Aktar minn 32,000 xemgħa se jsaħħru l-isqaqien fil-Birgufest

L-aktar belt antika ta’ Malta se terġa’ tilqa’ l-eluf għal lejl ta’ storja, ikel, xorb u mużika bħall-lum ġimgħa

Din is-sena ser issir l-14-il edizzjoni tal-Birgufest 2017 bejn il-Ġimgħa 13 u l-Ħadd 15 t’Ottubru, organizzata mill-Kunsill Lokali tal-Birgu bl-għajnuna tal-Ministeru tat-Turiżmu, tas-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali, id-Dipartiment tal-Gvern Lokali u l-Mediterranean Tourism Foundation.

Għal dawn l-attivitajiet ġie mħejji programm li jolqot diversi setturi, fosthom dak edukattiv, l-istorja ta’ din il-Belt rikka bl-istorja tagħha kif ukoll il-kultura tal-Gżejjer Maltin.

Biex jiġi organizzat dan l-avveniment annwali u biex jibqa’ fost l-aqwa u l-aħjar u ma jnaqqas xejn mill-popolarità tiegħu, il-preparamenti jibdew isiru minn xhur qabel, mill-Kunsill Lokali tal-Birgu mgħejjunin minn bosta volontiera tal-Lokal u dan ix-xogħol kollu ser ikun il-garanzija tat-tlett ijiem sħaħ t’attivitajiet li żgur ser ikunu t’esperjenza għal dawk li ser jattendu għalihom mhux għal dawk il-Maltin biss imma ma’ dawk il-bosta barranin li ħejjew il-vaganzi tagħhom biex iżuru l-Gżejjer Maltin għal dawn l-attivitajiet.

Dawn l-attivitajiet tal-Birgufest 2017 ser jibdew propju nhar il-Ġimgħa 13 t’Ottubru matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu fejn din il-Belt ser tilqa’ madwar 1,800 tifel u tifla mill-iskejjel Governattivi, Privati u anke dawk tal-Knisja minn Malta u Għawdex.

Dawn se jkollhom opportunità ta’ tagħlim fejn ser iżuru binjiet storiċi fosthom mużewijiet u knejjes; kif ukoll tagħlim fuq l-istorja vasta ta’ din il-Belt.

Dakinhar stess filgħaxija fil-Pjazza ewlenija ta` din il-Belt ser ikun hemm Bands li huma għal gosti taż-żgħażagħ u għal dawk kollha li jħobbu mużika vasta. Din l-attività tibqa’ sejra sa nofsillejl.

Is-Sibt 14 t’Ottubru fil-jum ta’ dak l-avveniment tant mistenni, dak tal-Birgu by Candlelight, nistgħu ngħidu li l-attivitajiet jibdew propju minn kmieni filgħodu.

Dakinhar fostna se jkollna magħna lis-Sindku ta’ Vignanello akkumpanjat mill-mara tiegħu flimkien ma’ delegazzjoni mill-Kunsill ta’ din il-Belt Taljana, fejn propju fl-Uffiċini Amministrattivi tal-Kunsill Lokali tal-Birgu ser jiġi ffirmat Ġemellaġġ bejn dawn iz-żewġt ibliet. Ser ikun hawn ukoll stakkament mill-Inguardia u The Red Hackled Pipe Band Malta jduru mat-toroq ewlenin ta’ din il-Belt.

Minn kmieni wara nofsinhar jibdew il-preparamenti għal dik il-lejla spettakolari minnha nnifisha, dik tal-Birgu by Candlelight; bl-għajnuna ta’ ħafna u ħafna residenti fejn għal darb’oħra ser jerġgħu jinxtgħelu aktar minn 32,000 xemgħa, li bid-dawl tagħhom ser jerġgħu joħorġu s-sbuħija ta’ din il-Belt rikka u sinjura tagħha u jpaxxu lil dawk kollha li jkunu qed jippassiġġaw mat-toroq dojoq u antiki.

Se jkollna magħna diversi Bands Lokali, kif ukoll gruppi folkloristiċi internazzjonali li ġejjin mill-Portugall, mill-Indja kif ukoll grupp ta’ żeffiena Amerikani li ser jinġiebu l-Birgu grazzi għall-Ambaxxata Amerikana f’Malta.

Fostna wkoll se jkollna grupp Tork li ser jagħti kunċert fil-Pjazza tal-Belt Vittoriosa. Dan huwa frott ta’ Memorandum of Understanding bejn il-Belt ta’ Bodrum u dik tal-Birgu li ġie ffirmat ftit taż-żmien ilu. Propju għal dan l-avveniment ġejjin fostna wkoll rappreżentanti mill-Kunsill Lokali ta’ Bodrum akkumpanjati mill-mara tas-Sindku.

Jintlaħaq il-qofol ta’ din l-attività fejn madwar din il-Belt, matul din il-lejla unika, ser ikun hawn diversi esibizzjonijiet, suq tal-artiġġjanjat, kunċerti fil-knejjes kif ukoll ser ikollna fostna lill-Maestro Taljan Bruno Santori flimkien mal-Kantanta Maltija Ira Losco fejn ser jagħtu spettaklu indimentikabbli għal dawk kollha preżenti.

Il-Ħadd 15 t’Ottubru propju għall-għeluq ta’ din l-attività mill-10am sa nofsinhar fejn dan l-avveniment jasal fi tmiemu, ser jerġa’ jkollna magħna dak il-grupp Portugiż akkumpanjat mill-grupp folkloristiku mill-Gzira Ghawdxija dak ta’ Mnarja Folk Group fejn fil-Pjazza tal-Belt Vittoriosa ser jiżfnu flimkien.

Se jkun hemm ukoll Massed Pipes & Drums magħmul mill-Marsa Scouts Pipes & Drums u l-Wallace Pipes & Drums fejn dawn ser iduru mat-toroq ewlenin tal-Birgu.

Il-Kunsill Lokali tal-Birgu jixtieq jinforma lil dawk kollha li qed jippjanaw biex f’dawn il-ġranet ta’ dan l-avveniment speċjalment dik tas-Sibt 14 t’Ottubru dik tal-Birgu by Candle Light li mill-Belt (minn fejn id-Dwana l-Antika) ser ikun hemm is-servizz bil-Lanċa u d-dgħajsa Maltija li jibqa’ sejjer sas-sagħtejn ta’ filgħodu (sbieħ il-Ħadd).

Dawk kollha li jiġu bil-vetturi tagħhom importanti ferm li jonoraw l-ordnijiet mill-pulizija tat-traffiku fejn jiġu indikati l-postijiet tal-parkeġġ. Dawn ser ikunu fiż-żona ta’ Kordin (fejn il-Hibs Ground), fit-Triq Missjoni Taljana fil-Kalkara u f’Garden Road Ħaż-Żabbar fejn minn dawn iż-żoni ser ikun hemm is-servizz tal-Park and Ride għall-prezz ta’ €1 kull persuna.

More in Divertiment