Rakkont | Pupazz tas-silla

Rakkont mill-pinna tal-awtriċi Sharon Calleja

Qatt ma kien ħa gost daqs dik il-lejla.

Iva, kellu jammetti miegħu nnifsu.

Kien ħa gost ta’ veru.

Għalkemm il-festa tal-qara’ aħmar jew aħjar, il-Halloween ma tantx kien jemmen fiha għaliex l-użanza tagħha fil-gżejjer Maltin kienet daħlet biss dan l-aħħar u hu kien kemxejn l-antika, xorta kien mar il-festin li kienu stiednuh sħabu tax-xogħol. Għax minn meta kienet telqitu Madeline, kien intefa’ d-dar jixrob il-birra, jimla l-pulmun bid-duħħan tas-sigaretti u nqata’ mid-dinja ta’ barra.

Xogħol biss. Hemm biss kien għadu jmur.

Iżda dik il-lejla kien ħareġ mill-qoxra.

U kien ħareġ waħda sew għax tgħidx kemm żifen u ttanta tfajliet li kienu lebsin kostumi ta’ din il-festa barranija li ftit, ftit kienet dieħla hawn ukoll.

Tfaċċat tbissima ħelwa fuq wiċċu hekk kif il-karozza żgħira tiegħu, daret liwja u sab aktar djar imżejna bil-qara’ aħmar fit-twieqi u parapetti. Saq għal aktar ħin, jammira d-dwalijiet oranġjo u ornamenti oħra.

U waqaf.

It-triq prinċipali li kien jaf biha hu, kienet magħluqa minħabba xi tiswijiet li kienu qegħdin jagħmlu fiha.

Gerger waħdu, hekk kif bla ma kien jaf fejn kellu jaqbad imur, qabad triq oħra. Triq aktar dejqa. Aktar trankwilla. Triq fejn ma kienx hemm djar. Siġar biss. Fuq iż-żewġ naħat tat-triq.

Xi dwejjaq! Kien tawwal sew sabiex jasal id-dar!

Fil-bidu ma setax jara sew, iżda mbagħad għajnejh bdew joqogħdu għad-dlam li kien hemm madwaru. Hawnhekk ma kienx hawn dwal tat-triq u ħlief il-qamar mimli eżatt faċċata tiegħu, imdawwar bis-sħab skuri madwaru, ma kienx qed jara.

U siġar. U aktar siġar.

Andrew inħasad.

Dawl.

Ħoss ta’ brejkijiet.

Xokk qawwi.

Għal ftit ma daħlitx ġo fih!

F’salt dawwar l-istering! Ma riedx jolqotha! Idejh weħlu mal-istering. Il-karozza daret lejn triq dejqa, kollha ħofor u bdiet nieżla u nieżla! Bla kontroll! Ma setax jikkontrollaha! Donnha l-karozza kienet għaddejja waħedha! Ħass ir-roti jgħaddu minn fuq xi ċint żgħir u nduna li kien ħareġ minn ġot-triq u wasal f’xi tip ta’ bosk żgħir. Is-siġar bdew għaddejjin żbrixx minn magħhom! Jew aħjar, huma kienu għaddejjin żbrixx minn mas-siġar!

Andrew ħass rasu ddur. Sa xħin bilkemm kien għadu qed jara, sa xħin kien qiegħed eżatt faċċata ta’ siġra kbira.

L-impatt kien qawwi. Ħoss ta’ ħadid jitgħawweġ. Jitkisser. Ħġieġ jinfaqa’. Qisu ġebel itir. U l-għajta tiegħu!

Dawn il-ħsejjes kollha dwew mal-inħawi.

Andrew ħass nifsu jinqatalu, hekk kif bla ma kien induna, kellu rasu mbenna bejn idejh. Beda jneħħi jdejh bil-mod minn quddiem għajnejh sa xħin ra x-xena li kien hemm quddiemu.

Tifrik.

Id-dettall waħxi tas-siġra mkissra.

B’idejh jitriegħdu, beda jfittex il-mobajl fil-but u ftakar li llum kien ħallieh warajh id-dar.

“Alla tiegħi...” beda kważi jibki.

Issa x’kellu jaqbad jagħmel?

Ħareġ bil-mod minn ġol-karozza, iż-żaqżiq tal-bieba jaqta’ dak is-silenzju profond li kien hemm fl-arja misterjuża ta’ barra.

Ried imur ifittex l-għajnuna. Hawnhekk kien hawn ċappa dlam u żgur ma kien jgħix ħadd.

Bexxaq għajnejh ħalli jipprova jara aħjar, iżda ħlief dellijiet imħallta mal-iskurità tal-post ta’ siġar kbar ma kienx qed jara. Malli ż-żarbun sabiħ li kien libes rifes mal-art qarmeċ fuq il-ħamrija niedja u friska.

Tgħid fejn kien ġie?

Beda jħossu jirtogħod.

Għalkemm saqajh kienu bla saħħa, beda miexi kif seta’ bl-addoċċ, mingħajr indikazzjonijiet ta’ ebda dawl, l-unika konsolazzjoni tal-qamar jirrifletti ftit li xejn b’mod fiddieni bejn il-friegħi tas-siġar li kien hemm ma’ kullimkien. Ir-riħa ta’ ħaxix u ħamrija li s-soltu kienet twennsu, illum kienet kważi qed iddejqu u ħassu kważi jistordi.

Imbagħad rah.

Qalbu għamlet tikk!

Kien hemm xi ħadd! Kien qed jara l-profil ta’ xi ħadd!

“Ajjut!” beda jgħajjat Andrew, jisma’ leħnu jidwi mal-inħawi.

Iżda l-persuna ma ċċaqalqitx.

Ebda ħoss.

Xejn.

Kwiet.

“Ajjut!” reġa għajjat. Telaq jiġri b’kemm kellu saħħa, iżda eżatt malli wasal quddiemu, induna li dan ma kien xejn ħlief pupazz tas-silla, li b’mod stramb kien imqiegħed f’apertura żgħira f’dan il-bosk mitluq.

Andrew ħass ix-xfar ta’ għajnejh jaħarquh, hekk kif bil-biża kienet ser taqbiżlu demgħa. Il-ħoss taż-żarbun jgħaffeġ il-weraq niexfa ħasdu hekk kif resaq eqreb lejn il-pupazz.

U induna.

Warajh kien hemm kmajra!

Kien wasal ħdejn kmajra!

Bla ma qagħad jaħsibha, Andrew telaq jiġri lejn il-bieb tal-kamra u beda jħabbat fuqha b’kemm kellu saħħa.

Jaħasra!

Kieku jkun hawn xi ħadd!

Iżda t-tama kienet maqtugħa għaliex ma kien hemm l-ebda indikazzjoni ta’ ħajja jew dawl.

Kwiet.

Dak biss kien hemm.

Reġa’ ħabbat. U ħabbat. Ried jibki. Ried igerger. Dan kollu tort ta’ dik il-karozza mbierka li kienet ser tidħol ġo fih!

Imbagħad dar lura u mar iħares lejn il-pupazz tas-silla.

“Kemm int sew int...” beda kważi jgedwed waħdu Andrew, iħoss il-kesħa tal-bosk tidħol ġo għadmu minn bejn il-flokk irqiq li kien liebes.

U dak il-ħin beda jiflih sew. Kien magħmul minn xi qatta’ tiben u silla, imdaħħla sew taħt ħwejjeġ qodma u maħmuġin, b’dehra mikula biż-żmien.

Riħa qawwija.

Riħa tinten pesta.

Resaq eqreb lejn il-pupazz u ħass is-suf ta’ jdejh iqum xewk xewk.

Għalkemm kien id-dlam, u l-pupazz kien jidher imkebbeb sew bis-silla u z-zkuk, Andrew induna li l-għajnejn miftuħin beraħ... donnhom reali!

“Kif jista’ jkun?” beda kważi jlaqlaq waħdu, iħoss dehxa bard tiela’ ma’ dahru. Għolla idu ’l fuq b’mod kawtu u beda jmiss l-ixkora li kien hemm bħala parti tar-ras.

Għal mument, ħassu kważi jinfaqa’ jidħaq għax induna li kieku rah xi ħadd minn sħabu hawn, tgħidx kemm kienu jiddieħqu bih.

Iżda mbagħad ġibed ftit l-ixkora u ħass nifsu jinqatagħlu!

L-ixkora waqgħet mal-art ħdejn saqajh.

U dak il-ħin raha.

Inħasad.

Tkexkex.

Kienet mara.

Katavru!

Taħt dan il-pupazz ikrah, kien hemm katavru moħbi!

“Ġesù tiegħi...” beda jibki waħdu, hekk kif resaq żewġ passi lura, ir-rogħda taħkmu b’mod totali.

“Int x’int tagħmel fil-propjetà tiegħi?”

Andrew ibbies.

Inħasad.

Ma kienx jaf x’kellu jaqbad jagħmel.

“Int min int?” staqsieh.

Kien qed jara xwejjaħ bilwieqfa quddiem il-bieb tal-kmajra, li issa kien miftuħ beraħ, b’dawl baxx ħafna ħiereġ minnu.

Lanqas biss kien intebaħ li r-raġel kien xegħel u fetaħ!

“Int ħabbattli fuq il-bieb?” staqsieh.

Il-ħoss tar-riħ beda jsaffar madwar il-friegħi.

Kien raġel imdaħħal sew fiż-żmien u ħotbi sew. Kien qed iħares lejh b’mod kurjuż.

“Iva...għax...ħbatt bil-karozza...” beda jgħidlu. “Hawnhekk hawn mara... rajt mara taħt il-pupazz...” leħnu telaqlu għal kollox bil-biża’.

“Mara?” beda jsaqsih ix-xwejjaħ, hekk kif resaq lejh.

Malli għajnejn ix-xwejjaħ waqgħu fuq il-katavru, li ovvjament kien jidher xi ftit dekompożitat, beda jibki u jnewwaħ u jintefa’ mal-art.

“X’inhu jiġri?” staqsieh Andrew imbellah. Lanqas kien jaf x’kellu jaqbad jaħseb.

“Dik Mary tiegħi! Ilha nieqsa għal dawn l-aħħar għaxart ijiem!” beda jnewwaħ. “Ejja miegħi ħa nċemplu l-pulizija! Qatluhieli! Qatluhieli u ħbewha hemm!” kompla jgħajjat ix-xwejjaħ.

Andrew tbellah. Ma felaħx jitkellem.

Andrew u x-xwejjaħ kixfu l-katavru tal-mara minn taħt il-pupazz u marru bih fil-kamra. Meddewha mal-art b’mod ġentili.

“Sejjer inċempel...” qallu r-raġel.

“Iva...” wieġbu Andrew, jersaq lejn il-kantuniera, għajnejh jiflu l-għanqbut u l-ħmieġ li kien fiha din il-kamra għarwiena minn kull tip ta’ għamara.

Beda jistenna.

U jistenna.

Kultant iħares lejn il-katavru, jiskerrhu u kultant jgħatti għajnejh.

Ix-xwejjaħ donnu kien se jdum ma jiġi lura!

Wara xi nofs siegħa qata’ qalbu. Beda jdur u jfittxu u ma seta’ jsibu mkien. Resaq lejn in-naħa ta’ wara tal-kamra u beda jsejjaħlu.

Kwiet.

Ix-xwejjaħ kien sparixxa.

Dak żgur hu kien qatilha!

Żgur hu!

Andrew ippanikja u telaq jiġri b’kemm kellu saħħa ’l barra minn dan il-bosk tat-tkexkix fejn kien sab ruħu! Ma jmurx joqtol lilu wkoll!

Dak il-lejl stess, mar l-għassa u għamel rapport.

U jumejn wara, bagħat għalih l-ispettur li kien ħa ħsieb l-investigazzjoni.

“Sibtuha lill-mara?” staqsieh Andrew, hekk malli daħal fl-uffiċċju tiegħu.

“Fittixna kullimkien u ma sibna l-ebda katavru...” wieġbu. “U dik il-kmajra abbandunata.”

“U?”

“Staqsejna ftit lin-nies li jgħixu qrib l-inħawi,” qallu l-ispettur, iħares lejh b’ċertu mod stramb li xejn ma kien qed jogħġbu. “Kien hemm xwejjaħ li kien jgħix f’dik il-kmajra eżatt id-deskrizzjoni tiegħek. Apparentament, martu, Mary Vella, kienet għebet u ħadd ma kien jaf x’sar minnha. Milli jidher, kienu ssusspettaw li kien għamilha ġo xi pupazz tas-silla, imma kulħadd kien jibża’ jmur hemmhekk.”

“Allura mhux tmorru tfittxu lil dan ix-xwejjaħ u tarrestawh? Dak reġa’ ħbieha! Żgur reġa’ ħbieha!” beda jgħajjat Andrew.

“Ma jistax ikun, Andrew...”

“Għaliex?” Għajnejn Andrew infetħu beraħ.

“Għax dak ix-xwejjaħ ilu mejjet mis-sena 1945...  eżatt bħal jumejn ilu, Andrew.”

More in Divertiment