Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Films ġodda li ħerġin din il-ġimgħa

Films li se jibdew jintwerew fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa

Carmel Bonnici / 21 ta' Novembru 2017 09:27
ONLY THE BRAVE

Atturi Ewlenin:  Josh Brolin;  Miles Tenner;  Jeff Bridges;  James Badge Dale;  Jennifer Connolly

Direttur:  Joseph Kosinski

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 133 min.

Ċert.:  12A

Ix-xogħol tal-pumpiera huwa wieħed ta' sogru kbir.  L-imwiet ta' dawk li jazzardaw biex jitfu n-nar dejjem ilaħħaq ċifri għolja. F'reġjuni fejn hemm il-foresti, speċjalment fl-istaġun xott tas-sajf, jkkawżaw ruħhom nirien kbar u jħallu ħerba kbira warajhom.  ‘Only The Brave’, ibbażat fuq l-istorja vera ta' grupp kariżmatiku ta' pumpiera, Granite Mountain Hotshots jesibixxi l-erojiżmu ta' dawn il-paladini lokali tat-tifi tan-nar li b'rieda qawwija, dedikazzjoni u impenn sħiħ, saru wieħed mill-aqwa timijiet tax-xorta tagħhom fl-Istati Uniti.  Waqt li ċ-ċittadini ta' bliet u rħula jiġu evakwati meta affaċċati minn nirien kbar, dan il-grupp b'għalmu sħiħ jersqu lejn dan il-flaġell biex, altruwistikament u mingħajr ħsieb ta' ħajjiethom, isalvaw il-post meta jkun possibbli.  Taħt it-tmexxija ta' Eric Marsh [Brolin], fejn kontinwament jippreparaw ruħhom għall-agħar li jista’ jinqala', billi jagħmlu eżerċizzi fiżiċi iebsin u ġiri fuq terran aħrax, il-Granite Mountain Hotshots iddistingwew ruħhom meta ħaduha kontra vampi għoljin ta' nar potenti fil-ħruq ta' Yarnell Hill u b'hekk, rebħu t-titlu ta' Hotshots. ‘Only The Brave’ jiffoka wkoll fuq il-ħajja normali u sempliċi li dawn il-pumpiera jgħixu mal-familji tagħhom, bi ħbiberija u attitudni ta' aħwa, sagrifiċċji u riċevimenti amikevoli flimkien fil-beraħ.  Bl-ambjent rurali tant ovvju, dan qisu Western modern.  Wieħed jieħu pjaċir jara lil Jeff Bridges jaġixxi ta' patrijarka maċ-ċittadini sħabu.

 

JUSTICE LEAGUE [3D]

Atturi Ewlenin:  Ben Affleck;  Henry Cavill;  Gal Gadot;  Amy Adams;  Diane Lane;  Connie Nielsen;  Jeremy Irons

Direttur:  Zack Snyder

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 120min.

Ċert.:  12A

Sitt supereroj jingħaqdu flimkien bħala tim unit biex jiffaċċjaw għadu potenti ħafna u ta' minaċċja globali.  ‘Justice League Of Heroes’, li jinkludu Batman, Superman, Wonder Woman, Green Lantern, The Flash,  u Cyborg ra d-dawl fl-1960 fi ktieb ta' D. C. Comics [ir-rivali ta' Marvel Comics] jismu ‘The Bold And The Brave’.  Id-dinja tinsab taħt attakk katastrofiku minn Steppenwolf, gwerrier invincibbli ta' tmien piedi tul u l-boxxla ta' xjaten tiegħu.  Bruce Wayne [Affleck], alias Batman jibda jfittex supereroj bħalu, fosthom Diana Prince [Gadot], magħrufa bħala Wonder Woman u jrid ukoll jikkonvinċi lil sħabu, nofshom umani b'abbilitajiet varji, Cyborg [Ray Fisher], Aquaman [Jason Momoa] u The Flash [Ezra Miller] biex jingħaqdu flimkien u jiddefendu l-umanità. Wara s-sagrifiċċju ta' qabel ta' Superman [Cavill], dawn kollha jkunu konxji minn neċessità urġenti li jeħduha kontra għadu ta' saħħa titanika.  ‘Justice League’ li hu bit-3D hu mimli azzjoni ta' barra minn hawn, b'effetti speċjali viżwali kważi mirakolużi waqt li jiżvolġi qisu wieħed qed jara ktieb komik jieħu l-ħajja elaborata fuq il-liżar il-kbir. B'direttur bħal Zach Snyder li wkoll kiteb din l-istorja, ‘Justice Leagye’ jinsab f'idejn sodi u verament abbli. Wara s-suċċess riċenti ta' ‘Winder Woman’, dan il-karattru simpatiku tassew jibbrilla hawn.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook