Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Films ġodda li ħerġin din il-ġimgħa

Films li se jibdew jintwerew fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa

Carmel Bonnici / 9 t'Ottubru 2017 13:50
Blade Runner 2049

Atturi Ewlenin:  Ryan Gosling;  Harrison Ford;  Ama De Armas;  Sylvia Hoeks;  Robin Wright;  Jared Leto.

Direttur:  Denis Villeneuve.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 169 min.

Ċert. 16+

Film li akkwista l-istatus ta' xogħol kult u li fi żmienu affaxxina lill-ħafna u li nistgħu ngħidu li kien il-pijunier ta' ġeneru ġdid hu ‘Blade Runner’ [1982], tad-direttur Ridley Scott.  Dan il-proġett viżjonarju li kien ibbażat minn fuq in-novella ‘Do Androids Dream Of Electric Sheep?’ ta' Philip K. Dick, kien jinkorpora b'mod effettiv żewġ ġeneri ta' film tassew distinti - dak tax-xjenza fittizja u l-‘film noir’ [tal-misterju jew tad-ditektivs]. Wara ħamsa u tletin sena, inħass li hemm bżonn li jinħadem ‘sequel’ għal dan il-kapulavur.  ‘Blade Rinner 2049’ jiżvolġi tletin sena wara l-avvenimenti tal-film ta' qabel.  K [Gosling], Uffiċjal tad-Dipartiment tal-Pulizija ta' Los Angeles, li qed ifittex ir-‘replikanti’ [esseri robot li fid-dehra jidhru umani], jiskopri sigriet importanti li jista' jitfa' lid-dinja f'kaos sħiħ. Din l-iskoperta tmexxih fuq vjaġġ biex ifittex lil Rick Deckard [Ford], ‘blade runner’ bħalu li ilu nieqes tletin sena. ‘Blade Runner 2049’ li hu wkoll bit-3D, hu mimli effetti vizzwalment inkredibbli u azzjoni furjuża.

 

Flatliners

Atturi Ewlenin:  Ellen Page;  Diego Luna;  James Norton;  Nina Dobrev;  Kiersey Clemons.

Direttur:  Niels Arden Oplev.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul:109 min.

Ċert.:  15

Kulħadd hu kurjuż x'jiġri meta mmutu u x'jista' hemm wara l-konfini ta' din il-ħajja. Ħafna li kellhom esperjenzi ta' mewt għal ftit ħin kollha taw spjegazzjonijiet varji u xejn konklussiv. ‘Flatliners’ hu speċi ta' ‘remake’ tal-film dirett minn Joel Scumacher fl-1990.  Ħames studenti żgħażagħ tal-mediċina b'attitudni inkwizittiva jossessjonaw ruħhom bil-misterju ta' x'qed jidtenniena wara din il-ħajja.  Mingħajr biża' ta' xejn jimbarkaw bil-moħbi fl-isptar fejn iservu fuq esperimenti perikolużi fejn, wieħed wara l-ieħor, iwaqqfu qalbhom għal ftit ħin u b'hekk ikunu xhieda ta' dak li hemm mistur.  Aktar ma jazzardaw fl-esperimenti tagħhom, wara li jirxuxtaw se jsibu ma wiċċhom li n-nuqqaijiet koroh tal-passat se jagħmlu vendetta minnhom billi qassmu bla permess lejn in-naħa l-oħra.  Fit-tieni parti tiegħu, ‘Flatliners’ jaqleb fit-territorju tal-biża' u s-sopranaturali u anki jkun se jagħti ħjiel li se jirfes il-ġeneru tas-sensiela ‘Final Destination’, billi qarrqu bil-mewt u din se tirreagixxi lura b'qilla.  Din il-produzzjoni tiftaħ bi traġedja li l-konsegwenzi tagħha se jirbumbjaw fil-final. It-titlu tal-film jirreferi għall-apparat tal-qalb meta jimmarka sinjal dritt li jfisser li l-pazjent ikun mejjet - qalbu mhux tħabbat.

 

Home Again

Atturi Ewlenin:  Reese Witherspoon;  Nat Wolff;  Jon Rudnitsky;  Pico Alexander;  Lake Bell;  Michael Sheen;  Candice Bergen.

Direttriċi:  Ħallie Meyers-Shyer.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 97 min.

Ċert.:  P.G.

Id-direttriċi Nancy Meyers iddistingwiet ruħha bix-xogħlijiet tagħha dwar relazzjonijiet romantiċi u ġieli anki kumplessi. Jidher ċar li t-tifla tagħha, Hallie Meyers-Shyer, li kitbet u dderiġiet ‘Home Again’ se timxi fuq il-kriterji ta' ommha. ‘Home Again’ hija kummiedja romantika moderna dwar l-imħabba, il-ħbiberija u dwar il-familji li nfasslu. Din il-produzzjoni pjuttost ikkomplikata tmiss it-tema li qatt mhu tard li wieħed jew waħda jibda mill-ġdid, f'mezz'età, fir-relazzjonijiet romantiċi tal-ħajja minkejja differenza fl-età. Alice Kinney [Witherspoon] hi sseparata minn żewġha Austen [Sheen], u biex tibda mill-ġdid tmur lura lejn Los Angeles, il-belt fejn għexet, maż-żewġt itfal bniet tagħha.  Fl-għeluq l-40 sena, tmur tixrob ġo bar ma' żewġ nisa ħbieb. Hemm, hi tiltaqa' ma' tliet irġiel, ħafna iżgħar minnha, li jridu jsiru diretturi tal-films u tagħmel ħbieb magħhom.  Billi m'għandhomx fejn joqgħodu, wara xarba, tistedinhom għandha temporanjament fil-‘guest house’ li tmexxi. Wieħed minn dawn it-tlieta jieħu grazzja magħha u hi tirreċiproka. Però, din il-familja ġdida tagħha u r-relazzjoni romantika jieħdu skoss qawwi meta wara l-bieb jerġa' jitfaċċa Austen b'bagoll miegħu.  ‘Home Again’ jiżvolġi b'mod divertenti, leġġer u xejn profond, u bil-konflitti li jinqalgħu fis-sitwazzjonijiet li jesibixxi. Bħala l-omm b’żewġ ulied bniet u maħbub ġdid, Reese Witherspoon hi kariżmatika ħafna fir-rwol li taħdem u dejjem iżżomm kontroll.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook