħhom u l-‘Honeymoon’ mill-aqwa li għaddew fil-bliet tal-Ewropa li jkompli jimla lil din il-koppja żagħżugħa b'fervur kbir romantiku. Ladarba lura fir-rutina tas-soltu, hu ovvju li għadhom imħajrin sewwa għal-logħob erotiku ta' qabel. Ix-xitan ideffes denbu f'nofshom meta Jack Hyde (Eric Johnson), li kien jaħdem u joħroġ ma' Anastasia u li safa mkeċċi mix-xogħol minħabba aġir mhux xieraq lejha, jinsab mimli sogħba u qed ifittex vendetta. Din id-darba, iż-żewġ protagonisti tassew jiddominaw din il-produzzjoni f'ambjent ta' lussu u rikkezza, b'xi mumenti ta' azzjoni u vjolenza. Forsi għeluq xieraq ta' saga li verament attrattat maħbubin żgħażagħ.

Tad The Lost Explorer: The Secret of King Midas

Vuċijiet Ewlenin: Oscar Barberan; Michelle Jenner; Luis Posada; Adriana Ugarte; Miguel Angel Jenner.

Diretturi: David Alonso u Enrique Gato.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 85 min.

Ċert U

‘Tad the Lost Explorer: The Secret Of King Midas’ hu film animat u avventuruż, minn Spanja, fejn l-avventuri ta' Tadeo Jones tassew għamlu suċċess f'dan il-pajjiż u f'postijiet oħra, fosthom l-Amerika Latina, iċ-Ċina u anki l-Ewropa. It-tema ta' din il-produzzjoni hi li r-Re Midas, dak li kulma kien imiss kien isir deheb, verament eżista. L-arkeoloġista Sara Lavrof tiskopri wieħed mit-tliet ċrieket tiegħu. Tad, li jammiraha, imur Los Angeles għall-esebizzjoni ta' din is-sejba. Kollox imur żmerċ meta l-viljakk Jack Rackham u n-nies tiegħu lebsin pulit ta' wejters, jaħtfu lil Sara bit-tir li jakkwistaw it-tliet ċrieket biex ikollhom l-istess poter tar-Re Midas. Tad, li wara jrid jopera aktar bil-għaqal, jivvjaġġa matul Spanja, il-Greċja u t-Turkija flimkien ma' sħabu, il-Mummy, Belzoni l-pappagall u l-kelb fidil tiegħu Jeff, fejn jgħaddu minn ħafna avventuri ta' riskju, anki taħt l-ilma, biex isalvaw lill-ħabiba tagħhom. Din il-produzzjoni hi mogħnija b'animazzjoni vivida u sodisfaċenti, b'mużika tal-widna u b'kanzunetti popolari. Xalata għat-tfal fi żmien il-Karnival!

More in Divertiment