Rakkont | Storja li tista’ ssir tiegħek

Rakkont reliġjuż mill-pinna tal-awtriċi Marylin Bellizzi

Ħafna tfal, sa minn età żgħira jaffaxxinaw ruħhom filli jisimgħu storja. Mal-kliem “Mela darba kien hemm...” donnhom iwaqqfu widnejhom u jgħixu biss dak il-mument li jeħodhom f’dinja li joħolqu huma stess.

Dawn il-kelmiet maġiċi jidhru li jħallu impatt mhux biss fuq it-tfal imma ukoll fuq żgħażagħ, nies ta’ mezza età u saħansitra anke xjuħ. L-istejjer donnhom idaħħlu f’darhom lil kull persuna ta’ kull età.

L-aqwa storja li qatt inkitbet għadha tħalli impatt sal-lum...

Darba kien hemm wieħed li ġie maqbud, sawtuh, għajruh, neżżgħuh, beżqulu f’wiċċu u għaddewh biż-żufjett. Imma dan ma kienx biżżejjed; riedu joqtluh. Għalhekk bdew jakkużawh inġustament. Dan baqa’ sieket quddiem dawn l-akkużi foloz. Wara, dendluh ma’ salib u sammrulu jdejh u riġlejh. Ma kinux l-imsiemer li żammewh mas-salib, lanqas ma kienet il-biża’ mis-suldati Rumani, imma kienet biss l-imħabba lejn l-għadu - ċoé lejn dawk li b’qalb niedma jirrikorru lejh - li żammitu hemm!

Diffiċli nimmaġinaw kif wieħed jasal jagħti ħajtu għal ħabib tiegħu, aħseb u ara kemm hu ferm aktar diffiċli nimmaġinaw li mmutu għal xi ħadd li jagħmlilna d-deni! Jista’ jkun li lill-għadu tagħna bilkemm nikkunsidraw naħfrulu, aħseb u ara kemm naslu nieħdu l-kundanna tal-mewt minfloku! Imma dan hu dak li għamel Ġesù; miet għal dawk li ħafna drabi jagħżlu li jidinbu kontrih aktarx milli jagħmlu dak li jrid hu.

Miet biex ipatti hu għad-dnubiet tagħhom biex dawn, anke jekk ma ħaqqhomx, jiġu maħfura, meħlusin u liberati kompletament mill-kundanna eterna fl-infern jekk biss jilqgħu s-sagrifiċċju tiegħu. Miet għal dawk li jagħrfu li bid-dnub huma għedewwa t’Alla u allura jfittxu li jiġu paċi miegħu bl-intervent imdemmi ta’ Kristu għax jirrikonoxxuh u jemmnu fih bħala s-Sid u s-Salvatur tagħhom.

Din il-ġrajja mhix storja kwalunkwe. Hi storja affaxxinanti u meraviljuża li seħħet tassew. Hi storja speċjali tant li ħalliet u għadha tħalli mpatt, anke jekk b’mod indirett, fil-kitba ta’ diversi awturi li sservihom bħala l-punt tat-tluq. Fosthom insemmi l-istorja ta’ ‘A Tale of Two Cities’ fejn l-innoċenti jmut għall-ħati.

Hemm ukoll stejjer oħra bħal: ‘The Pilgrim’s Progress’, ‘Robinson Crusoe, ‘Carol Island’ u ‘Uncle Tom’s Cabin’. William Shakespeare ukoll jaqbad is-sinifikat tal-mewt ta’ Kristu fix-xogħol teatrali tiegħu bl-isem ‘Henry IV’.

Il-mużika, anke fiż-żminijet moderni tal-lum, għadha ttella’ fil-wiċċ din il-ġrajja tremenda li saħansitra ħalliet u għadha tħalli impatt dirett fil-ħajjiet ta’ diversi nies li fiha jpoġġu t-tama tagħhom.

Fuq kollox, hi storja li tista’ ssir tiegħek ukoll.

Fittex aktar dwarha, aqraha sew, agħtiha l-attenzjoni mistħoqqa.

Fittex laħħamha fik u għixha. Jalla tħalli impatt fuq ħajtek u anke lil hinn minnha!

More in Divertiment