Jgħajjtu x-xjuħ u jgħajjtu t-tfal...darba mietu n-nies fil-Karnival

Clifford Galea jirrakkonta ġrajja li ġrat fil-Karnival u li ftit li xejn jafu dwarha nies

Tfal lebsin tal-Karnival fis-seklu 19
Tfal lebsin tal-Karnival fis-seklu 19

Għalkemm il-Karnival ta’ Malta għal mijiet ta’ snin dejjem kien marbut ma’ żmien sabiħ ta’ briju u xalar fil-Belt Valletta, partikolarment għat-tfal u ż-żgħażagħ, sfortunatament insibu wkoll Karnival traġiku li seħħ fl-istess belt kważi mitejn sena ilu. Qed nirreferi għal ġrajja li seħħet fil-Karnival tal-1823, propju bħal-lum fil-11 ta’ Frar u li fiha numru kbir ta’ tfal mietu fil-Kunvent tal-Franġiskani, fil-Belt Valletta.

Minn riċerka li għamlet dwar din il-ġrajja, Fiona Vella,  irnexxielha ssib ħafna mid-dettalji dwar dan l-inċident li jinsabu miġbura fl-arkivji tal-Librerija Nazzjonali tal-Belt. Għal bidu, l-aħbar ta’ din it-traġedja twasslet permezz ta’ nota miktuba mis-Segretarju Prinċipali tal-Gvern, Richard Plasket, fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta (Num. 557) tal-14 ta’ Frar 1823. F’din l-aħbar huwa jinforma dwar il-ħatra ta’ inkjesta dwar dan il-każ. Id-dettalji kollha mbagħad insibuhom imniżżla fis-Suppliment tal-istess ġurnal li jġib l-istess data msemmija tal-14 ta’ Frar.

Fil-kitba dettaljata tiegħu, is-Segretarju Prinċipali jinkludi ħafna informazzjoni li waslet għandu minn tagħrif li wassallu mingħand l-Isqof ta’ Malta; mix-xiehda ta’ persuni li dehru quddiem il-Maġistrat tal-Pulizija (fosthom kemm familjari tal-vittmi kif ukoll individwi oħra li kienu preżenti meta seħħ dan l-inċident), u kif ukoll minn rapport mediku relatat mal-każ.

Jibda billi jispjega l-oriġini ta’ din il-ġrajja u jsemmi illi f’dawk l-aħħar snin, f’Malta, kienet nibtet id-drawwa li fl-aħħar jiem tal-Karnival, jinġabru għadd ta’ subien tal-età bejn it-8 u l-15-il sena l-parti l-kbira minnhom ġejjin mill-partijiet il-fqar tal-inħawi tal-Belt u tat-Tliet Ibliet (Bormla, l-Isla u l-Birgu). Dawn it-tfal kienu jipparteċipaw f’din l-attività minn jeddhom.  Ġeneralment kienu jinġabru f’purċissjoni u wara li jittieħdu l-Furjana jew fil-viċinanzi biex jisimgħu quddiesa kienu jingħataw xi ħobż u frott. Dan l-ikel kien jiġi pprovdut permezz ta’ ftehim li kien isir apposta bejn il-gvern u xi benefatturi. L-għan ewlieni ta’ din l-attività kien biex iżomm lit-tfal ’il bogħod mill-ġlied u mill-konfużjoni tal-Karnival li kien popolari mhux ħażin f’dawk iż-żminijiet fl-ibliet imsemmija. L-arranġamenti għal din il-purċissjoni kienu jsiru mid-Diretturi Ekkleżjastiċi responsabbli mill-Istituzzjoni li kienet tgħallem il-katekiżmu.

Mid-dehra nhar il-10 ta’ Frar 1823, skont kif kienet it-tradizzjoni, xi tfal ittieħdu jisimgħu quddiesa l-Furjana u mbagħad twasslu lejn il-Knisja ta’ Ġieżu fil-Belt fejn hemmhekk ingħatalhom xi ħobż u frott, mingħajr ma nqala’ l-ebda inċident.

Iżda l-istess pjan sfratta għalkollox l-għada, meta minkejja li din l-attività kienet ippjanata li tirrepeti ruħha bla problemi, numru ta’ żbalji, wasslu għal traġedja kbira li ħadd qatt ma basar li setgħet tiġri.

Fil-bidu, nhar il-11 ta’ Frar 1823, kollox mexa ħarir u kif suppost. It-tfal inġabru bħal-lejliet u ttieħdu jisimgħu l-quddies il-Furjana. Però jidher li din id-darba, iċ-ċerimonja ntemmet siegħa wara li suppost u għalhekk meta dawn it-tfal twasslu sal-Knisja ta’ Ġieżu, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival kienu laħqu spiċċaw. B’hekk, il-wasla tagħhom ħabtet fl-istess ħin meta n-nies li kienu qed jieħdu sehem fil-briju tal-Karnival, bdew jirritornaw lejn djarhom. Id-diżastru nqala’ meta numru ta’ tfal u adulti oħra li saru jafu b’din l-attività f’Ta’ Ġieżu, tħalltu bil-moħbi mat-tfal l-oħra ġejjin mill-Furjana, bil-ħsieb li anki huma jieħdu xi ħaġa mill-Kunvent.

Skont il-pjan li kien jiġi segwit is-soltu, is-subien kienu jidħlu mill-bieb tas-sagristija tal-Kunvent ta’ Ġieżu u joħorġu mill-bieb ta’ faċċata li kien jagħti għal Strada Sant’Ursula. Hemmhekk kienu jingħataw il-ħobż u l-frott. Biex ikun evitat li xi tfal jidħlu darbtejn, kienu jitħallew jistennew f’kuritur u l-bieb tas-sagristija kien jingħalaq warajhom.

Ġara li f’din il-ġurnata tal-1823, il-bieb tas-sagristija tħalla miftuħ aktar mis-soltu peress li kienu qed jistennew lit-tfal ġejjin mill-Furjana, bil-konsegwenza li nies oħra, minbarra t-tfal li kienu intitolati, baqgħu deħlin ġewwa. Riżultat t’hekk, minflok il-madwar mitt tifel, li kien ikun hemm is-soltu, inġabar ammont ħafna akbar ta’ nies. Kulma jmur, din il-folla bdiet timbotta lit-tfal li kien hemm aktar ’il quddiem bil-konsegwenza li dawn bdew jingħafsu kontra bieb li kien inżamm nofsu magħluq, biex it-tfal joħorġu minnu wieħed wieħed.

Kif sar il-ħin, min kien responsabbli li jagħlaq, sakkar il-bieb tas-sagristija u peress li kien diġà qed jidlam, ma ndunax li kien irnexxielha tidħol miġemgħa mhux mistennija. Biex tkompli tgħarraq is-sitwazzjoni, lampa li s-soltu kienet titħalla mixgħula f’dan il-kuritur, jidher li ntfiet, u kulħadd spiċċa fi dlam ċappa.

B’riżultat t’hekk in-nies li kienu nġabru hemm bdew jimbuttaw lil xulxin biex jippruvaw joħorġu mill-bieb l-ieħor, u t-tfal li kienu l-eqreb ta’ dan il-bieb, tgerrbu fit-tmien tarġiet li kienu hemm biswit l-entratura, u waqgħu fuq xulxin. Issa, l-uniku bieb minn fejn setgħu joħorġu, safa mbarrat ukoll u minħabba li dan kien jinfetaħ ’il ġewwa, żied sew il-paniku.

Dawk li kienu fuq barra jqassmu l-ħobż u l-frott lit-tfal jirrakkuntaw li bdew jisimgħu twerżiq kbir mit-tfal li nqabdu f’dan is-saram. L-għajjat tant kien qawwi li wasal anki għand il-ġirien tal-madwar u minnufih in-nies ħarġu biex jaraw x’ġara u biex jagħtu l-għajnuna li setgħu. L-ewwel reazzjoni kienet li jippruvaw jiftħu n-nofs l-ieħor tal-bieb li kien jagħtu fuq Strada Sant’Ursula iżda peress li kellu t-tfal mixħutin fuqu dan ma seta’ jinfetaħ b’xejn. Jidher li xi wħud ġrew lejn is-sagristija biex isibu ċ-ċavetta tal-bieb l-ieħor u meta għamlu dan, huma raw kif daħlu minn fost in-nies li kien hemm fil-kuritur biex jippruvaw jilliberaw lit-tfal mill-bieb ta’ wara. Imma sfortunatament, għal ċerti tfal, kien diġà tard wisq!

Ftit wara numru ta’ tfal inħarrġu barra t-triq mejta, oħrajn mitlufa b’ħass ħażin fuqhom u oħrajn fi stat ħażin ħafna. Il-konsegwenza kienet waħda verament traġika - 10 tifel tal-età bejn it-8 u l-15-il sena kienu tilfu ħajjithom fgati, magħfusa fl-ispazju żgħir li sabu ruħhom fih jew għax intrifsu waqt il-konfużjoni li nqalgħet.

Skont il-Gvernatur, mill-inkjesta li saret u mill-informazzjoni li nġabret, ikkonkludew li dan kien l-inċident traġiku ġie kkawżat minħabba d-dewmien fiċ-ċerimonja tal-Furjana. Dan ta lok lil dawk li kienu qed jiċċelebraw il-Karnival sabiex jingħaqdu ma’ dawn it-tfal. Raġuni oħra kienet in-nuqqas ta’ dawl fil-kuritur tal-kunvent li ċertament kompla żied il-konfużjoni. Finalment ħadd ma ġie akkużat bil-mewt ta’ dawn it-tfal peress li xejn minn dan kollu ma kien sar bil-ħsieb li joħloq din it-traġedja.

Is-Segretarju Prinċipali tal-Gvern ikompli jsemmi kif f’dik il-ġurnata sewda fl-istorja tagħna, kulħadd ikkollabora biex jgħin kif jista’. Anki l-istess familjari tal-vittmi ħallew lill-pulizija u lis-suldati jaħdmu sabiex isalvaw kemm jistgħu individwi. Fir-rapport tiegħu huwa jfaħħar ħafna lill-ġirien li għamlu minn kollox biex jagħtu daqqa t’id f’dak kollu li kien hemm bżonn.

L-istess rapport isemmi wkoll ringrazzjamenti lit-tobba u lill-infermieri li ħaffew lejn il-post biex jagħtu l-għajnuna malli semgħu bl-aħbar. Huwa wera l-gratitudni tiegħu anki lejn l-uffiċjali tal-Pulizija u lejn il-membri tar-Reġiment Royal Malta Fencible mmexxija mill-Kaptan tagħhom, il-Kurunell Markiż Giuseppe De Piro. Jikkonkludi li bis-saħħa ta’ dawn kollha, il-konsegwenzi ta’ din it-traġedja tnaqqsu drastikament.

Din il-ġrajja titfa’ dawl kbir fuq is-soċjetà Maltija ta’ dak iż-żmien u fuq il-faqar li kienu għaddejjin minnu ħafna mill-Maltin. B’konsegwenza ta’ din it-traġedja nazzjonali, jiem li suppost kienu ta’ ferħ u daħk fil-Karnival ta’ dik is-sena, spiċċaw ħabta u sabta f’luttu tal-waħx!

Grazzi għar-riċerka li saret nafu ħafna iktar dwar din il-ġrajja ta’ 195 sena ilu, li sservi wkoll biex tiftħilna għajnejna għal kull prekawzjoni meħtieġa li għandha tittieħed għas-sigurtà tan-nies, partikolarment f’attivitajiet kbar tal-massa bħalma huwa l-Karnival.

More in Divertiment