Films ġodda li ħerġin din il-ġimgħa

Films li se jibdew jintwerew fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa

Thor Ragnarok

Atturi Ewlenin: Chris Hemsworth; Cate Blanchett; Tessa Thompson; Tom Hiddleston; Mark Ruffalo; Anthony Hopkins.

Direttur: Taika Waititi.

Maħruġ minn: KRS Releasing.

Tul:130 min.

Ċert.: 12A

Is-supereroj tal-Mitoloġija Skandinava, in-Norveġiż Thor, maħluq fl-1962 fil-kotba komiks Marvel minn Stan Lee u Jack Kirby, qed jagħmel it-tielet dehra tieghu fuq il-liżar il-kbir f'‘Thor Ragnarok’. Dan l-alla tar-Raghad, din id-darba mingħajr il-mazza tiegħu ta' qawwa tremenda, irid jiġġieled mal-ħin biex jipprova jsalva lil pajjiżu, ir-Renju ta' Asgard, minn minacca kbira. Thor [Hemsworth] jinqabad priġunier fuq pjaneta misterjuza, in-naħa l-oħra tal-univers mingħajr il-mazza maġika tiegħu. Art twelidu se tkun attakkata u meqruda minn Hela [Blanchett], gwerriera, saħħara potenti u Regina ta' Hel u Niflheim. B'ħeġġa kbira fuqu biex imur jipproteġi lil pajjiżu, irid qabel jikkumbatti, fl-arena tal-gladjaturi, lill-Inkredibbli Hulk [Ruffalo], is-sieħeb tiegħu ta' qabel ‘Thor Ragnarok’ hi avventura mexxejja oħra, b'ħafna azzjoni u effetti viżwali speċjali, ispirata minn żewġ kotba komiks: ‘Thor's God Of Thunder’ u ‘Planet Hulk’. Aktar miż-żewġ produzzjonijiet ta' qabel, dan ix-xogħol fih fil sottili ta' umoriżmu jiġri matulu. Din id-darba, ħuh addottiv, Loki [Hiddleston], li s-soltu jkun l-avversarju kattiv ta' Thor, jingħaqad miegħu fil-missjoni urġenti li jimbarkaw fuqha. Stan Lee, ta' 95 sena, il-kreatur ta' diversi karattri tal-Marvel comics jerġa' jagħmel is-soltu deha qasira tiegħu.

The Death of Stalin

Atturi Ewlenin: Steve Buscemi; Jason Isaacs; Simon Russell beale; Michael Palin; Andrea Risborough.

Direttur: Armando Iannucci.

Maħruġ minn: KRS Releasing.

Tul: 107 min.

Ċert.: 15

L-Unjoni Sovjetika għamlet żmien twil taħt il-ħakma verament oppressiva tat-tirann, Joseph Stalin, li kien ukoll Segretarju Ġenerali tal-pajjiż. Kull min kien ma jaqbilx ma' dan id-dittatur brutali, kien isib ruħu maqtul, jew ittorturat bl-aħrax, jew mitfugħ il-ħabs jew speċjalment, mibgħut fil-kesħa xxoqq l-għadam tas-Siberja. ‘The Death Of Stalin’ jieħu forma ta' kummiedja oskura biex juri x-xena politika tal-USSR wara l-mewt ta' dan il-biċċier. F'Marzu tal-1953, wara li Stalin miet b'puplesija qawwija, l-qagħda interna tal-Kremlin sabet ruħha f'kaos kbir. F'din is-satira grandjuża naraw lil dawk ta' madwaru jiġġieldu, jargumentaw, jimmanuvraw u anki joqtlu sabiex jirtu l-poter tiegħu. Wara ħakma ta' 33 sena, bil-mewt tiegħu imminenti, dawk ta' taħtu ddisprati għall-poter, għamlu minn kollox biex jeħilsu mir-rivali tagħhom. Għal jumejn sħaħ, irġiel suppost maturi aġixxew b'mod mill-aktar baxx, infantili u egositiku. ‘The Death Of Stalin’ huwa satira fina dwar avvenimenti li seħħew tabilħaqq, ispirat min-novella grafika ta' Fabien Nury u Thierry Robin. L-immanuvrar politiku, l-elementi drammatiċi taħt forma ta' kummiedja serja u l-avvenimenti li jnisslu ħasra huma mħallta tassew bi preċiżjoni.

My Little Pony: The Movie

Vuċijiet Ewlenin; Emily Blunt; Kristin Chenoweth;; Liev Schreiber; Michael Pena; Zoe Saldana.

Direttur: Jayson Thiessin.

Maħruġ minn: KRS Releasing.

Tul:101 min.

Ċert.: U

Kaledoskopju brillanti ta' diversi kuluri hemm jistennew lill-familji u ż-żgħar kollha li jaraw  ‘My Little Pony: The Movie’. Infatti, fl-1986 kien ħareġ film ieħor jismu  ‘My Little Pony’, addattat għat-tfal ta' 7 snin jew iżgħar. Wara, nħolqot serje televiżiva. Din il-produzzjoni ġdida, aktar attraenti u elaborata, bbażata minn fuq il-ġugarelli Hasbro [dawk ta' ‘The Transformers’], għandha taqbad sewwa l-immaġinazzjoni tat-tfal ta' kull età. Meta sħaba sewda tersaq lejn ir-renju ultra-kkulurit ta' Equestria. is-sitt żwiemel ċkejknin li jtiru, magħrufa bħala Mane 6, ikollhom jivvjaġġjaw ’il bogħod minn Ponyville, fejn se jiltaqgħu ma' ħbieb oħrajn li jgħinuhom jikkumbattu din il-forza malinna, immexxija minn Storm King, saħħar misterjuż li l-pjan tiegħu hu li jisraq is-seħer ta' dawn il-ponijiet tassew gustużi. Fis-sekwenza tal-vapur li jtir tal-pirati, wieħed iħossu li daħal fit-territorju ta' Peter Pan. Għall-film purament għat-tfal ċkejknin,  ‘My Little Pony: The Movie’ fih xi sekwenzi ta' azzjoni movimentata. Però l-qawsalli psikadelici, mhux biss fis-sema, anki fid-dnub tal-annimali huma bl-abbundanza!

More in Divertiment